Chiara Lubich: Inħarsu d-dar komuni tagħna

Silta minn ittra ta’ Chiara Lubich, il-fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari lil Nikkyo Niwano. L-istedina li hemm f’din l-ittra hi tassew attwali. Tistieden lil kull wieħed u waħda minna biex jagħti s-sehem tiegħu għall-ħarsien tad-dar komuni tagħna.

(…) Qed jiġu llanċjati proposti minn kullimkien biex infejqu d-dinja marida tagħna.(…) Dan is-suġġett hu ħafna għal qalb iż-żgħażagħ, li jħossu l-bżonn ta’ bidla radikali fejn tidħol ir-relazzjoni mal-ambjent, ir-relazzjoni bejn individwi u Stati u fil-mod kif nużaw l-għarfien xjentifiku. Iwissu li l-ħarsien tal-ambjent u l-paċi jistgħu jseħħu biss fuq skala planitarja. U huma konvinti li biex iseħħ l-ideal ta’ dinja magħquda, il-bniedem irid jiġi qabel x-xjenza u t-teknoloġija.

(…) Din hi kwistjoni li fiha rridu nagħtu s-sehem konkret tagħna jekk irridu li tinsab soluzzjoni għall-problemi l-kbar, anki jekk dan is-sehem ikun żgħir. Iż-żgħażagħ tagħna fehmuha din il-ħaġa u ġa huma involuti f’diversi iniżjattivi li juru awareness personali u kollettiv b’diversi modi, bħal per eżempju x-xiri ta’ prodotti li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-ambjent, il-ġbir tal-iskart li jħammeġ l-ambjent u għażliet li jitqanqlu mir-rispett kbir lejn in-natura.

Jeħtieġ nibdew mill-problemi lokali żgħar biex inkunu nistgħu niffurmaw kuxjenza morali li tkun kapaċi tindirizza l-problemi fuq skala globali. Fl-aħħar mill-aħħar, l-ekoloġija hi sfida li nistgħu negħlbuha biss billi nibdlu mentalita’ u niffurmaw il-kuxjenzi.

Studji xjentifiċi serji taw prova li m’hemm ebda nuqqas ta’ riżorsi tekniċi jew ekonomiċi għat-titjieb tal-ambjent. Dak li hemm nieqes hu ruħ, dik l-imħabba ġdida għall-umanita’ li tagħmilna lkoll responsabbli għal xulxin fl-isforz komuni biex nużaw ir-riżorzi tad-dinja b’mod intelliġenti, ġust u meqjus. Ma ninsewx li Alla l-Ħallieq ta l-art f’idejn il-bnedmin kollha u mhux f’idejn persuna waħda jew xi grupp wieħed ta’persuni.

(…) Fir-rakkont tal-ħolqien, il-Bibbja tgħallimna li hu biss f’armonija mal-pjan t’Alla li n-natura u l-bniedem jistgħu jsibu ordni u paċi. (…) Jekk niskopru li l-ħolqien hu rigal mingħand il-Missier li jħobbna, ikun aktar faċli li nsibu relazzjoni armonjuża man-natura.U jekk niskopru wkoll li dan ir-rigal hu għall-membri kollha tal-familja umana, u mhux biss għal xi ftit, ikun hemm aktar attenzjoni u rispett lejn dak li tappartjeni għall-familja kollha tal-bniedem tal-lum u tal-ġejjieni.

Chiara Lubich


(Letter from Chiara Lubich to Nikkyo Niwano, founder of the Buddhist organization Risshō Kōsei Kai – 1990 , in POLI, R. and CONTE, A., “Life, health, environment between hope and responsibility”, Cittá Nuova, Rome, 2021, pp. 32-34)

Best practices and activities: http://www.unitedworldproject.org/daretocare2021/


 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.