Assemblea Ġenerali – Djarju 2 – 25/01/2021

Patt Globali

It-tieni ġurnata tal-Assemblea Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari bdiet b’talba ekumenika li kienet ippreżentata minn parteċipanti minn Knejjes differenti. Kienet talba lil Ġesù msallab u abbandunat sabiex jgħin lil kull wieħed minna “jikber fis-smigħ reċiproku”, jgħallimna “nilqgħu flimkien lill-Ispirtu s-Santu” u “l-għajta tal-bnedmin tal-lum” ħalli “insiru strumenti ta’ unità”.

Imbagħad saru xi votazzjonijiet li ma kienx hemm ħin għalihom il-bieraħ u li huma meħtieġa biex ir-regolament tal-Assemblea jkun jgħodd għall-mod virtwali li bih qed issir.

Għalhekk l-irtir għall-parteċipanti kollha, li jispiċċa nhar l-Erbgħa 27 ta’ Jannar, beda kemmxejn aktar tard. Dan l-irtir huwa parti kostituttiva mill-Assemblea kif hemm miktub fl-Istatut tal-Moviment, “sabiex l-eletturi (…) jkunu doċli għall-grazzja tal-Ispirtu s-Santu”.

L-ewwel tema magħżula kienet dik li poġġiet lill-parteċipanti quddiem dik li nistgħu nsejħulha ċ-ċavetta għad-dħul fil-mistika ta’ Chiara Lubich: il-patt solenni, li l-fundatriċi għamlet fis-16 ta’ Lulju 1949, fuq id-Dolomiti ma’ Igino Giordani, ko-fundatur tal-Moviment, li kien kittieb u politiku. F’dak il-patt – kif saħaq Fr Fabio Ciardi, Oblato ta’ Maria Immakulata u teologu dwar il-ħajja kkonsagrata- Chiara Lubich u Igino Giordani, kienu talbu lil Ġesù, li ftit qabel kienu rċevewh fl-Ewkaristija, sabiex ikun Hu stess li joħloq l-għaqda ta’ bejniethom. Talbuh juża d-disponibbiltà sħiħa u reċiproka tagħhom biex jilqgħu lill-ieħor, jivvalorizzaw il-ħsieb tal-ieħor, u hekk jagħmlu spażju għall-Ispirtu s-Santu.

Barra minn hekk, hu saħaq li l-maħfra u l-ħniena huma l-bażi għal dan il-patt, u l-parteċipanti kienu mistiedna jpoġġu din il-premessa fil-prattika. Fil-fatt, min ried seta’ jagħmel kuntatt ma’ xi parteċipant li xtaq jirrikonċilja miegħu/magħha qabel ma sar dan il-patt – ilkoll flimkien u kull wieħed bil-lingwa tiegħu – f’talba globali li marret ‘l hemm minn kull limitu.

Diversi stejjer u esperjenzi wrew kif din il-mistika komunitarja tista’ tissarraf f’ħajja: Vicky u Vic mill-Filippini rrakkuntaw kif għexu u għelbu l-infezzjonii mill-Covid 19; Somijt, buddista mit-Tajlandja qal kif qed ifittex li jgħix il-ħajja tiegħu bħala don għall-oħrajn skont it-tagħlim ta’ Bhudda. Jordi minn Spanja, anjostiku, rrakkonta kif flimkien ma’ martu li hi nisranija qed jimpenjaw ruħhom biex jikkordinaw diversi gruppi ta’ djalogu.

U Rassim, Musulman mill-Alġerija qal kif fil-Kuran qed isib il-kuraġġ biex jgħin lill-oħrajn u biex jiddikjara l-imħabba lejn l-oħrajn bla ebda kundizzjoni.

Fl-aħħar ta’ din il-ġurnata ta’ rtir, il-parteċipanti nqasmu fi 34 grupp fi kmamar virtwali fejn setgħu mhux biss jaqsmu ħsibijiet u riflessjonijiet, imma wkoll għixu dak li kien ippreżentat fis-sessjoni tal-lum: smigħ reċiproku u profond u akkoljenza sħiħa lejn xulxin.

Uffiċċju informazzjoni tal-Moviment tal-Fokolari

 

Source: https://www.focolare.org/en/news/2021/01/25/a-global-pact/

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.