Tgħix ifisser titkellem

“(…) Aħna ngħidu ‘tgħix u titkellem’, bħallikieku dawn huma żewġ affarijiet differenti. Fir-realta’, fl-ispiritwalita’ tagħna, dawn huma ħaġa waħda, għaliex li titkellem huwa parti mill-mod kif ngħixu (…). L-ispiritwalita’ tagħna mhijiex spiritwalita’ individwali, imma spiritwalita’ kollettiva, komunitarja. Dan ifisser li aħna rridu nitqaddsu flimkien (…). Għalhekk, bl-istess mod li nixxennaq għall-qdusija tiegħi, hekk ukoll irrid naħdem għall-qdusija tal-oħrajn (…).

Fl-ispiritwalita’ komunitarja tagħna, minflok ma nfittxu lil Alla fis-solitudni, infittxuh fil-proxxmu, infittxuh fil-kuntatt tagħna ma’ ħutna li jgħixu madwarna. Dan ifisser li jekk hemm xi ħaġa li rridu naħarbu minnha hija s-solitudni (…). Il-proxxmu jista’ jkun il-Ġenna tagħna, iżda jista’ jkun ukoll il-purgatorju tagħna jew saħansitra l-infern tagħna, minħabba dak li jġegħlna nbatu. U għalhekk, aħna minflok is-solitudni nagħżlu l-proxxmu.

Minflok is-silenzju aħna rridu “nitkellmu”, għax għalina dan huwa parti essenzjali mill-għixien tagħna. Jekk ma nitkellmux, ma nkunux qed ngħixu b’mod sħiħ. Jekk tħalli fil-ġenb dawk il-mumenti li fihom is-silenzju huwa Rieda t’Alla, bħalma hu l-ħin tal-meditazzjoni, nistgħu ngħidu li l-ispiritwalita’ tagħna ma tistax tgħixha jekk ma tkunx qed tikkomunika.

Għalhekk: mhux waħidna imma flimkien; mhux is-silenzju imma li nitkellmu.

Mhux ningħalqu fiċ-ċella tar-ruħ tagħna, imma nibnu ċ-ċelloli tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu flimkien mal-aħwa li niltaqgħu magħhom. U nindunaw li meta nkunu ppruvajna ngħixu ‘l barra minna nfusna fl-imħabba lejn l-oħrajn, meta niġu biex ninġabru fit-talb malajr insibu l-għaqda tagħna ma’ Alla u nsibu l-paċi tiegħu.

(…) Li nitkellmu huwa parti mill-mod kif ngħixu u ma nistgħux ngħaddu mingħajru. Jekk ninsew dan nispiċċaw biex inkunu qed ngħixu(…) ix-xejn, il-frugħa, u nindunaw li lilna jkunu qegħdin jimblukkawna ħafna affarijiet bħal ambizzjoni, attakkamenti (…).

Għalhekk it-tweġiba għall-mistoqsija tagħkom: “kif se noħolqu bilanċ bejn li tgħix u li titkellem” jiena nwieġeb li din mhix kwistjoni ta’ bilanċ għaliex li titkellem ifisser li qed tgħix, u li tgħix ifisser ukoll titkellem, għax inkella ma tkunx qed tgħix.”

Chiara Lubich

(Silta minn tweġiba li Chiara tat lill-Fokolarini ta’ Montet, 21 ta’ settembru 1991.)

 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.