Assemblea Ġenerali – Djarju 5 – 28/01/2021

Ir-Rapport tal-President

Għall-Assemblea ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari, illum kienet ġuranta  ta’ valutazzjoni.  Il-programm kien jinkludi gruppi ta’ diskussjoni fuq ir-rapport ta’ Maria Voce  dwar is-sitt snin li għaddew. Il-parteċipanti rċevew ir-rapport aktar minn ġimgħa ilu sabiex kull wieħed seta’ jistudjah personalment. Ħarġu ħafna mistoqsijiet, li xi wħud minnhom saru  lill-President Maria Voce  u lil Jesús Morán, il-Ko-president  kmieni wara nofsinhar.

Maria Voce spjegat li r-rapport ma kienx maħsub biex jagħti “lista ta’ attivitajiet”, imma biex wieħed seta’ jagħmel “qari ta’ dak li għexna”. Ġibdet l-attenzjoni dwar dik imsejħa “struttura ġdida”  tal-Moviment tal-Fokolari: proċess li beda sabiex il-kariżma tal-unità  setgħet tkun attwalizzata f’kuntesti diversi  fid-dinja. Maria Voce ammettiet li dan il-proċess  ħoloq “ċerta diżorjentazzjoni”  f’oqsma differenti, iżda saħqet ukoll li ġab effetti pożittivi: protagoniżmu ġdid fil-komunitajiet lokali u sinerġiji ġodda bejn il-friegħi tal-Moviment  u t-taqsmiet territorjali, li taw il-lok għall-kreattività ġdida.

Wara li wriet is-sehem siewi li qed jagħtu l-ġenerazzjonijiet ġodda tal-Moviment, li fosthom “sabet persuni li ħadu impenn u huma lesti li jkunu responsabbli”, il-President tkellmet dwar it-tliet orjentazzjonijiet li ħarġu mill-Assemblea tal-2014. Meta tkellmet dwar l-ewwel punt, “noħorġu”, hi semmiet oqsma f’ambjenti varji, bħalma huma l-qasam soċjali u d-djalogu interkulturali fejn il-Moviment qed joffri s-sehem tipiku tiegħu għall-unità. Dwar it-tieni punt, “flimkien”, hi nnotat li fil-Moviment qed tonqos dejjem aktar it-tendenza għall-frammentazzjoni u tiżdied dik għal aktar ħidma flimkien. Fl-aħħar saħqet dwar l-isforzi li qed isiru biex ngħixu l-punt, “inkunu mħejjija sew”; qalet li qed ikunu żviluppati mixjiet ta’ formazzjoni umana u spiritwali għall-membri u għall-mexxejja.

Kemm ir-rapport kif ukoll it-tweġibiet li taw Maria Voce u Jesús Morán ma ħbewx l-isfidi u l-punti kritiċi li l-Moviment qed jaffaċċa: id-diffikultà dwar modi u mezzi biex iwassal il-kariżma b’mod li jgħodd għal-lum, in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet u l-isfida kbira li ġabet magħha t-tbatija ta’ forom diversi ta’ abbuż fil-Moviment, li kif qal il-ko-president Jesús Morán, tfisser ħtieġa li nkomplu fit-triq ta’ “proċess bżonnjuż u inevitabbli ta “purifikazzjoni ta’ memorja” li aħna msejħin ngħixu b’umiltà u tama”.

Il-perspettivi li l-President semmiet fl-aħħar tar-rapport tagħha jibdew bil-qari “tas-sinjali taż-żmenijiet”, li jfisser il-mistoqsijiet li qed tpoġġi quddiemna s-sitwazzjoni tad-dinja llum, inkluża l-pandemija tal-Covid19: dan qed jitlob ħajja aktar sobrja u sostennibbli, sensittività akbar għar-rwol tal-mezzi ġodda tal-media u attenzjoni aktar kbira għall-familja. Temmet bl-appell deċiżiv biex wieħed jgħix il-Vanġelu b’fedeltà radikali, li għall-Moviment ifisser fedeltà lejn dik il-kelma qofol għall-kariżma: “Ħa jkun lkoll ħaġa waħda” ( Ġw 17,21)

Fl-aħħar Maria Voce stiednet lill-Moviment biex “jibqa’ miexi ‘l quddiem b’kuraġġ” ħalli jagħti sehem dejjem akbar “għal dak li jnissel il-fratellanza universali”.

Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Moviment tal-Fokolari

Traduzzjoni bil-Malti: Vivienne Attard

Source: https://www.focolare.org/en/assemblea-generale

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.