Seminar: “Liema profitt għandu l-ikbar valur?”

Kemm hu faċli li wieħed jiddiskuti l-ekonomija u x-xogħol bl-għajnuna ta’ esperti fil-qasam iżda mingħajr xkiel kummerċjali, politiku jew personali? Din kienet l-esperjenza ta’ dawk li ħadu sehem fis-seminar bit-tema “Liema Profitt għandu l-akbar valur?” organizzat mill-Moviment tal-Fokolari fis-7 ta’ April.

Is-Seminar beda bi preżentazzjoni qasira li ntroduċiet it-tema lill-udjenza kbira preżenti. Ġie spjegat kif il-perspettiva dominanti fl-istudju tal-Business Studies u fil-prattika tan-negozju hija li l-għan aħħari ta’ kwalunkwe negozju huwa li tagħmel profitt. Missirijietna kienu tal-istess ħsieb meta wieħed jikkunsidra diversi qwiel bħal, per eżempju, li “Fin-negozju m’għandux ikun hemm ħbieb”, jew “L-ebda negozju mal-ħbieb ”. L-isforz kontinwu biex jitnaqqsu l-ispejjeż jista’ jwassal lill-kumpaniji biex jimpjegaw ħaddiema li jkunu lesti jitħallsu inqas, li jisfruttaw ċertu provvedimenti leġislattivi u anke xi drabi jinjoraw regolamenti dwar is-Saħħa u s-Sigurta. Xi negozji jaslu sal-punt li jirrilokaw il-post tan-negozju sabiex isibu pagi dejjem aktar baxxi, infurzar fjakk tal-istandards tax-xogħol u nuqqas ta’ rispett lejn l-ambjent.

L-istruttura ekonomika attwali wasslet biex 26 individwu akkumulaw ġid li huwa ekwivalenti għal dak tal-ifqar nofs tal-popolazzjoni tad-dinja. Fi kliem ieħor, 26 persuna għandhom ġid daqs 3.2 biljun persuna. Fil-fatt l-istatistiċi juru li 10.9% tal-popolazzjoni tad-dinja issa tgħix fuq inqas minn 2 dollari Amerikani kuljum.

Il-parteċipanti fis-Seminar imbagħad intalbu jistaqsu jekk il-profitt fin-negozju jew it-tkabbir ekonomiku ta’ nazzjon għandhomx jibqgħu l-indikaturi ideali ta’ suċċess, jew humiex biss indikaturi parzjali. Il-bilanċ pożittiv għadu joffri l-aqwa garanzija għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal kull individwu? Kull persuna fl-ekonomiji tad-dinja qegħda timxi ‘l quddiem bl-istess ritmu?

Dawn it-temi ġew diskussi b’mod estensiv minn bord ta’ esperti inkluż il-Professur Simone Borg, Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Ambjentali u tar-Riżorsi fl-Università, Joseph F. X. Zahra, ekonomista u konsulent korporattiv maħtur mill-Papa Franġisku biex imexxi l-kummissjoni ta’ riforma ekonomika u amministrattiva tal-Vatikan, Dr. Arthur Galea Salomone, avukat u eks-President tal-Borża ta’ Malta u direttur ta’ bank, is-Sinjura Vivienne Attard, eks-president tal-iskola The Voice English Language School u s-Sinjura Giulia Pace, Konsulent fl-Ekonomija mad-ditta EY.

Huwa evidenti li s-sistemi ekonomiċi mhumiex qed iwasslu distribuzzjoni ġusta tal-ġid. Il-Papa Franġisku jfakkarna li l-kelma “solidarjetà” hija nieqsa minn bosta proposti ta’ proġetti ġodda. Liema mudell ġdid ta’ negozju jista’ jiggarantixxi “solidarjetà”?

Il-kelliema saħqu fuq il-ħtieġa għal edukazzjoni akbar fl-imġieba morali u fl-etika u kontra l-indifferenza, l-ipokrisija u nuqqas ta’ koerenza. Hemm għarfien akbar li mhux biss l-azzjonist tal-kumpanija li għandu leħen li għandu jinstema’, imma l-partijiet kollha li għandhom interess fl-azjenda, inklużi l-ħaddiema u l-komunità fejn jopera n-negozju.

Is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi permezz tal-edukazzjoni qed ikollha wkoll impatt fuq kif persuni jixtru u jikkunsmaw. Kull konsumatur jista’ jagħmel differenza fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, billi jippromwovi ekonomija li tiżgura li kull min ibiegħ qed jieħu ħsieb li jiddisponi sewwa mill-iskart li jkun iġġenerat mill-prodott tiegħu.

L-iktar bilanċ pożittiv fin-negozju għandu jkun id-dinjità tal-persuna umana. Il-profitt huwa meħtieġ, iżda kull negozju għandu jimmira li jkun komunità ta’ persuni li jagħtu servizz lis-soċjetà.

In-numru ikbar ta’ nisa fil-qasam tax-xogħol jista’ jkun li qed jikkontribwixxi għal perspettiva aktar umana u għal għarfien akbar li, b’metodi aktar integrati, l-aspett finanzjarju tan-negozju għandu jagħti każ aktar mhux biss tal-profitt iżda wkoll tal-istaff u tal-komunità. Il-gvernijiet u l-kumpanniji madwar id-dinja għandhom ukoll jiftiehmu dwar kif jirrikonoxxu l-kontribut siewi ħafna ta’ dawk il-persuni li jagħżlu li jieqfu jaħdmu għal xi żmien sabiex irabbu t-tfal tagħhom.

Il-Professur Simone Borg enfasizzat l-ħtieġa li jitħares l-ambjent. Il-kliem “Ekoloġija” u “Ekonomija” it-tnejn oriġinaw mill-kelma Griega għal “ambjent familjari”, imma kemm tassew l-ekonomiji dinjija qed jieħdu ħsieb l-ambjent familjari tal-pjaneta tagħna? Qegħdin infittxu l-ġid veru tal-individwu?

Is-Sinjura Vivienne Attard imbagħad spjegat xi tfisser l-Ekonomija tal-Komunjoni, inizjattiva tal-Moviment tal-Fokolari u mpenn konkret biex jindirizza problemi soċjali serji billi joħloq negozji li huma partijiet integrali tal-komunitajiet ta’ madwarhom. Il-proġett jitlob li n-negozji li jipparteċipaw jagħtu impenn, wara li jkun sar investiment xieraq fis-sostenibbiltà tan-negozju, li parti mill-profitti tagħhom jingħataw bħala għajnuna għal dawk fil-bżonn u parti oħra tmur sabiex titrawwem ‘“kultura ta’ għotja”.

L-Ekonomija tal-Komunjoni tgħin lil dawk fil-bżonn permezz ta’ profitti ġġenerati min-negozji, iżda tqis ukoll bħala aktar importanti li l-impjegati, l-klijenti u l-pubbliku ġenerali jkunu rispettati b’mod ġust u uman.

Is-Sinjura Attard kienet waħda mill-fundaturi ta’ skola tal-Ingliż f’Malta li twaqqfet 25 sena ilu bħala negozju tal-Ekonomija tal-Komunjoni. Hija bdiet il-preżentazzjoni tagħha billi kkwotat silta qasira mill-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Evangelii Gaudium’:

“Huwa veru …. li ħafna drabi naraw inġustizzji, ħażen, indifferenza ….. imma t-tajjeb dejjem jiffjorixxi u jixtered. Kuljum fid-dinja, is-sbuħija terġa’ titfaċċa, u tinfirex fuq it-taqlib tal-istorja.”

Proposta bħal din f’dinja li tagħmel il-flus bħala l-idolu tagħha tista’ faċilment twassal biex wieħed jaħseb li din hija sempliċement utopika jew jistaqsi: imma dan jista’ fil-fatt iseħħ? Fl-1992, sena biss wara, diġà kien hemm 230 negozju lesti li jħaddnu din il-proposta. Illum hemm aktar minn 700 negozju u hemm ukoll Industrial Estates fejn in-negozji kollha jħaddnu l-ispirtu tal-Ekonomija tal-Komunjoni.

Chiara kienet saħqet li l-Ekonomija tal-Komunjoni m’għandhiex twassal biss għat-tkattir ta’ negozji ġodda, iżda għandha tiżviluppa bħala xjenza. Il-websajt tagħha: http://www.ecodicom.net/tesi.php tinkludi għexieren ta’ teżijiet dwar is-suġġett li tfasslu minn studenti mill-kontinenti kollha.

Din il-proposta rnexxielha tlaqqa’ flimkien żewġ realtajiet – dawk tal-Ekonomija u tal-Komunjoni – li l-kultura kontemporanja żżomm il-bogħod minn xulxin, jekk mhux addirittura tikkonfronta. Għalhekk mhux biss tħaddan il-prinċipji tradizzjonali tal-etika soċjali bħall-onestà u t-trasparenza, iżda tkattar ukoll prinċipji oħra bħal dawk tal-għotja, ir-reċiproċità u l-fraternità.

F’din l-Ekonomija, is-sid tan-negozju huwa aġent ta’ komunjoni, mhux biss minħabba li s-sid ikun lest jagħti parti mill-profitt fl-aħħar tas-sena, iżda iktar u aktar minħabba li jkun lest jibdel l-imġieba tiegħu mal-oħrajn, billi ma jħallix il-poter jegħleb fil-bini ta’ relazzjonijiet ġenwini, u fil-ħolqien ta’ ambjent ta’ tmexxija li hu moralment sod.

L-Ekonomija tat-Komunjoni hija ekonomija ta’ fraternità, li mhux biss tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tagħha biex tħeġġeġ li wieħed iħobb lil ħaddieħor bħalu nnifsu, imma wkoll biex wieħed iħobb in-negozji l-oħra bħallikieku kienu tiegħu. Hija tirrispetta r-responsabbiltà soċjali u għalhekk taħdem fl-interess ta’ dawk kollha involuti fin-negozju. Mhux biss tfittex li tegħleb il-faqar billi taqsam il-ġid, iżda wkoll tippromwovi attitudnijiet ġodda lejn il-foqra, u tikkunsidra lil dawk fil-bżonn bħala msieħba li jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom f’dan il-proġett.

L-Ekonomija tal-Komunjoni hija vuċi f’dinja li qed tinbidel: vuċi żgħira meta mqabbla mal-vuċijiet b’saħħithom tal-ekonomija tad-dinja. Iżda l-għeruq tagħha jinsabu fi “bżonn imnaqqax fil-qalb tal-bniedem maħluq xbieha ta’ Alla li hu Mħabba u li jsib il-milja meta jħobb u jagħti minn dak li hu tiegħu” – dan huwa kif spjegatha Chiara Lubich, u għaldaqstant aħna nemmnu li fiha tinsab qawwa – dik il-qawwa ta’ “żewġ ħutiet u ħames ħobżiet li jistgħu jitimgħu il-folol” kif qalilna l-Papa Franġisku.

L-Ekonomija tal-Komunjoni hija realtà dinamika li wasslet għall-Ekonomija Profetika (http://www.propheticeconomy.org/). Fi kliem l-ekonomista Amerikan Jeffrey Sachs hija ‘ekonomija li topera …… fil-viżjoni tal-ġustizzja u l-paċi, li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ifqar u tipproteġi l-kreazzjoni ‘.

Dawn l-idejali sbieħ twasslu aktar qrib tal-parteċipanti fl-aħħar parti tas-seminar meta industrijalist, tekniku li ilu jaħdem f’Malta għal dawn l-aħħar tliet snin u intraprenditur żagħżugħ qasmu kif jgħixu l-etika u l-prattiċi tax-xogħol fil-ħajja tax-xogħol tagħhom. Ir-rispett tal-liġi u l-apprezzament ta’ kull individwu, kemm jekk kollega, klijent jew xi ħadd li qed ifittex ix-xogħol, huma l-mod normali ta’ kif isir in-negozju imma wasslu biex iġġeneraw relazzjonijiet li damu tul ħajjithom u żiedu l-profitti tagħhom f’aktar modi milli wieħed kien jistenna.

Iż-żgħażagħ ukoll kellhom ħafna x’jagħtu u Lea Ungaro u Joanne Ciantar ma ddiżappuntawx. Lea qasmet il-fehmiet tagħha dwar inċentivi tax-xogħol għaż-żgħażagħ, żvilupp sostenibbli, xogħol prekarju u edukazzjoni li jimmassimizza l-abilitajiet tal-istudenti. Dawn kienu ftit mill-proposti li hija kienet ressqet fil-Parlament taż-żgħażagħ.

Joanne spjegat b’mod ċar ir-rabta bejn l-ekonomija u l-ambjent u qasmet mal-parteċipanti fis-seminar dawk id-deċiżjonijiet li ħadet u li biddlu l-mod kif kienet tgħix fl-isforz tagħha biex tgħin fl-ambjent waqt li taħdem ma’ attivisti oħra biex iġġib bidla tassew fejn hi meħtieġa.

Kien Seminar li pprovda ħafna fuqiex wieħed jixtarr iżda li kabbar wkoll it-tama, partikolarment meta rajna biċ-ċar li l-Ekonomija Profetika qed taħdem sew fuq il-livell lokali kif ukoll fuq dak globali.

Sonia & André Camilleri


See published article in New City Magazine: https://www.newcity.co.uk/july-2019-n-535/

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.