Festa ta’ Santa Chiara t’Assisi: “Nagħtu lil Alla l-ewwel post.”

Silta minn tislima li Chiara tat lill-membri tal-Moviment tal-Fokolari miġbura fl-Isvizzera għall-festa ta’ Santa Chiara fil-11 ta’ Awwissu 1999.


Festa ta’ Santa Chiara t’Assisi

Għeżież,

(…) Illum hi l-festa ta’ Santa Chiara t’Assisi. Dejjem impressjonana l-kliem li qalet lil San Franġisk li tant ġibidha biex timxi warajh meta dan staqsieha: “Binti x’tixtieq?”

Kont tistenna li twieġeb: “Nixtieq nimxi warajk fil-triq tal-faqar”, “Nixtieq insir reliġjuża”, “Nixtieq ningħalaq f’kunvent”. Iżda hi tagħtu l-aħjar tweġiba (…) . Qaltu: “Lil Alla”.

Xtaqet lil Alla għax għażlet lil Alla, għax Alla għażilha.

Din hi l-istess għażla li aħna għamilna fil-bidu tal-Moviment. Għamilna għażla waħda: Alla. (…). Din l-għażla hi dejjem ġdida u twassalna biex inwarrbu r-rikkezzi kollha li nistgħu nakkumulaw, forsi wkoll mingħajr ma nindunaw. Jista’ jkun li r-rikkezza tagħna tkun il-Fokolar; nistgħu nistgħanew b’ħafna affarijiet oħra: b’dak li jiġi f’moħħna, bl-istudju (…), b’dawk li jiġu minna, bil-familja. Nistgħu nkunu sinjuri bil-fergħa tal-Moviment tagħna, forsi bis-saċerdozju, jew b’xi ħaġa oħra.

Iżda, l-Ideal tagħna li hu Ġesù abbandunat, li xejjen lilu nnifsu, jwassalna biex inwarrbu dan kollu ħalli nagħtu lil Alla l-ewwel post ta’ ħajjitna u nwettqu l-bqija bħala r-rieda tiegħu għalina.

Dan hu li Santa Chiara qed tfakkarna llum. Hi għamlet dan billi għażlet it-triq tal-faqar. Aħna nagħmluh billi nagħżlu t-triq tal-unità, billi dejjem ikollna l-preżenza ta’ Ġesù Rxoxt f’nofsna permezz tal-imħabba lejH abbandunat.

Dan hu l-ħsieb li xtaqt naqsam magħkom. Grazzi talli ġejtu hawnhekk, u nżommu l-preżenza ta’ Ġesù f’nofsna.

Chiara Lubich
(Estavayer le-Lac, Svizzera, 1999)

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.