Opportunitajiet biex inħobb

Tgħid x’ser iġib miegħu dan il-Milied tal-pandemija?  Hekk staqsejt lili nnifsi  aktar ma beda riesaq il-Milied.

Ngħix waħdi, iżda ibni kien deċiż li ma ngħaddix il-Milied waħdi u stedinni biex immur għall-ikla d-dar tiegħu. Iżda r-raġel  min Niġerja li jgħix fl-appartament ta’ taħti  kien ser ikun waħdu.  Xi stajt nagħmel għal dan ir-raġel li  sar qisu parti mill-familja tiegħi?  Ħsibt li għall-Milied inlestilu ikla tajba u hekk għamilt.  U qabel tlaqt biex immur għand ibni ħadtlu l-ikla kompluta li kont hejjejt għalih.

Ngħid is-sew li meta sirt naf li għall-ikla għand ibni minbarra wliedu, kien ser ikun hemm ukoll l-ex mara tiegħu u l-partner tagħha u ħabiba ta’ waħda minn uliedu, ma tantx kont  ħerqana li mmur minħabba diversi raġunijiet. Iżda  meta ibni qalli li għamel l-arranġamenti meħtieġa  biex kulħadd ikun safe, għamilt id-deċiżjoni li mmur.

Waqt l-ikel, sibt ruħi maġenb il-partner tal-ex mara ta’ ibni; għamilt ħilti kollha biex dan iħossu komdu  u tkellimt miegħu fuq  diversi suġġetti. Wara l-ikel riedu jmorru  jagħtu r-rigali lil xi membri oħra tal-familja, għalhekk  offrejt li nibqa’ hemm  u nieħu ħsieb niżbarazza u nnaddaf.  Baqgħet miegħi l-ħabiba tan-neputija, li sirt naf li kienet orfni, u waqt li ħsilna d-dixxijiet flimkien, tkellimna fuq bosta  affarijiet.  Meta ġew lura u ħadna t-te flimkien,  stajt nieħu gost narahom  japprezzaw il- ħelu tal-Milied li kont lestejt għalihom.

Fl-aħħar ta’ din il-ġurnata stajt nwieġeb x’ġab miegħu l-Milied 2020:  opportunitajiet biex inħobb tassew u  nħoss dak il-ferħ li tassew jimla lil qalbek.

M.A. (Malta)

 

“Ilum  nista’ ngħid  li  għandi ħabiba”

Għodwa waħda nirċievi messaġġ: persuna li toqgħod qrib tiegħi bagħtet tawgurali l-ġurnata t-tajba. Ma tantx kont midħla tagħha lil din il-persuna, iżda mill-ewwel  weġibt għall-messaġġ tagħha.

Bdejt nirċievi dan il-messaġġ kuljum u ndunajt li għalkemm  din il-persuna għandha  familja  numeruża, iżda hi kienet qed tħoss id-dieqa tas-solitudni.  Xtaqt li fit-tweġibiet tiegħi għall-messaġġi tagħha, hi setgħet  tħoss li mhijiex waħidha u li hemm xi ħadd li jimpurtah minnha. Xi drabi kont  nibgħat messaġġ bil-vuċi u  anki kont infittex li ngħaddilha xi ħsieb li seta’ jgħinha.

Iż-żmien tal-pandemija ġabni qrib din il-mara u bil-mod il-mod qed tinbet  rabta sabiħa bejnietna. Meta niltaqa’ ma’ bintha dejjem tgħidli kemm  ommha tapprezzaha u tgħożżha din ir-rabta. F’dawn il-ġranet tal-Milied ċempiltilha, u fħin minnhom  bdiet tibki. Meta staqsejtha għalfejn qed tibki, qaltli: “Fik sibt persuna ta’ veru u llum  nista’ ngħid  li  għandi ħabiba”.

C.B. (Malta)

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.