Mariapoli għall-kontinent tal-Ewropa

Għall-ewwel darba wara 70 sena, il-Moviment tal-Fokolari qed jorganizza Mariapoli għall-Ewropa kollha. “Aim high!” hu l-motto u t-titlu ta’ din il-Mariapoli li ser issir mill-14 ta’ Lulju sal-11 ta’ Awwissu 2019.

Din il-ġrajja ser issir fi Fiera di Primiero, fuq id-Dolomiti, f’dik l-istess post  fejn 70 sena ilu nibtet l-ewwel esperjenza tal-Mariapoli. Il-Mariapoli Ewropea qanqlet ħafna interess u hemm mat-3000 ruħ li ser jieħdu sehem fiha. Dan ifisser li kull ġimgħa ser ikun hemm mas-600 ruħ  jgħixu f’din il-belt temporanja ta’ Maria.

L-isfond għal din il-Mariapoli Ewropea huwa wieħed ta’ kontinent li jeħtieġ jagħraf u jsib mill-ġdid l-għeruq tiegħu. Peter Forst, membru tal-Moviment tal-Fokolari qal: “Il-ħolma tagħna hi li din il-ġrajja tgħin biex joħroġ il-ġmiel ta’ dan il-kontinent, id-diversita’ u l-kulturi  kollha li teżistu fih (…). Nemmnu li b’dak kollu li naqsmu bejnietna, bix-xhieda, bil-kulturi u l-istorja tagħna aħna nistgħu nagħtu sehemna għal Ewropa aktar magħquda”.

F’intervista li tat dan l-aħħar, Maria Voce, il-president tal-Moviment tal-Fokolari tkellmet dwar l-ewwel esperjenza tagħha ta’ Mariapoli. Kienet ħadet sehem fl-aħħar Mariapoli li saret fi Fiera di Primiero fl-1959. Qalet: “Niftakarha sew dik l-esperjenza. Konna norqdu fuq is-saqqijiet fl-art, fil-klassijiet ta’ xi skejjel. Fil-kmamar ma kellniex għamara; la kellna gwardarrobbi u lanqas merja; kellna biss siġġu bejn saqqu u ieħor. Iżda dan  ma naqqas xejn mill-esperjenza sabiħa tal-Mariapoli”. U kompliet tgħid li għalkemm fil-Mariapoli kien hemm dan il-faqar materjali iżda “kien hemm ġid spiritwali kbir. Kulħadd ta sehmu biex tinbena dik l-atmosfera divina li saltnet fil-Mariapoli u li ħakmet lil dawk kollha li kienu hemm”. 

F’dik il-Mariapoli kienu ħadu sehem mat-12000 ruħ, nies ġejjien minn kull qasam tal-ħajja u minn pajjiżi differenti. Bosta setgħu jkunu hemm għax fqar u sinjuri għexu l-qsim tal-ġid.  Maria Voce qalet: “Kienet tassew ġrajja ta’ belt sinjura b’relazzjonijiet ta’ mħabba lejn xulxin”.


Source: https://www.catholicireland.net/fragmented-europe-calls-europe-wide-gathering/

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.