Indja – Solidarjetà fi żmien ta’ prova

“Għaddiet ġimgħa minn meta għamilna t-test u rriżulta pożittiv. Mhux qed infittxu informazzjoni fuq l-internet, mhux qed naraw aħbarijiet u lanqas qed ingergru. Qed ngħixu ġurnata wara l-oħra. U l-affarijiet sejrin għall-aħjar. It-talb tagħkom, il-messaġġi, ix-xewqat sbieħ u l-ikel mimli mħabba li qed jaslilna qed ikomplu jagħtuna l-forza. Inħossukom tassew qrib tagħna u veru qed tgħinuna. Grazzi mill-qalb tal-barkiet li qed jaslulna”.

Dan il-messaġġ WhatsApp, intbagħat minn familja tal-komunità tal-Fokolari f’Mumbai, u f’dan iż-żmien ta’ dlam hu tassew raġġ ta’ tama u kuraġġ. Ma tgħaddix ġurnata li ma tismax bil-mewt ta’ xi kollegi, ħbieb u xi drabi anki familjari. U dan flimkien ma’ aħbarijiet li sistemi qed jikkrollaw u li familji mhux qed jirnexxilhom jagħtu d-dinjità xierqa lill-għeżież tagħhom morda jew mejtin.

Fl-Indja hemm popolazzjoni enormi (1,3 miljardi), allura wieħed kien jistenna li n-numru ta’ kasijiet kien ser ikun għoli ħafna. Għal sena sħiħa, sal-aħħar ta’ April li għadda, il-pajjiż irnexxilu jikkontrolla s-sitwazzjoni, iżda issa kollox qed tmur dejjem għall-agħar. Is-sistema sanitarja publika mhux qed tlaħħaq mat-talba għal mediċini, ossiġnu u ventilaturi li hemm bżonn, barra l-fatt li hemm varjanti tal-virus f’partijiet differenti tal-pajjiż.

Matul il-pandemija l-komunità tal-Fokolari ħadmet bla waqfien. Illanċjat azzjoni ta’ qsim tal-ġid fuq livell nazzjonali biex setgħet toffri għajnuna ekonomika lil min tilef ix-xogħol jew lil min għandu bżonn ta’ fondi biex jixtri l-bżonnijiet ta’ kuljum. Il-proġett Udisha mwaqqaf mill-Moviment tal-Fokolari fl-Indja għen lil madwar 80 familja li jgħixu f’Mumbai b’ikel, mediċini, kotba, ħlas ta’ iskola, ta’ kera jew ta’ kontijiet tad-dawl, eċċ. U waqt li t-tieni mewġa tal-pandemija tinsab fl-aqwa tagħha, xi żgħażagħ qed ikomplu bil-proġett #DaretoCare billi darba kull ħmistax imorru jqassmu l-ikel lil dawk li jgħixu barra fit-triq.

Bħalissa, l-enerġija tal-komunità qed tintefa’ l-aktar fejn hemm bżonn l-għajnuna sanitarja biex jkunu salvati l-ħajjiet tan-nies. Ftit ilu, l-isptar Holy Family f’Mumbai għamel talba urġenti għall-ċilindri tal-ossiġnu meħtieġa għal 160 sodda ta’pażjenti Covid; il-komunita’ mill-ewwel wieġbet billi sabet sponsors li setgħu jgħinu u issa qed tfittex oħrajn.

Waqt li din it-tieni mewġa qed tkompli taħkem bil-qawwa kollha tagħha, il-familji tal-Moviment ħassew il-bżonn li jgħinu lil xulxin aktar mill-qrib anki billi jibdew jiltaqgħu kuljum online għal nofs siegħa ta’ talb flimkien. Dan qed ikun ta’ sostenn biex jegħlbu n-niket, in-nuqqas ta’ħila quddiem din is-sitwazzjoni, u anki s-solitudni. Fl-ewwel żmien tal-Moviment, il-komunità ta’ Trento, skopriet li Alla hu mħabba propju meta t-tieni gwerra dinjija kienet fl-aqwa tagħha; u issa hawnhekk il-komunità Indjana qed tiskopri li t-talb flimkien online hu mod qawwi kif jesprimu r-realta’ ta’ familja waħda, ikoll indaqs, magħquda fl-imħabba t’Alla.

Annabel Dsouza (Mumbai, India)

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.