Siġra tal-Milied għar-refuġjati

Anna u Francis Scifo fid-dar tal-Bon Pastur

Meta waħda mill-grupp tagħna qaltilna li għandha siġra kbira tal-Milied li xtaqet tagħtiha, mill-ewwel bdejt naħseb kif l-aħjar stajna nagħmlu użu minnha. Ġa kont qed nara xi stajna nagħmlu f’dan il-Milied biex nuru l-imħabba tagħna lir-refuġjati li hemm fid-dar tal-Bon Pastur, Ħal-Balzan. Lil dawn immorru nżuruhom darba fix-xahar, u s-soltu norganizzawlhom festin ċkejken, iżda din is-sena, minħabba l-Covid-19, ma stajniex nagħmlu dan.

Għalhekk f’qalbi għidt: din is-siġra tal-Milied Ġesu’ pprovidieha għad-dar tal-Bon Pastur! F’din id-dar hemm mal-250 refuġjat, il-biċċa l-kbira familji żgħar li għandhom tfal ċkejknin, u allura ftit aktar atmosfera ferrieħa tal-Milied  żgur li setgħet tkun apprezzata. Din l-idea għoġbot anki lill-ħabiba tagħna li kienet lesta li tagħti  s-siġra, u l-amministratur tad-dar laqagħha b’idejh miftuħa. Urejna x-xewqa li titpoġġa f’post fejn seta’ jgawdiha kulħadd.

Ma ħadniex biss is-siġra għax kien hemm xi ħadd li offra t-tiżjin u xi ħaddieħor li offra d-dwal. Ħabiba mill-Knisja Anglikana, li tiġi magħna kull xahar biex iżżur lir-refuġjati, ħasbet ukoll għar-rigali. Meta morna b’din-siġra, iltqajna ma’ raġel mill-Eritrea u mat-tifla tiegħu li għandha erba’ snin u s-security guard mis-Serbia ħadilna xi ritratti flimkien quddiem is-siġra.

Morna lura d-dar b’ ferħ kbir. Kemm hu veru dak li jgħid Papa Franġisku! Tassew li l-ispirtu  tal-Milied inħossuh meta nagħmlu bħalma għamel Ġesu’: ninsew lilna nfusna biex noħorġu għall-oħrajn, l-aktar għal dawk fil-bżonn u mwarrba mis-soċjeta’.

ACC

 




Esperjenzi fuq l-azzjoni “Dare to Care”

Affarijiet żgħar fil-ħajja ta’ kuljum

Għandi ħanut li jlaqqagħni ma’ bosta nies, u dan għalija jfisser opportunita’ biex bl-affarijiet żgħar fil-ħajja ta’ kuljum  inkunu nista’ nagħti s-sehem tiegħi ħalli tinbena dik ix-xi ħaġa li tagħmilna tassew aħwa ta’ xulxin.

Ftit ilu, per eżempju, fetaħ ħanut ġdid qrib il-ħanut tiegħi;  ħassejt li  kelli mmur  insellem lis-sid ta’ dan il-ħanut  u noffrilu l-id tal-ħbiberija. Mhux l-ewwel darba, li niltaqa’ ma’ xi ħadd li jkollu bżonn ta’ xi lift bil-karrozza, nagħmel ħilti  biex inwarrab il-pjanijiet li jkolli ħalli ngħin lil dik il-persuna mill-aħjar li nista’. Sirt naf kemm persuna kienet qed tkun imweġġa’ minħabba l-kritika li kienet qed issirilha;  meta ltqajt magħha wara li sirt naf b’din il-ħaġa, ħassejt li għandi nuriha l-kwalitajiet sbieħ li hemm fiha.

Mara li tilfet lil binha xi sena ilu qasmet miegħi n-niket tagħha: qaltli li ma kenitx preżenti għall-funeral  u li tant xtaqet iżżur il-qabar tiegħu.  Iddeċidejt li nixtri ftit fjuri u mmur magħha  ċ-ċimiterju.  Wara, stajt nara kemm  din il-mara kienet  aktar mistrieħa.

Huma tassew affarijiet żgħar, iżda aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar ninduna li dawn mhux biss ikabbbru r-rabta tiegħi mal-oħrajn, iżda anki jsaħħu r-rabta tiegħi ma’ Alla.

J.F. (Malta)

 

“Baby Shower” speċjali

Nagħmlu xogħol volontarju ma’ nisa vulnerabli u sirna nafu li waħda minnhom kienet qed tistenna tarbija. Din il-mara għandha storja ta’ ħafna uġigħ il-qalb, u xtaqna nuruha li mhijiex waħidha f’din it-tqala. Iddeċidejna li nagħmlulha “baby shower”. Id-deċiżjoni wasslet għal tellieqa kbira ta’ mħabba li fiha daħlu wkoll xi ħbieb tagħna: kien hemm min ħa ħsieb il-kejk, xi ħaddieħor ħa ħsieb l-ikel u waslet ukoll abbundanza ta’ rigal.

Waqt dan il-festin ċkejken din il-mara sabet l-okkażjoni li titkellem magħna bl-aktar mod miftuħ dwar il-ħajja li tgħix u dak li qasmet magħna kompla jsaħħaħna fil-fehma li aħna għandna dmir wieħed: li nħobbu bla ma niġġudikaw.

Wara dan il-festin waħda minna qalet: “Tgħallimt lezzjoni mill-aktar prezzjuża: issa li sirt naf is-sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha dawn in-nies, inħoss il-bżonn li nifhem aktar id-diffikultajiet tagħhom u nħobbhom sal-aħħar”.

A.V. (Malta)




Tbissima qatt m’hi mitlufa

Il-Covid-19 għadha magħna, b’mewġa wara oħra, u nnotajt, li għalkemm m’aħniex f’lockdown, l-uċuħ ta’ bosta nies ma jidhru kuntenti xejn. Smajt li bħalissa żdiedu l-każijiet ta’ saħħa mentali u dan kompla jwassalni biex naħseb dwar kif din is-sitwazzjoni li qed ngħixu qed taffettwana, għax ikolli nammetti li anki jien irrid nissielet miegħi nnifsi biex ma nħallix ċertu tħassib jaħkimni.

Għalhekk iddeċidejt li noqgħod aktar attenta li nagħti tbissima lil min ikun għaddej bit-tama li nqanqal lilu ukoll jagħmel l-istess biex iħossu aħjar.

Għaddew xi ġimgħatejn; ir-raġel u jiena konna ħerġin mill-Knisja, meta mara li hi ministru tat-tqarbin waqqfet tkellimna. Ma tantx nafuha, imma kienet ħerqana li taqsam magħna kif tgħaddi l-ġurnata f’dan iż-żmien partikulari. It-tnejn qgħadna nisimgħuha u rringrazzjajnieha ta’ dak li qasmet magħna. Dehret kuntenta, u meta waslet biex titlaqna, dehret lejja u qaltli: ‘Keep on smiling!’ ( Ibqa’ tbissem!)

Irrealizzajt li t-tbissima tiegħi ma kenitx qed tkun għalxejn u ddeċidejt li naqsam din l-esperjenza tiegħi ma’ oħrajn li bħali jgħixu għal dinja magħquda. Għoġbithom l-idea, u nittama li issa ser ikollna aktar nies jitbissmu fit-toroq.

S.C.




Qrib ta’ min qed ibati

Kont insegwi l-Quddiesa ta’ Papa Franġisku li kienet tixxandar kuljum fuq it-TV u kliemu kien tassew jidħol f’qalbi. Fl-omelija li għamel fil-15 ta’ April,  il-Papa tkellem dwar il-faqar; saħaq li hawn ħafna faqar u li hemm bżonn  nagħtu lill-foqra d-dinjita’ tagħhom ta’ bnedmin.  Dakinhar, meta ħriġt biex nagħmel ix-xirja, nara raġel maħmuġ u bi ħwejġu mqattgħin, taħt tinda ta’ ħanut  jipprova jistkenn mix-xemx.

Meta mort lura d-dar, ħassejt li kelli nara x’nista’ nagħmel. Wara li qsamt dan ma’ oħti, lestejt xi ħaġa tal-ikel u mort nagħtihielu.  Jumejn wara erġajt mort biex nagħtih l-ikel li kont hejjejt għalih;  din id-darba mhux biss irringrazzjani, iżda qagħad jgħidli l-istorja tiegħu. Qalli li kif mietet ommu, ħuh keccieh ‘l barra mid-dar. Kien ilu għal xi żmien jorqod barra, għalkemm xi drabi kienu  jarawh il-pulizija u ma kienux iħalluh.  Qalli wkoll li xi social worker kien qed jagħmel ħiltu  biex isiblu xi mkien fejn idaħħal rasu.

Erġajt  mort infittxu drabi oħra, għax  kont lestejtlu xi ħaġa li sirt naf li kienet togħġbu, iżda qatt ma erġajt sibtu  hemm.  Bqajt ninteressa ruħi f’dan ir-raġel mill-aħjar li stajt u kont tassew kuntenta meta sirt naf li kien sab post  fejn joqgħod.   Din l-esperjenza ġabitni aktar qrib ta’ min hu waħdu u qed ibati, u indunajt kemm irrid noqgħod attenta u niftaħ qalbi  għal tant nies li qed ibatu u jum wara l-ieħor  jistennew l-għajnuna tagħna.

 E.P. (Malta)




“Fikom jien sibt familja oħra”

Fl-inħawi fejn noqgħod jien, igħixu ħafna barranin, u mhux l-ewwel darba li nieqaf nitkellem ma’xi ħadd minnhom: nurihom fejn hu  l-bus-stop,  ngħidilhom fejn hu l-eqreb supermarket,  nitkellem magħhom fuq ix-xogħol. Ħafna huma żgħar fl-eta’ u tinduna li qegħdin waħidhom hawn Malta u li għandhom bżonn tal-għajnuna.  Waħda minn dawn hi żagħżugħa musulmana mill-Pakistan li ġiet Malta biex tistudja, iżda  minħabba il-Covid-19  kellha tieqaf mill-istudju u  bdiet taħdem  bħala full-time carer ma’ raġel anzjan.  Sfortunatament dan l-anzjan ma kienx qed jittrattha tajjeb, tant li darba minnhom ma felħitx aktar,  qabdet  u telqet ‘l barra. Ċemplitli biex tgħidli  x’ġara  u talbitni ngħinha. Għalkemm lil din it-tfajla ma tantx kont nafha, iżda ma stajtx nitlaqha.

Ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel, iżda ġie f’moħħi li l-appartament ta’ binti kien vojt. Binti  tgħix għal rasha f’appartament li mhuwiex wisq ‘l  bogħod minna, imma minħabba l-Covid-19 iddeċidiet  li tiġi toqgħod magħna. Kellimt lil binti, li  mill-ewwel  kienet lesta li  tagħti l-appartament tagħha  lil  din it-tfajla barranija  biex tmur toqgħod fih sakemm  tinsab xi soluzzjoni.  Bdejna nagħtu l-għajnuna kollha li stajna  lil din it-tfajla; flimkien ma’ żewġi li hu social-worker bdejna  ngħinuha tfittex ix-xogħol u anki ssir taf  dawk  l-organizzazzjonijiet  li setgħu jkunu ta’ benefiċċju għaliha.

Tant ħassitha sollevata u kuntenta, li qaltilna: “Fikom jien sibt familja oħra”.




It-tweġiba malajr waslet

Esperjenzi marbuta maċ-ċirkostanzi partikulari li qed ngħixu fihom minħabba l-pandemija.

Naf x’nagħmel – nagħtiha l-kompjuter tiegħi

Kont qed nieħu sehem f’laqgħa online meta waħda minn sħabi qasmet magħna li hemm familja  għaddejja minn problemi ekonomiċi serji  u li t-tifla tagħhom għandha bżonn ta’ kompjuter  biex f’dan iż-żmien tal-coronavirus tkun tista’ tkompli l-lezzjonijiet u l-istudju tagħha mid-dar. Minħabba li jien għalliema, malajr stajt nifhem kemm hu bżonnjuż il-kompjuter għal din it-tfajla. Kif nista’ ngħinha?

Naf x’nagħmel – ħsibt – nagħtiha l-kompjuter tiegħi, u nuża biss il-laptop. Kien hemm xi ħaġa żgħira li riedet tirranġa ruħha f’dan il-kompjuter, u għalkemm għall-ewwel  ma kienx faċli nsib min jirranġaha, iżda fl-aħħar irnexxili u stajt nagħtihulha fl-aħjar kundizzjoni  biex  tkun tista’ tibda taħdem fuqu mill-ewwel.  Din it-tfajla kienet kuntenta ħafna, imma anki jien kont kuntenta ħafna wkoll.

(S.Z)

Sirna nafu li  għandhom it-television set  bil-ħsara

Ilna snin ħbieb ma’ familja mis-Sirja. Din il-koppja li għandhom erbat itfal telqu minn Aleppo minħabba l-gwerra u qegħdin  Malta bħala refuġjati.  Bħalissa l-missier qed jagħmel xi xogħol barra minn Malta, imma l-mara u l-erbat itfal qegħdin hawn: joqogħdu f’appartament li poġġewh għad-dispozzjoni tagħhom koppja li tgħix l-ispiritwalità tal-unità.

Dejjem fittixna li nkunu qrib ta’ din il-familja u għalhekk  kemm ilha li  faqqgħet il-pandemija, għamilna kuntatt magħhom biex naraw jekk humiex tajbin u jekk għandhomx bżonn xi affarijiet tal-ikel. Staqsejna wkoll  jekk għandhomx bżonn xi ħaġa għat-tfal, l-aktar minħabba l-lezzjonijiet online li qed isiru mill-iskola. F’waħda mit-telefonati  sirna nafu li  għandhom it-television set  bil-ħsara. Għaddejna l-kelma bejnietna biex naraw x’nistgħu nagħmlu u t-tweġiba  malajr waslet: fi tlett ijiem kellhom television set id-dar; xi ħadd kellu television set ċkejken u kien lest li jagħtihulhom.

(A.C.)




Agħti u jingħatalek

“Dare to Care” – Esperjenzi marbuta maċ-ċirkostanzi partikulari li qed ngħixu fihom minħabba l-pandemija.

Malajr ġejt f’posti

Għandi erba’ neputijet; tnejn minnhom li għandhom 20 sena qed jistudjaw. Wieħed kien qed jagħmel xogħol part-time ġo restorant, iżda minħabba l-pandemija, ir-restorant għalaq  u dan spiċċa bla xogħol. Għandna appartament li nikruh, u bil-kera li ndaħħlu konna qed ngħinu xi ftit lil dawn in-neputijiet, l-aktar issa li m’hemmx xogħol. Malli bdiet il-pandemija, min jikri l-appartament  ġie jitlobni biex ma jħallas kera għal xi ftit xhur. Kif smajt din it-talba mal-ewwel ġew f’moħħi n-neputijiet, iżda malajr ġejt f’posti meta ftakart li kull proxxmu huwa ħija u li kelli nkun sensittiva għall-bżonnijiet ta’ kulħadd. Tkellimt ma’ żewġi  u qbilna li kellna nagħtu l-għajnuna tagħna: konna lesti li ma nieħdu ebda ħlas ta’ kera sakemm is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi.  Din id-deċiżjoni mlietni b’ferħ kbir.

C.B

 

Agħti u jingħatalek

Matul ix-xahar ta’ Marzu sirt naf li tfajla mill-Ewropa tal-Lvant li tgħix Malta kellha problema: ma setgħetx tkompli tgħix fl-appartament fejn kienet toqgħod.  Aħna għandna appartament li s-soltu nikruh, iżda inzerta li  dak ix-xahar kien vojt.  Tkellimt mar-raġel tiegħi u anki hu kien kuntent li din it-tfajla tmur toqgħod fih bla ħlas sakemm terġa’ ssib ix-xogħol. Meta waslet il-ġurnata li kelli niltaqa’ magħha biex nagħtiha ċ-ċwievet kont xi ftit nervuża u anki mbeżża’ minħabba l-coronavirus.  Iżda b’fiduċja kbira fl-imħabba t’Alla għamilt ħilti biex negħleb dan kollu, u meta ltqajt magħha ħassejtni tassew kuntenta.  Jien ukoll kelli nieqaf mix-xogħol part-time li kont qed nagħmel minħabba l-coronavirus, iżda propju f’dawn l-istess ġranet, waslet ħafna providenza: il-karrozza li kienet bil-ħsara, ssewwiet bla ma ħallasna sold; waslu  xi flus li ma konniex qed nistennewhom mingħand il-ġenituri tagħna u anki xi għajnuna finanzjarja oħra …..  Tassew li lil Alla ħadd ma jgħaddih fil-ġenerożita’.

S.B




Tajna l-imħabba u rċevejna l-imħabba

Ivana: Matul dan iż-żmien tal-COVID-19, qed ngħix waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti. Nagħti s-sehem tiegħi f’Ċentru għal nies vulnerabbli, iżda meta l-pandemija waslet hawn Malta, dan iċ-ċentru kellu jagħlaq il-bibien tiegħu. In-nies li jiġu għall-għajnuna nafhom sew u ħassejt li ma stajtx nabbandunhom. Għalhekk offrejt li nibqa’ nagħmel ix-xogħol li kont qed nagħmel mid-dar tiegħi. Dan kien ifisser li kelli nwassal affarijiet tal-ikel u xi ikliet imsajrin lil bosta familji.

Iżda mill-ewwel sibt ħafna għajnuna: kien hemm min offra l-affarijiet u kien hemm ukoll numru ta’ voluntiera li offrew li jmorru jqassmuhom f’diversi postijiet ta’ Malta. Ħbiebi tal-Fokolar u oħrajn offrew is-servizz tagħhom. Id-dawl ta’ Ġesu’ f’nofsna għenna biex naslu għal dak kollu li kellna bżonn u kollox mexa sew.

Aktar ‘l quddiem ġejt avviċinata minn confectioner magħruf li xtaq jagħti xi affarijiet tal-ikel għall-Ħadd il-Għid lil 200 ruħ. Emmint li Alla għandu l-mod tiegħu kif jaħdem, u kont naf li ser insib l-għajuna biex nagħmel dan. Mill-ewwel sibt disa’ voluntiera lesti biex iqassmu dan l-ikel. Fosthom kien hemm żewġi, binti  u xi ħbieb tal-fokolare: grupp tassew sabiħ li ma’ kull kaxxa u bajda tal-Għid  wasslu wkoll l-imħabba anki lil dawk it-tfal kollha li ltaqgħu magħhom.

Steph: Meta bdiet  il-pandemija tal-Covid-19, kien hemm numru ta’ nies mill-parroċċa tiegħi li mill-ewwel bdew jorganizzaw ruħhom biex jgħinu fejn jidħol it-tqassim tal-ikel lill-anzjani. Kont lesta li ngħin iżda qatt ma sejħuli għaliex in-nies tal-ħwienet bdew imorru huma stess iqassmu x-xirjiet. Għalhekk meta sirt naf li kien hemm bżonn ta’ voluntiera biex iqassmu affarijiet tal-ikel lil dawk fil-bżonn kont kuntenta li stajt ngħin. Ħassejt li l-proxxmu jrid jiġi qabel kollox, u li kien hemm bżonn ma nibqax komda d-dar. Xtaqt ukoll ngħix  ir-Randan  b’mod aktar sħiħ.

Kollox mar tajjeb meta morna nqassmu l-ikel u n-nies kienu kuntenti ħafna.  Imbagħad ġejt mitluba ngħin fit-tqassim tal-ikel f’Ħadd il-Għid. F’kull basket tal-ikel kien hemm ukoll talba ta’ ringrazzjament lil Alla  u bajd tal-Għid għat-tfal.

Ħadna l-prekawzjonijiet kollha: żammejna d-distanza  meħtieġa u wżajna  wkoll is-sanitizer. Għal darb’oħra stajt nara lil Kristu f’għajnejn dawk li morna nżuruhom, u l-ferħ li ħassejt f’dan Ħadd il-Għid kien tassew xi ħaġa speċjali.

Meta mort lura d-dar sibt li r-raġel u t-tifla kienu ħejjew ikla tassew tajba u l-boyfriend tat-tifla ħa ħsieb jara  li  fil-ġnien kollox kien f’postu biex niċċelebraw flimkien l-ikla tal-Għid. Ħassejt l-imħabba tagħhom u rajt kemm hu veru l-kliem tal-Vanġelu: “Agħti  u jingħatalek!”.

Julia: Meta ġejt mitluba biex ngħin fit-tqassim tal-ikel f’Ħadd il-Għid mill-ewwel  aċċettajt, għalkemm stajt nara li kien hemm xi wħud fil-familja li bdew jibżgħu xi ftit  li kont ser immur fid-djar tan-nies minħabba l-pandemija.

Wasal Ħadd il-Għid u morna l-Belt niġbru l-ikel li konna ser inqassmu. Poġġejnieh fil-karrozza tagħna; iżda meta lestejna u ġejna biex nitilqu, il-karrozza ma riedet tistartja b’xejn. Ħsiebi mill-ewwel mar fuq il-familji li kienu qed jistennew l-ikel li kellna noħdulhom. Fdajt kollox f’idejH u flimkien maI-mama li wkoll kienet qed tgħin, ippruvajna naraw x’nistgħu nagħmlu. Ċempilna lill-papa, li telaq kollox u ġie biex jara kif seta’ jgħinna.

Minħabba li kien Ħadd il-Għid ma kienx faċli ssib  towing service. Iżda l-papa li tant hu kreattiv f’imħabbtu sab rimedju u fi ftit ħin rajna jasal tow truck u jipparkja viċin tagħna. Id-driver ta ħarsa lejn il-karrozza u offra li jipprova jistartjaha.

Intant il-mama u jiena tlaqna biex immorru nqassmu l-ikel  għax ma xtaqniex inkunu tard, u l-papa baqa’ hemm jara x’ser isir mill-karrozza. Fi ftit ħin id-driver tat-tow truck  irranġa u l-karrozza bdiet taħdem, u dan ma ried ebda ħlas. Meta spiċċajna nqassmu l-ikel u wasalna lura d-dar, il-papa kien ġa qiegħed hemm.

Kien Ħadd il-Għid tassew speċjali. Tajna l-imħabba u rċevejna l-imħabba. Tant ħassejtni tajba waqt li kont qed inkellem lil dawk li morna nżuruhom għalkemm kellna nżommu ‘l bogħod minn xulxin.  Ħassejtni tassew kuntenta!




Għaddejna sitt ġimgħat ta’ qtigħ il-qalb

Kont għadni kif ġejt lura mill-Mariapoli li saret mis-6 sat-8 ta’ Marzu 2020,  imħeġġa għall-aħħar biex inkompli ngħix l-ispiritwalità tal-unità, meta wasal id-dar dak li ma kontx qed nistenna … ma kont naf xejn dwaru, li  ma xtaqtux u li mlieni bil-biża’!

Żewġi li kien għadu kif jasal  mil-Londra, ġab miegħu l-coronavirus. Għaddejna sitt ġimgħat ta’ qtigħ il-qalb, biża’, iżolament, solitudni u ħin twil ta’ skiet. Kellu jidħol l-isptar, u ma jmur qatt minn quddiem għajnejja l-mument meta waslet l-ambulanza u hu kellu jitlaq lejn l-isptar u jien bqajt waħdi d-dar. Bkejt ħafna u ngħalaqt fija nnifsi b’ansjeta’ kbira.

Kienet grazzja meta erġajt rajtu lura d-dar! Beda għalina t-tnejn żmiem ta’ kwaratina. Hu kellu jibqa’ għalih waħdu f’kamartu.

Illum 21 ta’ April hu s-46 anniversarju tat-tieġ tagħna; għada jispiċċa ż-żmien tal-kwarantina! X’ferħ! X’rigal sabiħ mingħand  Ġesu’ u Marija!

Għext trawma kbira, imma għextha ma’ Ġesu’ Abbandunat  u Marija Deżolata. Waslet il-Ġimgħa Mqaddsa, l-Għid, il-Ħadd tal-Ħniena Divina u tlabt ħafna. Matul dan iż-żmien, ħassejt is-sostenn u l-imħabba kbira ta’ dawk kollha li magħhom ngħix l-ispiritwalita’ tal-unità u sibt il-kuraġġ biex nibqa’ nħaddan lil Ġesu’ abbandunat. Erġajt qrajt ħafna minn dak li Chiara kitbet fil-ktieb “L-Għajta”;  ħassejtha miegħi u stajt indur lejha biex tinterċedi għall-fejqan ta’ żewġi.

Xi snin ilu kont xtrajt kartolina li fuqha kien hemm dan il-kliem: La Paura ha bussato alla porta . Ha risposto la Fede. Fuori non c’era piu’ nessuno’ . ( Il-biża’ ħabbat il-bieb. Wieġbet il-Fidi . Barra ma baqa’ ħadd). Iva, nemmen li Alla jħobbna b’imħabba bla tarf! U minn qalbi bi gratitudni kbira lejh toħroġ il-kelma: Grazzi!

M.T.




“Ċittadella” tal-Moviment tal-Fokolari tieħu l-impenn li tipproduċi maskri “made in Loppiano”

“Din hi okkażjoni biex nagħmlu xi ħaġa kontreta għall-oħrajn u ngħinu lil pajjiżna f’dan il-mument ta’ inċertezza u sospensjoni”. Hekk qalet Luisa Colombo meta spjegat x’qanqal lil “Fantasy” biex tibel il-produzzjoni tagħha u tibda tagħmel maskri ta’ protezzjoni kontra l-Covid -19. Fantasy ilha mwaqqfa għal aktar minn 50 sena u tagħmel prodotti  għat-tfal żgħar maħduma mit-tessuti.

Din il-fabbrika qiegħda fil-qalba ta’ Loppiano, belt żgħira tal-Moviment tal-Fokolari li tinsab fuq medda ta’ 260 ettaru  fuq l-għoljiet ta’ Incisa Valdarno, madwar 20 kilometru ‘l bogħod minn Firenze. Hemm madwar elf ruħ jgħixu f’din il-belt ċkejkna, li jiġu minn partijiet differenti tad-dinja u kollha jħaddnu l-proposta ta’ Chiara Lubich, il-fundatriċi li tat bidu għal din il-belt fis-snin ’60. Kienet ipproponiet li “din tkun belt fejn tinkarna ruħha l-liġi tal-imħabba lejn xulxin li nsibu fil-Vanġelu, filwaqt li jkollha l-elementi ta’ belt moderna fejn wieħed jgħix, jitgħallem u jaħdem”.

Meta Papa Franġisku żar Loppiano sentejn ilu, hu kien talab lill-abitanti tagħha biex jisimgħu “l-urġenzi, ħafna drabi drammatiċi, li jaslu minn kullimkien u li ma jistgħux iħalluna ma nagħmlu xejn”. Qal ukoll li hemm bżonn ta’ rġiel u nisa li “jkunu kapaċi jfasslu triqat ġodda li nimxuhom flimkien” biex titnissel “ċiviltà globali tal-alleanza”.

Fantasy, bħal ditti oħra li jaħdmu fiċ-ċittadella, minn dejjem ħaddnet dan l-istil ta’ ħajja u  għamlet isem fis-suq tal-prodotti li tagħmel hi. Iżda kif qalet Luisa Colombo, li flimkien ma’ Marco Barlucchi hi responsabbli mill-proġett tal-maskri, meta bdiet il-kriżi li ġabet magħha din il-pandemija, mill-ewwel bdew jonqsu l-ordnijiet. Kien propju f’dan il-waqt meta r-Reġjun tat-Toscana talab lil Loppiano biex tipproduċi l-maskri. Din talba ġiet milqugħa mill-ewwel.

Dawk li jgħixu f’Loppiano, l-aktar żgħażagħ mid-dinja kollha li jgħoddu madwar 100 u li bħalissa qed iqattgħu xi żmien f’din il-belt, qed jagħtu sehemhom f’din il-produzzjoni. Hemm żewġ xifts u qed jipproduċu minn 3000 sa 5000 maskra kuljum. Ir-Reġjun tat-Toscana qed iqassam dawn il-maskri “made in Loppiano” l-aktar lill-operaturi u lil oħrajn li jaħdmu fid-djar tal-anzjani.

Colombo qalet: “Dħalna għal dan il-proġett konxji li qed ngħixu mument ta’ inċertezza kbira fejn ħadd m’għandu ideat ċari dwar kif ser tevolvi din is-sitwazzjoni u l-ħajja tagħna fix-xhur li ġejjien”. U kompliet tgħid li laqgħu din it-talba għax fiha raw li setgħu jagħtu sehemhom għal pajjiżhom, filwaqt li mill-banda l-oħra kien meħtieġ li f’dan il-mument ta’ kriżi jinstab ftuħ ekonomiku u ta’ xogħol.

Source: SIR News Agency