Maria Voce: “Xejn ma jista’ jwaqqafna milli nħobbu”

Il-messaġġ li Maria Voce, president tal-Moviment tal-Fokolari bagħtet lill-komunitajiet kollha tal-Moviment  fid-dinja fl-14 ta’ Marzu, anniversarju tat-tluq ta’ Chiara Lubich lejn is-Sema.

Photo credit: © Joachim-Schwind CSC-Audiovisivi

“Għeżież,

Tassew inħossni kuntenta li nista’ nikkomunika magħkom ilkoll f’din il-ġurnata tal-14 ta’ Marzu, il-jum tat-twelid ta’ Chiara għas-Sema, u fis-sena taċ-ċentinarju  tagħha.

Minn meta bdiet din is-sena ċentinarja għexna ħafna mumenti ta’ ferħ; saru tant ġrajjiet straordinarji fid-dinja kollha li qed iqanqlu interess kbir anki mill-media. Qed ikun hemm interess kbir kemm fil-persuna ta’ Chiara kif ukoll fil-kariżma li minnha tnisslet il-familja kbira tagħha. Verament huma ħafna dawk li qed jiltaqgħu magħha!

Xtaqna li din il-festa tkompli, kif ukoll il-ħafna ġrajjiet, laqgħat, attivitajiet, konferenzi u ċelebrazzjonijiet ewkaristiċi komunitarji, imma kif nafu  x-xena nbidlet.

L-epidemija tal-Coronavirus obbligat lil ħafna pajjiżi biex jieħdu miżuri drastiċi ħalli l-marda ma tkomplix tinfirex. Nafu li għalissa l-aħjar metodi biex dan iseħħ huma l-iżolament u d-distanza fiżika minn xulxin, flimkien mal-miżura biex jieqfu l-laqgħat u l-ġrajjiet publiċi kollha, u hawnkekk fl-Italja twaqqfu saħansitra ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.

Fortunatament, wara ġimgħat ta’ tħassib dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, qed jibdew jaslulna l-ewwel sinjali li mhumiex daqshekk drammatiċi; naqas  sew it-tixrid tal-virus u anki naqqsu l-imwiet. Iżda kemm hawnhekk fl-Italja kif ukoll f’diversi pajjiżi oħra tad-dinja, is-sitwazzjoni għadha serja ħafna.

Nafu wkoll li l-Coronavirus mhijiex l-unika emerġenza li d-dinja qiegħda tiffaċċa: qed jiġu f’moħħi l-kunflitti li hemm għaddejjin, bħal fis-Sirja, l-immigranti li qed ikollhom jaħarbu minn arthom, l-epidemiji qodma u ġodda f’xi pajjiżi Afrikani.

Żgur li għal ħafna minna li ninsabu f’iżolament – bħalissa anki jien qed inkellimkom mid-dar – din hi esperjenza ġdida għal kollox. Għax aħna magħmulin biex ngħixu l-komunjoni u l-unita’, u dan jidher anki mill-frott ta’ dan iż-żmien ta’ tbatija, li ħafna minnkom qasmu miegħi,  u ta’ dan nirringrazzjakom minn qalbi. Intom xhieda ħajja, li anki f’kundizzjonijiet estremi, ħadd ma jista’ jifridna minn Alla jew iwaqqafna milli nħobbu.

Hemm ħafna modi li permezz tagħhom nistgħu noffru l-għajnuna u l-faraġ: l-ewwelnett bit-talb; imbagħad jistgħu jiżdiedu l-atti ta’ mħabba: xi telefonata, xi messaġġ b’WhatApp, email …..  Hekk, dawk li qegħdin id-dar, il-morda, dawk li qed jagħmlu ħilithom kollha biex jikkuraw, jikkunslaw u jakkumpanjaw, dawk  kollha li qed ibatu l-konsegwenzi ta’ din is-sitwazzjoni…..ħadd ma jħossu waħdu.  Insomma nħaddmu l-kreattivita’, il-fantasija…. il-Ġen tagħna qed jgħallmuna dan bil-ħafna esperjenza li qed jaqsmu magħna fuq is-Social Media, u mhux huma biss.

Hekk biss, meta naqsmu dawn il-ġesti ta’ mħabba li nkunu nistgħu nxerrdu l-antivirus tat-tama, l-antivirus li jagħmilna aħwa ta’ xulxin.

Dawn jistgħu jkunu mumenti, ġranet, forsi ġimgħat jew xhur…. ma nistgħux ngħidu. Imma jgħaddu. Jekk ngħixuhom tajjeb, jwassluna biex niskopru mill-ġdid il-preżenza ħajja u qawwija ta’ Ġesu’ fl-għajxien tal-Vanġelu, f’ħuna, f’Ġesu’ f’nofsna – anki mill-bogħod nistgħu nżommu lil Ġesu’ f’nofsna  fil-familja kbira tagħna -, u fuq kollox billi nħaddnu t-tbatija li fiha nagħrfu  lil Ġesu’ abbandunat – “Alla ta’ Chiara” – kif iħobb isejjaħlu l-isqof ta’ Trento. Fih niltaqgħu anki magħha u nitgħallmu nħarsu lejn kull sitwazzjoni anki b’għajnejha. Aħna wkoll inkunu nistgħu ngħixu l-esperjenza ta’ Chiara u ta’ sħabha; dawn tant kienu milqutin minn Alla u mill-imħabba tiegħu li kważi bil-kemm kienu jafu la bil-gwerra u lanqas b’meta spiċċat. Ir-realta’ li kienu qed jgħixu kienet aktar qawwija minn kollox. Kollox beda minn din il-fidi ġdida fl-imħabba ta’ Alla.

Ejjew aħna wkoll, nitilqu mill-ġdid b’din iċ-ċertezza li kollox hu Mħabba u  li jekk nibqgħu lkoll magħqudin fit-talb u fl-imħabba lejn kulħadd, inkunu nistgħu nagħtu s-sehem tagħna biex tinfirex it-tama u nissollevaw lid-dinja.

Dan hu l-aħjar mod biex niċċelebraw lil Chiara u l-Ideal kbir tagħha u tagħna. Jien nibqa’ magħquda magħkom ilkoll, hemm fejn intom.”

Maria Voce


Watch video on Vimeo: https://vimeo.com/397455179

 

 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.