Bħal-lum 99 sena ilu twieldet Chiara Lubich

Chiara Lubich twieldet fi Trento, fl-Italja ta’ Fuq, fit-22 ta’ Jannar 1920.  Ġiet mgħammda bl-isem ta’ Silvia; ħadet l-isem Chiara meta  bħala membru tat-Terż Ordni Franġiskan  tant kienet milquta mill-għażla t’Alla li għamlet Chiara t’ Assisi.

It-tieni gwerra dinjija kienet fl-aqwa tagħha meta hi għamlet esperjenza qawwija ta’ Alla Mħabba; qasmitha mal-ewwel ħbieb tagħha  u flimkien għażlu lil Alla bħala “l-ideal” ta’ ħajjithom.

Kien fis-7 ta’ Diċembru 1943,  meta ż-żagħżugħa Lubich  tat lilha nnifsha   b’mod sħiħ lil Alla b’vot tal-kastita’. Tfajliet oħra bdew isegwuha u madwarhom bdiet tifforma ruħha komunita’ li minnha  twieled  il-Moviment tal-Fokolari,  li llum jinsab f’182 nazzjon u jħaddan fih  nies ta’ kull eta’,  minn kull qasam tal-ħajja, ta’ kultura u  twemmin differenti.

Chiara Lubich hi meqjusa bħala waħda mill-figuri  kariżmatiċi kbar ta’ żminijietna. Hi magħrufa għall-ħidma  kbira  li wettqet biex  nies  minn Knejjes differenti, ta’ reliġjonijiet differenti  u anki  oħrajn li m’għandhom ebda twemmin reliġjuż jagħrfu lil xulxin bħal aħwa u jagħtu s-sehem tagħhom għall-għaqda u l-paċi fid-dinja. Matul ħajjitha, hi bniet rabtiet mill-qrib mhux biss ma’ ħafna minn dawk li  għażlu li jsegwuha  fit-triq tal-unita’, imma wkoll ma’ Papiet, mexxejja ta’ Knejjes u reliġjonijiet, ma’ fundaturi ta’ Movimenti, ma’ diversi personalitijiet fil-ħajja ċivili u politika.

L-ispirtu tal-Moviment, li Chiara Lubich kienet il-president  tiegħu sakemm damet ħajja,  jipproponi stil ġdid ta’ ħajja anki fl-oqsma ċivili, ekonomiċi u politiċi. U hi rċeviet bosta rikonoxximenti minn diversi istituzzjonijiet akkademiċi internazzjonli  għas-sehem  f’dawn l-oqsma; fosthom  anki lawrja h.c. mill-Universita’  ta’ Malta.

Chiara temmet il-vjaġġ tagħha fuq din l-art fl-14 ta’ Marzu 2008. Fl-2015 bdiet il-kawża tal-beatifikazzjoni tagħha.  Hi ħalliet wirt kbir li għadu qed ikun ta’ ispirazzjoni mhux biss għall-familja tal-Moviment tal-Fokolari mxerrda mad-dinja kollha, imma wkoll għal ħafna u ħafna oħrajn.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.