“Bqajt inċemplilha spiss”

Indunajt li waħda mill-ġirien tiegħi bdiet sejra lura ħafna wara l-mewt ta’ żewġha. Bil-kemm kienet qed tiekol u bdiet titlef kull sens tal-ħajja. Għaddiet minn mumenti tassew koroh.

Bdejt immur nittawlilha ta’ spiss u nara x’għandha bżonn u anki noħdilha xi ħaġa tal-ikel. Ir-relazzjoni ta’ bejnietna kompliet tikber u mhux l-ewwel darba li bkejna xi bikja flimkien. Ħassejt li kelli nikkonvinċiha tkellem tabib, u fl-aħħar irnexxili . It-tabib taha l-mediċina li kellha bżonn u mill-ewwel bdiet tmur għall-aħjar.

Bqajt inċemplilha spiss; xi drabi anki nagħmlul xi passiġġata flimkien jew immorru għall-Quddiesa flimkien. Ninduna kemm tapprezza u kemm hu veru li l-imħabba tiġġenera mħabba. M’ilux kont ma niflahx u ċemplitli tlett darbiet f’gurnata biex tara kif jien! U ftit ilu konna qed nitkellmu fuq l-ikel u fost affarijiet oħra għidtilha li nħobb il-qaqoċċ imma ma nsajrux ….. Għaddew ftit ġranet u meta sajret il-qaqoċċ għaliha, għamlet waħda għalija wkoll.

Għalkemm illum tħossha ħafna aħjar u bdiet tagħmel il-kuraġġ, iżda nifhem ukoll it-tbatija ta’ din il-mara li sabet ruħha waħidha. U nagħmel ħilti biex hi tħoss li ghalija saret wahda mill-familja!

C.S. (Malta)




Nagħmlu kollox flimkien

Esperjenzi dwar l-għajxien tal-Kelma tal-Ħajja

Familja ġdida

Żewġi u jiena sirna nafu mingħand soru ħabiba tagħna li tfajla li kellha tmin xhur tqala kienet qed tgħaddi l-ljieli f’toilet publiku. Din l-istorja niktitna għall-aħħar; morna nkellmu social worker iżda konna lesti li noffru kenn fid-dar tagħna lil din it-tfajla wara li nkellmu lil uliedna. Meta rajna li l-biċċa tas-social worker kienet ser tieħu fit-tul, iddeċidejna li mmorru nfittxuha.

Familja oħra għenitna u sibnieha f’video games aracade fejn bosta drabi kienet tqatta’ l-ġurnata tagħha. Kelllha storja tal-biki: ommha kienet tgħix bil-prostituzzjoni u sakemm kellha 14-il sena għexet ġo home. Ftit wara li marret lura tgħix ma’ ommha, ħarbet mid-dar għax ma riditx tagħmel ix-xogħol li kienet tagħmel ommha.

Bil-kemm setgħet temmen meta għidnielha li setgħet tiġi toqgħod magħna. Grazzi għall-passparola li nirċievu kuljum, il-ħbieb tagħna għamlu minn kollox biex din it-tfajla u t-tarbija li kienet qed tistenna jkollhom dak kollu li jeħtieġu. It-tarbija twieldet, u issa b’ħafna delikatezza qed ngħinuha tieħu ħsiebha. Illum din tqisna bħala l-familja tagħha. (L.A.G.mill-Italja)

Nagħmlu kollox flimkien
Indunajt li biex neħles lit-tfal tagħna mill-periklu li jqattgħu ħafna ħin quddiem it-TV kelli nitgħallem “naħli” l-ħin magħhom. Aktar milli nisfurżhom biex jitfu t-TV, kelli nipproponilhom li jagħmlu xi attivitajiet oħra, għalkemm dan kien jitlob aktar sforz minni. Wara li tkellimt ma’ żewġi u ma’ wliedi ddeċidejna li kull filgħaxija nibdew nagħmlu attivita’ differenti: it-Tnejn nagħmlu kitba u tpinġija; it-Tlieta nilagħbu xi games, l-Erbgħa naraw it-TV, il-Ħamis nagħmlu xi tindif tad-dar, il-Ġimgħa mmorru nagħmlu mixja flimkien, eċċ..

Aktar ma bdejna nidħlu fir-realtajiet li jgħixu wliedna, aktar bdejna niskopru kemm hemm affarijiet x’nitgħallmu biex ngħinuhom jikbru. Kemm ilna li bdejna dan l-eżerċizzju bdejt ninduna kemm tassew jieħdu gost jiktbu jew jaqraw xi storja qasira; kemm jieħdu gost jirranġaw xi kexxun jew ipoġġu t-toys f’posthom, u kemm ikunu kuntenti li jagħmlu dan flimkien.

Wara li konna ilna xi ftit ġimgħat għaddejjin b’dawn l-attivitajiet, it-tifel il-kbir issuġġerixxa li nibdew nużaw il-ġurnata ddedikata għat-TV biex insajru xi ħaġa flimkien. Allura issa minflok naraw xi film, spiċċajna nippreparaw flimkien l-ikla ta’ fil-għaxija għal dik il-ġurnata. Tasssw li flimkien mal-oħrajn, anki t-tindif tad-dar jew it-tisjir isir opportunita’ biex wieħed jieħu gost!
(S.J. – Brażil)

L-anzjani
Meta żżewwiġna, tant konna meħuda bl-imħabba tagħna lejn xulxin li bil-kemm konna nagħtu kas il-pariri tal-ħbieb jew dawk li jiġu minna. Żewġi għandu zija anzjana, armla, li tħobb lin-neputijiet daqslikieku kienu wliedha. Meta tlabnieha tiġi toqgħod magħna, kienet tassew kuntenta, u.l-preżenza tagħha fil-familja tagħna ġabet magħha ħafna mħabba.

Ġurnata minnhom, din iz-zija ħasset li bejni u bejn żewġi kien hemm xi ħaġa li ma kenitx sejra sew, u mill-ewwel iddeċidiet li tkellimni b’mod miftuħ; “Il-passjoni tispiċċa, imma l-imħabba tibqa’”, qaltli. Stajt nara li kienet qed tbati u b’ħafna delikatezza kompliet tgħidli: “Int tista’ twelled imħabba ġdida: dan hu li żewġek għandu bżonn. Jien ma nista’ nagħmel xejn ħlief ngħinek bit-talb tiegħi”.

Tlabtha ngħidu talba flimkien u tant ħadet gost. Kif spiċċajna t-talba, mill-ewwel ħassejt f’qalbi paċi kbira, u dan malajr kellu effett fuq żewġi u wliedi li huma teenagers. Il-preżenza ta’ din iz-zija fil-ħajja tagħna, tgħinni nifhem għaliex Papa Franġisku jagħti daqshekk valur lill-anzjani. Hi l-aktar ħaġa prezzjuża li għandna fil-familja tagħna.
(Sz.K. – Slovakkja)

Imħabba li tgħaqqadna
Ili naf lis-Sur Walid li hu Musulman għal xi snin u hemm relazzjoni tassew sabiħa bejnietna. Xi ġranet ilu ġie il-parroċċa biex jagħmel donazzjoni għall-bżonnijiet li jkun hemm fil-komunita’. U stedinni biex immur niekol għandu. Aċċettajt din l-istedina bil-qalb. Kienet ikla pjuttost sempliċi f’dar tassew lussuża. Iltqajt ma’ martu li hi Taljana u mal-erba’ wliedu, li bħala missier jixtieq jedukhom skont il-kultura ta’ pajjiżna.

Mingħajr ma kont qed nistenna, kelli l-opportunita’ li nirrakkuntalu xi ftit dwar ħajti, dwar id-distakk mill-ġid u fuq kollox dwar il-qsim tal-ġid li nipprova ngħix flimkien ma’ Nsara oħrajn. F’ħin minnhom smajtu jgħid: “Alla hu miegħek!” Meta kont ser nitlaq ġie jwassalni sa fejn ix-xatba li hemm barra l-bieb u qalli: “Jekk tkun taf b’xi familja li jkollha diffikulta’, għarrafni. Jien ukoll nista’ nieħu l-impenn li nagħti s-sehem tiegħi kull xahar”.
(T.P. – l-Italja)




Ngħixu l-Vanġelu: “Henjin dawk li jġibu l-paċi”

Il-paċi mhijiex biss nuqqas ta’ gwerra jew xi kunċett  astratt; il-paċi hi xi ħaġa li rridu nibnuha flimkien waqt li naffrontaw is-sitwazzjonijiet diffiċli li niltaqgħu magħhom u  nibdew aħna  stess mill-ambjent li ngħixu fih.

Qed nibda nsir naf Rob ieħor

Rob telaq mid-dar wara argument li nqala’ bejnietna; ħsibt li dan kien  it-tmiem taż-żwieġ tagħna. Kien ilu sentejn li telaq u qatt ma smajt b’aħbaru. Sirt naf biss mingħand il-ġenituri tiegħu li beda jagħmel xi auditioning għall-films u li kien involut f’dan ix-xogħol. Meta ġie lura mill-Italja kien diżappuntat għall-aħħar u ma kienx għad fadallu sold f’butu. Beka u talabni naħfirlu. Ir-raġel li kont ħabbejt u għażilt biex ikun is-sieħeb ta’ ħajti, issa kien bħal wieħed barrani; tilef kull ma kellu, kien bniedem fallut. Fejn mar is-sabiħ  u s-sens ta’ kburija  li kellu? Meta hu kien ‘l bogħod minni, jien sirt aktar qrib ta’ Alla u erġajt bdejt nibni ħajti  fuq il-valuri li kont warrabt. Kif ġie lura, ħassejt li Alla kien qed jippruvani u bdejt aktar nissaħħaħ aktar fil-fidi tiegħi. Issa hu wkoll beda jsib paċi ġdida fil-qalb tiegħu waqt li flimkien qed niskopru ħajja ġdida. Inħossni li qed nibda nsir naf Rob ieħor.

(R. H. – Switzerland)

Bennejja tal-għaqda

Waqt laqgħa on-line, kont fi grupp ma’ oħrajn minn pajjiżi differenti. Wara li saru diversi preżentazzjonijiet, kien hemm xi ħadd li għadda kummenti politiċi b’mod imprudenti ħafna. Qamet tensjoni, beda għaddej kliem iebes u l-laqgħa spiċċat ħażin; kienet falliment totali. Bħala ġurnalista li żar diversi pajjiżi u studja l-istorja tagħhom, l-opinjoni tiegħi kienet differenti ħafna minn ta’ dawk li joqogħdu biss fuq dak li jisimgħu jew fuq dak li jirrappurtaw il-mezzi tax-xandir.

L-għada meta kont qed inhejji ruħi  għal-laqgħa oħra ta’ ħidma fi grupp ieħor għamiltha  f’moħħi li nitkellem biss fuq dak li jgħaqqad u mhux fuq dak li jifred. Kienet laqgħa ferm differenti  minn dik tal-ġurnata ta’ qabel. Meta qgħadt naħseb, għidt: anki meta tiskot, tista’ tkun kompliċi  biex  iġġib il-firda jew biex tibni l-għaqda. Il-ħolma ta’ Ġesu: “li jkunu lkoll ħaġa waħda” ma tiġix bix-xejn, wieħed irid iħallas għaliha.

(G.M. – Hungary)

Fis-skiet

Fl-isptar fejn naħdem, nagħmel ix-xift ta’ bil-lejl ma’ tabib ieħor. Għalkemm Nisrani, dan ma  kienx jipprattika t-twemmin tiegħu,  u meta kien jarani mmur għall-Quddies kuljum kien jidħak bija. Ix-xift tagħna jibda minn wara nofsinhar  u jtul il-lejl kollu; dan kien jidħol għax-xogħol, jaħdem sa tard fil-għaxija u mbagħad  jitlaq. U allura  ħafna mix-xogħol kien jaqa’ fuqi.  Iżda  jien dejjem ippruvajt inżomm attitudni miftuħa lejh, bla ma niġġudikah. Għaddew xahar, xahrejn…. u ġurnata minnhom qalli li xtaq jiġi miegħi għall-Quddiesa. “Matul dawn ix-xhur tgħallimt ħafna mingħandek, tgħallimt ħafna mill-mod kif int tħobb fis-skiet”, qalli. U minn dakinhar mhux biss qed jagħmel dmiru kollu, imma anki qed jieħu ħsieb li jien ma ngħejjiex wisq”.

(Bashar – Iraq)

Compiled by Maria Grazia Berretta

(from  Il Vangelo del Giorno, Città Nuova, year VII, n.4, NovemberDecember 2021)




Fhimt b’mod ġdid l-imħabba kbira t’Alla għalina

Waħda mill-ħbieb tagħna li tagħmel parti mill-Fraternita’ ta’ Charles de Foucauld tirrakkonta:

“Kien kmieni filgħodu, smajt it-telefon idoqq u meta weġibt sibt li kien reliġjuż ġiżwita. Talab l-għajnuna tiegħi bħala nurse għax fil-kunvent kien hemm xi patrijiet li nstabu pożittivi għall-corona virus. Qabel ma rqadt, kont tlabt lil Ġesu’ jużani kif irid hu; malajr sama’ talbi. U rajt li stajt inwieġeb għax fil-verita’ ma kien hemm xejn xi jżommni. Ħassejt li f’dan iż-żmien tal-pandemija kelli nwarrab it-tbatija tiegħi u nwieġeb għat-tbatija ta’ madwari. Għalkemm xi membri tal-familja ma tantx kienu kuntenti li ser inpoġġi ruħi fil-periklu tal-virus, bdejt immur ngħin f’dan il-kunvent.

Indunajt kemm kien hemm tassew bżonn tal-għajnuna, u bdejt nagħti s-servizz tiegħi mill-aħjar li stajt: tqassim ta’ mediċini, ta’ ikel u bżonnijiet sanitarji oħra. Din id-darba ma kellix immur ‘l bogħod f’art tal-missjoni f’xi pajjiż imbiegħed biex naqdi; kont qed naqdi f’post fejn missjunarji li ħadmu għal snin f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, issa kienu fi kmajra ċkejkna, waħidhom, ‘l bogħod mill-ħajja mdorrijin biha. Il-gratitudni, is-skiet, it-tbissima tagħhom, kellmuni u wassluni biex nirrifletti. Ħassejt lil Alla jkellimni u qalbi ntliet b’ħafna ferħ u sliem.

Għext esperjenza tassew speċjali. Rajt l-id tal-Providenza anki fir-rigali li waslu fi żmien il-Milied mingħand diversi ħbieb li xtaqu jagħtu s-sehem tagħhom f’din l-avventura ta’ mħabba li kont qed ngħix jien. Fhimt b’mod ġdid l-imħabba kbira t’Alla għalina li ġie jgħammar fostna biex jurina dik it-triq tal-imħabba – triq ħafna drabi mgħejxa fis-skiet – li tagħmilna lkoll tassew familja waħda. Nista’ ngħid li ħassejt ħajti tiġġedded fis-skiet!”

R.F (Malta)




Ngħixu l-Vanġelu: is-sehem tagħna għall-paċi

Meta ngħixu l-Kelma t’Alla jkollna l-qawwa li noħorġu minna nfusna biex nersqu lejn l-oħrajn b’imħabba. Nibdew  minn dawk l-aktar qrib tagħna: fil-familja, fil-post fejn noqogħdu u dawk li niġu f’kuntatt magħhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Din il-ħbiberija tibni xibka ta’ relazzjonijiet pożittivi li jwasslu għall-għajxien tal-kmandament tal-imħabba lejn xulxin, u allura lejn il-bini ta’ dinja fejn il-bnedmin jgħixu bħal  aħwa ta’ xulxin.

Kliem nissel paċi fil-qalb

Iż-żewġ uliedi li kellhom seba’ u ħames snin kienu  barra qegħdin jilagħbu barra, bla ebda ħsieb ta’ xi periklu. Splodiet bomba, iżda ma ġrejtx  biżżejjed biex neħlishom mill-periklu. It-tnejn sfaw milquta; qbadniehom u tlaqna niġru lejn l-isptar. F’moħħi bdew għaddejjin ħafna ħsibijiet; ħassejt dwejjaq, biża’ uġigħ … iżda ridt nagħmel ħilti biex nieħdu ħsieb  uliedi  u nnissel il-paċi f’qalbhom.

Ibni kellu xi  splinters  f’rasu, u kellhom joperawh malajr; binti ma kenitx daqshekk gravi. Bqajt l-isptar ma’ ġenbhom, imqajma l-lejl kollu. Kultant bdew jokorbu u jhewdnu: “Għalfejn għamlulna hekk?”  Bdejt infittex li nweġibhom bi kliem  ta’ paċi: għidtilhom li min tefa’ l-bomba kien xi ħadd li bata ħafna, li forsi ma kellux ġenituri u li ried jeqred l-armi li kien hemm fuq in-naħa tagħna … Meta t-tfal irnexxilhom jorqdu, bdejt nitlob: fdajt lil uliedi f’idejn Alla u tlabtu jeħlishom minn kull mibegħda  f’qalbhom. Illum għaddew bosta snin minn dan l-episodju ta’ tbatija, iżda  ibni jħares lejh bħala inċentiv biex jagħti sehemu għall-paċi fid-dinja.

R. S. – Lebanon

Bidla ta’ appartament

Meta staqsejna lill-propjetarja tal-appartament fejn konna noqogħdu għall-permess  biex nagħmlu xi tiġdid u nħallsu għalih aħna, din qatt ma qaltilna li kellha f’moħħha li tbigħ. Naturalment, meta lestejna x-xogħol  kollu u sirna nafu bid-deċiżjoni tagħha, ħassejna li din kienet qarrqet bina. Barra minn hekk, il-propjetarju l-ġdid talabna kera aktar għoli. U  mil-lum għall-għada sibna ruħna barra t-triq. Iżda fdajna fil-providenza: konna ċerti li Alla ma kienx ser jabbandunana. Filfatt, ftit wara sibna appartament ieħor li kien ħafna aħjar għalina bħala familja.

Kien hemm xi ħaġa li kienet importanti ħafna għalina: ma xtaqniex li niksru r-relazzjoni li konna bnejna mal-ewwel propretarja. Filfatt, għalkemm ma qalet xejn, wara stajna naraw li kien iddispjaċiha għal dak li ġara. Bqajna ħbieb u ntesa kollox.

E.V. – Turkey

(Source: www.focolare.org)




Ngħixu il-Vanġelu: “In-nanna saret qisha tifla żgħira.”

In-nanna saret qisha tifla żgħira
Ommi mardet u saret qisha tifla żgħira, bil-kemm taf titkellem u ma tifhem xejn. Sa ftit ilu konna tassew imħawdin b’din is-sitwazzjoni u ma konniex nafu s’ser naqbdu nagħmlu. Ħbieb u qraba bdew jgħidulna li jkun aħjar jekk  indaħħluha f’xi dar tal-anzjani  li tkun tassew tgħodd għaliha. Wara li tkellimna maż-żewġ uliedna biex naraw x’ser nagħmlu, wasalna għall-konklużjoni li ngħinu lil xulxin u naqsmu sew il-ħin bejnietna biex inżommuha d-dar. Żewġi u jiena bdejna nibżgħu li din kienet ser tkun biċċa xogħol iebsa ħafna għat-tfal, iżda aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdew jieħdu ħsiebha u jagħtuha ħafna mħabba u rispett. Ir-rabta ma’ ommi saret waħda mill-isbaħ: tista’ tgħid li hemm mewġ ta’ mħabba għaddej il-ħin kollu.  (Y.O. – Ġappun)

Agħti!
Lejla waħda ħija ma tantx kien qed iħossu tajjeb u ħsibna li jkun aħjar jekk noħduh l-isptar. Aħna familja fqira u għalhekk kelli mmur nitlob lill-ġirien  isellfuni xi ftit flus biex jiena u ommi stajna nieħdu  lil ħija  l-isptar.  Waqt li konna sejrin lejn l-isptar  iltqajna ma’ raġel fqir li kien qed jitlob l-għajnuna. Ħriġt xi ħaġa tal-flus biex nagħtihielu, iżda  ommi waqqfitni u qaltli: “Tagħtih  xejn, il-flus għandna bżonnhom aħna”.  Għidtilha: “Le ma, jekk nagħtu, Alla jgħinna”.  U hekk għamilna. Meta konna deħlin l-isptar iltqajna ma’ tabib li jafna. Dan mill-ewwel ħa ħsiebna u għinna mill-aħjar li seta’, tant li ma ħallasniex sold għall-kura u l-mediċini li taw lil ħija. Ommi baqgħet milquta għall-aħħar. (M. – Eġitto)

L-eżempju
Patty, it-tifla  ż-żgħira tagħna  marret għal xi żmien California; marret  ma’ ħabiba tagħha biex jipperfezzjonaw l-Ingliż. Ftit qabel ma waslet biex terġa’ tiġi lura, ċemplet u tatna aħbar li qatt ma konna qed nistennewha: qaltilna li kienet qed tistenna tarbija, li missier it-tarbija kien iħobbha iżda hi ma kenitx ċerta jekk riditx tiżżewġu. Din l-aħbar ħallietna  bla kliem. Staqsiet jekk setgħetx terġa tiġi lura d-dar. Noqogħdu f’raħal ċkejken; kulħadd jafna u għandna fama tajba; din kienet sitwazzjoni li kienet ser ġġib fuqna għajb, iżda għidnielha  li setgħet tiġi lura u konna lesti li nilqgħuha. Iż-żmien li kien fadal biex tiġi serva biex stajna nħejju ruħna ħa nilqugħha bl-aħjar mod li stajna, bla ebda ġudizzju, u kif  kellha bżonn. Ġiet lura, it-tarbija twieldet u ġabet magħha ħafna ferħ. Ftit wara kien hemm familja oħra fir-raħal tagħna li għaddiet mill-istess sitwazzjoni; il-ġenituri  qalulna: “L-eżempju tagħkom imliena b’ħafna kuraġġ u ppruvajna nagħmlu bħalkom”. (M.J.S. – Svizzera)




Il-Komponent Elettroniku Nieqes

Esperjenzi dwar l-għajxien tal-Kelma tal-Ħajja: naħslu riġlejn xulxin kif għallimna Ġesu’.

Il-Komponent Elettroniku Nieqes

Naħdem f’kumpannija li tagħmel il-komputers. Kont ili xhur infittex komponent elettroniku partikulari  li kien ibaxxi  sew il-prezz ta’ prodott li konna qed naħdmu fuqu, iżda ma stajt insibu mkien, u għalhekk iddeċidejt li niddisinjah jien. Waqt laqgħa li nagħmlu kull ġimgħa, indunajt  li kienet ġejja ġimgħa b’ħafna xogħol, u għalhekk tlabt biex l-ordni għal dan il-komponent iħalluha għall-ġimgħa ta’ wara.

Waqt din il-laqgħa sirt naf ukoll li wieħed mill-kollegi tiegħi kien għaddej minn żmien diffiċli fil-familja tiegħu u qalli li ma kienx lesta xi xogħol li kien fdat f’idejh. Il-boss ċanfru, u jien kont pront  offrejtlu l-għajnuna tiegħi. Iżda, wara ndunajt li ma kienx ser ikolli ħin  inwettaq il-proġett li kelli nagħmel jien u kien ser ikolli nibqa’ naħdem tard il-ġimgħa kollha. Meta mort lura l-uffiċċju nsib lil xi ħadd  jistennieni; ma kellix appuntament miegħu. Kien l-aġent tal-komponent li kont qed infittex.  (M.A. L-Italja)

Fil-bitħa tagħna

Bosta tfal li joqogħdu n-naħa tagħna  jiġu jilagħbu mat-tfal tagħna fil-bitħa tal-blokk ta’ appartamenti fejn noqogħdu aħna. Kien jiġi wkoll  Robert,  tifel b’ħafna problemi,  li  dejjem jiġġerra fit-toroq u spiss jiġġieled mal-oħrajn. Konna nafu li l-ġenituri tiegħu, li kellhom ħanut, ma tantx kellhom ħin għalih u li kien qed  irċievi għajnuna psikoloġika.

Darba smajnieh qed jerġa’ jiġġieled. Il-mara u jiena riedna nuruh dik l-imħabba li jkellimna fuqha Ġesu’. Inżilna fil-bitħa; offrejnielu jitla’ magħna fid-dar tagħna, u  baqa’ jilgħab maż-żewġt itfal tagħna  in-nofstanhar kollu. Fil-ġranet ta’ wara, kull darba li s-sitwazzjoni kienet tkun xi ftit diffiċli, it-tfal kienu jġibuh id-dar tagħna.

Il-ġenituri tiegħu qalulna li Robert kien qal b’dak li kien qed jiġri lill-psikologu li jieħu ħsiebu, u dan qalilhom li l-imġiba ta’ Robert kienet  marret għall-aħjar u ma kienx hemm bżonn jibqa’ jieħu l-mediċina. (D.H. USA)

 




Patt ta’ ħniena

Esperjenza ta’ ħajja fl-ewwel fokolare (1) serviet biex nibdew “inħobbu aħna l-ewwel”.
Ma kinitx ħaġa faċli, l-aktar fil-bidu, li grupp ta’ tfajliet jibdew jgħixu l-imħabba b’mod sħiħ. Konna nies bħal ħaddieħor, għalkemm Alla kien tana don speċjali biex il-Moviment ikun jista’ jibda. U anki fostna, fir-rabtiet ta’ bejnietna, seta’ jkun hemm it-tfixkil, u l-unità setgħet tiddgħajjef. Per eżempju, dan kien jiġri meta konna nindunaw bid-difetti ta’ xulxin u konna nibdew niġġudikaw. Minħabba f’hekk l-imħabba ta’ bejnietna kienet tibda tibred.
Biex negħlbu din is-sitwazzjoni darba minnhom ħsibna li nagħmlu patt bejnietna. Dan semmejnieh “il-patt tal-ħniena”.
Qtajnieha li kull filgħodu kellna nħarsu b’mod ġdid lejn ħutna l-bnedmin: fil-fokolare, fl-iskola, fil-post tax-xogħol, eċċ. B’mod ġdid, ġdid għal kollox, billi ninsew kompletament id-difetti u n-nuqqasijiet tagħhom u ngħattuhom bl-imħabba. Konna nersqu lejn kulħadd b’din il-maħfra sħiħa f’qalbna.

1 L-awtriċi qiegħda tirreferi għall-bidu tal-esperjenza spiritwali tagħha meta minħabba ċirkustanzi aċċidentali, imma providenzjali, hi bdiet tgħix flimkien ma’ tfajliet oħra fil-belt tagħha ta’ Trento (1944). Minn dik il-komunità ta’ ħajja twieled il-Fokolare, fuq ix-xbieha tal-familja ta’ Nazareth. Dan hu mod ta’ kif nies verġni u miżżewġa jgħixu flimkien fid-dinja kkonsagrati ’l Alla, għalkemm b’modi differenti [Nota tal-Editur].

L’Arti tal-imħabba, Chiara Lubich, p. 102


 




Lill-għedewwa tagħna wkoll

“Ħobbu lill-għedewwa tagħkom” (Mt 5, 44). Dan tassew jaqleb ta’ taħt fuq il-mod kif naħsbu u jġiegħel ’il kulħadd jiddritta t-tmun ta’ ħajtu.

Għax, m’għandniex għalfejn ninħbew wara subgħajna: xi għadu… żgħir jew kbir, kulħadd għandu.

L-għadu tagħna jinsab hemmhekk wara l-bieb tal-appartament ta’ ħdejna, jew f’dik is-sinjura antipatka u li tħobb tindaħal, li jiena nipprova naħrabha kull darba li jkun hemm il-periklu li ninzerta magħha fil-lift…

L-għadu qiegħed f’dak li jiġi minni u li tletin sena ilu kien offenda ’l missieri, u li jiena ma bqajtx insellimlu…

Jinsab fuq il-bank tal-iskola, u li qatt aktar ma ħarist f’wiċċu minn dak in-nhar li kien irrappurtani lill-għalliem…

Hi dik it-tfajla li kienet ħabiba tiegħi u mbagħad ippreferiet lil ħaddieħor…

L-għadu hu dak is-sid tal-ħanut li darba kien seraqni…

Huma dawk li fil-politika jaħsbuha differenti minni, għalhekk jien inqishom bħala għedewwa tiegħi.

Saħansitra llum hemm min jara għadu tiegħu lill-Istat, u juża l-vjolenza ma’ dawk li jistgħu jirrappreżentawh.

Hemm min, kif dejjem kien hemm, li għalih l-għedewwa huma s-saċerdoti u jobgħod ’il-Knisja.

Lil dawn kollha u ’l ħafna oħrajn li aħna nsejħulhom għedewwa, irridu nħobbuhom.

Iva, irridu nħobbuhom!

Din għalik hi xi ħaġa gravi? Tnikktek? Ma tħallikx torqod bil-lejl inti u taħseb fuqha?

Agħmel il-qalb, din mhijiex l-aħħar tad-dinja: nagħmlu sforz żgħir aħna, imbagħad id-disgħa u disgħin fil-mija l-oħra jagħmilhom Alla u… qalbna timtela bil-ferħ.

L’Arti tal-imħabba, Chiara Lubich, p. 102




Ngħixu l-Vanġelu

Tifla bi bżonnijiet speċjali

Omm u missier qatt ma jistennew li jkollhom tarbija bi bżonnnijiet speċjali. Meta aħna għaddejna minn dan, marti li ġa kienet xi ftit fraġli, waqgħet f’depression kbira. Sibt ruħi nieħu ħsieb il-familja b’mod li qatt ma kont qed nistennieh. Fl-ewwel ġimgħat bdew jiġu quddiem għajnejja ħafna mistoqsijiet, u bdejt ninqata’ mill-ħbieb u dawk li jiġu minni. Darba, waqt li kont nieżel it-taraġ, iltqajt ma’ koppja li joqogħdu fl-istess blokk tagħna u għandhom tifla bid-Down syndrome. Innotajt is-serenita’ kbira ta’ din il-koppja u staqsejthom kif kien jirnexxilhom ikunu daqshekk trankwilli. It-tweġiba li tawni ħallietni mistagħġeb; qaluli: “Din it-tifla hi għalina l-akbar rigal; ġabet f’ħajjitna ċerta realta’ li l-familja kollha bbenefikat minnha”. Marti u jiena ta’ spiss bdejna mmorru nżuru lil din il-koppja. Skoprejna l-fidi kbira li kellhom, u ġurnata wara l-oħra aħna wkoll bdejna niskopru mill-ġdid il-valuri li konna warrabna.   (G.F. – Italia)

Rigal mhux mistenni

Stedinna għandna xi membri tal-familja li ma tantx konna f’relazzjoni tajba magħhom minħabba xi wirt. Għidnielhom jiġu jgħaddu xi ftit ġranet magħna; iżda  meta qalulna li kienu ġejjien, inkwetajna, għax ma tantx kien mument tajjeb għalina. Konna għaddejjin minn żmien ta’ diffikulta’ finanzjarja u ma stajtx nipprepara d-dar kif xtaqt. Iżda mbagħad irraġunajt li l-paċi ta’ bejnietna kienet aqwa minn kollox. Bħala familja  ddeċidejna li nagħmlu l-aħjar li stajna biex narawhom kuntenti. Xtaqna nagħtuhom xi rigal, iżda ma stajniex nonfqu flus; it-tifel iż-żgħir  lesta tpinġija u l-kbira kitbet poeżija ta’ merħba.

Propju ġurnata qabel ma waslu, ir-raġel irċieva pakkett mingħand il-kumpannija  fejn jaħdem. Meta ftaħna l-pakkett sibna żewġ arloġġi: wieħed ta’ raġel u ieħor ta’ mara. Waslu r-rigali  li tant xtaqna nagħtu lill-qraba tagħna.  (R.H. – Germany)

Ċans ieħor

Waħda minn ħut żewġi talbitni  tiġi toqgħod magħna għal xi żmien  u anki biex nagħmlu tajjeb  għaliha  għal xi self  li riedet  tieħu mill-bank. Għalkemm id-dar tagħna hi żgħira, konna lesti li nilqgħuha b’qalbna kollha; iżda r-raġel ma tantx xtaq li nidħlu fil-biċċa tal-bank għax xi snin ilu konna sellifnieha xi flus li qatt ma ġew lura. Għidtlu li jien kont lesta għal dak li jiddeċidi hu, iżda fl-istess ħin fakkartu li stajna  nagħtuha ċans ieħor, għax Alla hekk jagħmel magħna.  Wasalna biex iffirmajna l-garanzija li kien hemm bżonn. Hi qed tagħmel ħilitha biex tħallas  dak li ssellfet, ukoll jekk mhux dejjem tkun fil-ħin. Inħoss li għandi nibqa’ ngħinha, u xi drabi ddum ħafna titkellem miegħi  daqslikieku kont oħtha. Hekk qed negħlbu dak kollu li seta’ jifridna.  (M.D. – Paraguay)

 Għotja b’mod sħiħ

L-ewwel tarbija li kellna  kienet tifla li mietet  ta’ erbtax-il xahar.  Warajha  kellna żewġ subien, u bdejna ninnotaw li dawn kienu qed juru l-istess sintomi tal-marda li kellha hi. Il-mara u jiena sibna ruħna f’dar li saret sptar ċkejken, iżda l-imħabba ta’ bejnietna  kienet twassal biex fid-dar tagħna  ikun hemm  paċi sħiħa.  Kemm-il darba kont inħoss li għandi nikkonverti meta nħares lejn uliedi! Meta niġi lura mix-xogħol, kont nipprova ninsa l-problemi kollha biex inkun nista’ ningħata b’mod sħiħ għal uliedi. Hekk biss  stajna nibqgħu mexjin mingħajr ma nħallu l-problemi jkissruna.  Bdejna nindunaw  Alla kemm hu kbir u nistgħu ngħidu li f’din is-sitwazzjoni daqshekk diffiċli għexna waqtiet li fihom doqna  xi ftit mill-ġenna.  (G.M.B. – Italy)