It-tiġdid tal-Ispirtu

Il-Milied hu xhieda l-aktar kbira u qawwija ta’ DAK li jħobbna.

U jiġina li nistaqsu: Kif ser inħejju ruħna għalih?

Jidwu fi qlubna l-kliem ta’ Ġwanni Pawlu II: “Il-Knisja ma tistax tħejji ruħha … jekk mhux bl-Ispirtu s-Santu” … Huwa l-Persuna divina li tgħid imħabba, li twiegħed l-għaqda, li tassigura ttiġdid …

Il-bniedem, kull bniedem, għandu bżonn it-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu. Għandu bżonn dan ittiġdid biex jiskopri dak li Alla jagħmel fid-dinja: għax huwa Alla li jmexxi l-ħajja personali tal-bniedem, il-ħajja tal-komunità ta’ madwaru, il-ħajja tal-poplu tiegħu, tal-istorja li jagħmel parti minnha. Biex il-bniedem iħobb lil Alla, għandu bżonn tat-tiġdid li jiġi mill-Ispirtu, u din l-imħabba ġdida tagħtih il-qawwa biex jissieħeb ma’ Alla ħalli jibni dinja ġdida, il-ħolma tat-Tarbija Ġesù.

Huwa l-Ispirtu s-Santu li jista’ jwettaq din il-ħidma; l-ewwelnett Hu jpoġġi l-ordni fil-qalb tal bnedmin u jsawwab fihom dik l-imħabba li tgħollihom għad-destin tagħhom ta’ wlied Alla; u jpoġġi ordni wkoll f’dak kollu li għandu x’jaqsam magħhom, fil-ħafna oqsma fejn jinsabu: fil familji tagħhom, fil-postijiet fejn jaħdmu, fl-ambjenti l-aktar varji tas-soċjetà.

Jeħtieġ niftakru li fil-Milied mhux qed nassistu biss għall-manifestazzjoni smewwija u divina, imma wkoll għat-twelid ta’ Persuna, li anki jekk hi speċjali , tista’ kollox u hi eterna, imma dejjem hi Bniedem b’xewqa li jsawwar umanità ġdida, li jibni belt fuq din l-art li tixbah lil dik tas-sema mnejn ġie biex jgħammar fostna.

(…) Mill-Milied nistennew id-don kbir li Alla jagħti lill-art, id-don tal-Ispirtu s-Santu fi qlubna, biex il-ħidma tal-Iben ta’ Alla li ħa l-ġisem tkompli fina, u d-dinja tinkesa u tfur bid-divin u fiha tgħammar il-liġi l-ġdida tal-Ispirtu: dik tas-Sema.

Chiara Lubich

Silta minn kitba ta’ Chiara għall- Milied 1999

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.