Il-Papa lill-Isqfijiet minn Knejjes differenti: “L-Unita’ mhijiex uniformita’; hi komunjoni”

© Vatican Media

Minn Diskors ta’ Papa Franġisku lill-Isqfijiet Ħbieb tal-Moviment tal-Fokolari

Sala tal-Papiet
Is-Sibt, 25 ta’ Settembru, 2021

Għeżież ħuti,
Minn qalbi nagħtikom merħba, u grazzi ta’ din il-laqgħa, ukoll jekk il-parti l-kbira minnkom qed jieħdu sehem mill-bogħod. (…) Nirringrazzja lill-Isqfijiet li ppreżentaw l-esperjenza ta’ dawn il-laqgħat li ilhom isiru erbgħin sena. Mixja ta’ ħbiberija li għandha għeruq qawwija, għeruq sodi. Fuq dan nixtieq nirrifletti magħkom.

(…) il-Moviment tal-Fokolari, dejjem ħa ħsieb it-tifsira u l-qadi għall-unità; għamel dan permezz tal-kariżma li rċieva mill-fundatriċi Chiara Lubich: unità fil-Knisja, unità fost dawk kollha li jemmnu, unità fid-dinja kollha (…). Kien fi żmien il-feriti u l-qerda tal-gwerra, li l-Ispirtu poġġa fil-qalb żagħżugħa ta’ Chiara żerriegħa ta’ fraternità, żerriegħa ta’ komunjoni;. li minn dak il-grupp ċkejken ta’ ħbieb fi Trento, żviluppat u kibret, fil-waqt li attirat rġiel u nisa ta’ kull ilsien u kull nazzjoni bil-qawwa tal-imħabba t’Alla li toħloq l-għaqda bla ma ġġib fix-xejn id-diversità, anzi, billi tagħtiha valur u tarmonizzaha. (..)

© Vatican Media

Hija ċara l-“parentela” –biex insejħilha hekk – li hemm bejn din il-kariżma u l-ministeru tal-isqfijiet. Aħna l-isqfijiet qegħdin għas-servizz tal-poplu t’Alla, biex hu jinbena fl-unità tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba. L-Ispirtu s-Santu jnaqqax fil-qalb tal-Isqof ir-rieda tal-Mulej Ġesù: li l-insara jkunu lkoll ħaġa waħda biex jagħtu glorja lil Alla Wieħed fi Tliet Persuni u biex id-dinja temmen f’Ġesù Kristu (ara Ġw17,21). Papa, isqfijiet, aħna qegħdin għas-servizz ta’ unità li mhijiex xi ħaġa esterna, mhijiex “uniformità”, le, imma li hi għall-misteru ta’ komunjoni, li hi l-Knisja fi Kristu u fl-Ispirtu s-Santu, il-Knisja bħala Ġisem ħaj, bħala poplu miexi fl-istorja u fl-istess ħin aktar ‘l hemm mill-istorja. Poplu mibgħut fid-dinja biex jagħti xhieda ta’ Kristu, ħalli Hu, Lumen gentium, Dawl tal-ġnus jkun jista’ jiġbed lil kulħadd lejh, bil-qawwa umli u ħanina tal-Misteru tal-qawmien.

Għeżież ħuti, nista’ ngħid li din hi “l-ħolma” t’Alla. Il-pjan tiegħu hu li jirrikonċilja u jarmonizza kollox fi Kristu (ara Ef 1,10; Kol 1,20). Din hi wkoll il-“ħolma” tal-fraternità, li għaliha ddedikajt l-Enċiklika Fratelli tutti. Quddiem id-“dlam ta’ dinja magħluqa”, fejn tant ħolm ta’ unità “qed jitfarrak”, (…) l-Ispirtu qed isejħilna biex “ikollna l-kuraġġ (…) nkunu lkoll ħaġa waħda” kif jgħid it-titlu tal-laqgħa tagħkom. Nilqgħu l-isfida tal-unità. U nibdew billi nagħrfu li l-unità hi don (..).

Huma fuq kollox il-qaddisin li jagħtuna xhieda tal-kuraġġ għall-unità. Ftit ilu ċċelebrajna t-tifkira ta’ San Kornelju, Papa u San Ċipriano, Isqof. Dan tal-aħħar tana d-definizzjoni stupenda tal-Knisja bħala «poplu miġbur fl-għaqda tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu». Iżda naħsbu wkoll fil-ħafna xhieda ta’ żminijietna, rgħajja u lajċi li b’kuraġġ jaħdmu għall-unità, u li xi drabi iħallsu prezz għoli ħafna b’ħajjithom stess. Għax l-unità li tana u jagħtina Ġesù Kristu mhijiex umaneżmu, mhijiex qbil akkost ta’ kollox. Din tobdi kriterju fundamentali, li hu r-rispett tal-persuna, ir-rispett lejn il-wiċċ tal-persuna l-oħra, l-aktar tal-fqir, taż-żgħir, tal-iskartat.

Għeżież ħuti, mill-ġdid nirringrazzjakom għal din il-laqgħa. Nirringrazzjakom fuq kollox tal-impenn li bih qed tagħmlu din il-mixja ta’ ħbiberija. Nirrakkomandalkom li żżommuha dejjem miftuħa u qatt esklussiva, biex tikber fil-qadi tal-komunjoni. Komplu tbissmu għax din hi parti mill-kariżma tagħkom. Jien nitlob għalikom u għall-komunitajiet tagħkom. Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tieħu ħsiebkom. U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija”.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.