Nirriflettu fuq il-ħajja fiċ-ċrieki ta’ madwarna

“Nieħdu ħsieb iċ-ċirku  ta’madwarna” – hekk kien it-titlu tal-Mariapoli 2018.  U ċ-ċirku li konna mdawrin bih fil-Mariapoli:  tfal, żgħażagħ, adulti, familji, saċerdoti, reliġjużi….. kien tassew sabiħ. Konna nies ġejjin minn diversi bliet u rħula  u anki barranin. Spikkat il-preżenza ta’ grupp ta’ nies mill-Pakistan, u ġew iżuru l-Mariapoli anki  l-Isqof Awżiljarju, l-E. T. Mons. J. Galea Curmi  u n-Nunzju  Appostoliku, l-E.T. Mons. A. D’Errico.

Iżda l-weekend fil-Belt ta’ Marija fetaħ għajnejna  għal ċirku  ferm aktar  wiesgħa  minn dak li konna mdawrin bih hemmhekk u wassalna biex nirriflettu fuq diversi sitwazzjonijiet li niltaqgħu magħhom fiċ-ċrieki  tagħna fil-ħajja  ta’ kuljum.

Il-programm tal-Mariapoli kien mibni fuq id-diskors li Papa Franġisku għamel f’Loppiano, Mejju li għadda.  Il-kliem tal-Papa, il-ħsibijiet  ta’ Chiara,  id-diskussjonijiet, l-esperjenzi, il-laqgħat fi gruppi,  l-attivitajiet…..kollox għen biex nirriflettu fuq il-ħajja  fiċ-ċrieki  ta’ madwarna u anki biex nagħrfu  l-ħtieġa ta’ impenn bis-serjeta’  għal dinja fejn  isaltnu l-armonija, il-ġustizzja, is-solidarjeta’, il-fiduċja …. u fejn il-bnedmin jagħrfu li huma aħwa ta’ xulxin.

Jekk inħarsu lejn iċ-ċrieki ta’ madwarna  ma nistgħux ma nilmħux  il-ħażen, il-kruha, id-dlam, il-firda….. , iżda l-jiem tal-Mariapoli wrewna li  t-tajjeb, il-ġmiel, id-dawl dejjem jixirfu u li aħna nistgħu nkunu għodda biex il-valuri tal-Vanġelu jidhru f’għamliet ġodda.

Wara l-Mariapoli żgur li nistgħu nħarsu lejn iċ-ċrieki ta’ madwarna b’dawl ġdid  u  nieħdu ħsiebhom b’impenn sħiħ  u b’enerġija mkebbsa bin-nar tal-imħabba!

Vivienne Attard


Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.