Siġra tal-Milied għar-refuġjati

Anna u Francis Scifo fid-dar tal-Bon Pastur

Meta waħda mill-grupp tagħna qaltilna li għandha siġra kbira tal-Milied li xtaqet tagħtiha, mill-ewwel bdejt naħseb kif l-aħjar stajna nagħmlu użu minnha. Ġa kont qed nara xi stajna nagħmlu f’dan il-Milied biex nuru l-imħabba tagħna lir-refuġjati li hemm fid-dar tal-Bon Pastur, Ħal-Balzan. Lil dawn immorru nżuruhom darba fix-xahar, u s-soltu norganizzawlhom festin ċkejken, iżda din is-sena, minħabba l-Covid-19, ma stajniex nagħmlu dan.

Għalhekk f’qalbi għidt: din is-siġra tal-Milied Ġesu’ pprovidieha għad-dar tal-Bon Pastur! F’din id-dar hemm mal-250 refuġjat, il-biċċa l-kbira familji żgħar li għandhom tfal ċkejknin, u allura ftit aktar atmosfera ferrieħa tal-Milied  żgur li setgħet tkun apprezzata. Din l-idea għoġbot anki lill-ħabiba tagħna li kienet lesta li tagħti  s-siġra, u l-amministratur tad-dar laqagħha b’idejh miftuħa. Urejna x-xewqa li titpoġġa f’post fejn seta’ jgawdiha kulħadd.

Ma ħadniex biss is-siġra għax kien hemm xi ħadd li offra t-tiżjin u xi ħaddieħor li offra d-dwal. Ħabiba mill-Knisja Anglikana, li tiġi magħna kull xahar biex iżżur lir-refuġjati, ħasbet ukoll għar-rigali. Meta morna b’din-siġra, iltqajna ma’ raġel mill-Eritrea u mat-tifla tiegħu li għandha erba’ snin u s-security guard mis-Serbia ħadilna xi ritratti flimkien quddiem is-siġra.

Morna lura d-dar b’ ferħ kbir. Kemm hu veru dak li jgħid Papa Franġisku! Tassew li l-ispirtu  tal-Milied inħossuh meta nagħmlu bħalma għamel Ġesu’: ninsew lilna nfusna biex noħorġu għall-oħrajn, l-aktar għal dawk fil-bżonn u mwarrba mis-soċjeta’.

ACC

 




Il-Milied u s-Sena t-Tajba!


 




Milied mimli tjubija

Messaġġ tal-Awguri tal-Milied mill-President tal-Moviment tal-Fokolari, Maria Voce.

Il-Milied it-tajjeb, il-Milied it-tajjeb lil kulħadd!

U x’Milied f’din is-sena  ta’ pandemija! Milied fil-pandemija. Qed naraw ħafna affarijiet koroh: faqar  li jġib miegħu l-ġuħ,  ġuħ li qiegħed  dejjem aktar jinfirex;   gwerer li ma jidhrux u oħrajn li għadhom għaddejjin; diżastri minħabba l-klima  u bidliet li qed ikunu ta’ riskju għad-dar komuni tagħna.U dan kollu jwassalna biex ngħidu: imma  Ġesù ġie f’din id-dinja, ġie u sar bniedem, u ħa fuqu dak kollu li hawn f’din id-dinja; ġie għax iħobbna  u  ried  jurina l-imħabba tiegħu.

Għalhekk, meta naraw din l-imħabba kbira tiegħu, min-naħa l-waħda  nagħrfu  x-xejn tagħna  u nħossuna grati lejh għal din l-imħabba li Hu jurina; u min-naħa  oħra  Hu jqanqalna  biex nagħmlu bħalu. Hu jħeġġiġna nħarsu madwarna  u nippruvaw naslu għand kulħadd; nibdew minn dawk li huma mwarrbin, il-foqra, dawk l-aktar umli, l-abbandunati, l-immigranti, dawk li jinsabu waħidhom, il-morda, it-tfal,  dawk kollha li huma fil-bżonn. U jħeġġiġna nħobbuhom b’kull mod li nistgħu: naqsmu magħhom  l-għożża  u l-ħsieb tagħna,  naqsmu magħhom il-ġid li għandna, u anki nkunu lesti li nirriskjaw ħajjitna għalihom kif għamel Hu.

Hekk allura jkollna  tassew Milied tajjeb, jiġifieri jkun Milied mimli tjubija,  u għax ikun Milied mimli b’dak li hu tajjeb, ikun  ukoll Milied ta’ serenità, ta’ tama, ta’ ferħ.

Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd!

Maria Voce





Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru

Download pdf


“Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa” (Mt 5, 4).

Min qatt ma beka f’ħajtu? U min qatt ma ra nies jibku u jofolqu għax għaddejjin mit-tbatija? Imbagħad, il-mezzi ta’ komunikazzjoni tallum, idaħħlu ġo djarna dak kollu li jiġri fid-dinja kollha, bil-periklu li nistgħu nidrawhom, u nwebbsu qalbna quddiem ix-xmara ta’ tbatija, qisu xejn mhu xejn.

Ġesù wkoll beka[1] u kien qrib il-biki tal-poplu tiegħu, li kien taħt ħakma barranija. Ħafna morda, foqra, romol, orfni, nies imwarrba minn kulħadd u midinba kienu jersqu lejH biex jisimgħu l-Kelma tiegħu, li kienet tfejjaqhom fil-ġisem u r-ruħ.

Fil-Vanġelu ta’ Mattew, Ġesù hu l-Messija li jwettaq il-wegħdiet li Alla għamel lil Iżrael u għalhekk hu jgħidilna:

“Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa”.

Ġesù mhuwiex wieħed li ma jimpurtahx mit-tbatijiet tagħna. Hu jfejqilna qalbna mill-għebusija tal-egoiżmu, jimla l-vojt tagħna u jqawwina f’kulma ngħaddu minnu.

F’kumment ta’ Chiara Lubich fuq din il-Kelma tal-Vanġelu, insibu miktub hekk: “[…] B’dan il-kliem Ġesù ma jridx jgħid lil min hu mdejjaq biex jirrassenja ruħu u  jwiegħdu ħlas fil-futur. Hu jaħseb ukoll fil-preżent. Filfatt, is-Saltna Tiegħu diġa tinsab fostna. Din is-Saltna hi preżenti f’Ġesù li, meta rxoxta minn mewta mill-aktar kiefra, rebaħ fuq il-mewt. Ġesù jinsab preżenti anki fina l-insara: Alla jinsab fina. It-Trinità tgħammar ġewwa qalbna. Għalhekk, il-beatitudni li qed iħabbar Ġesù, tista’ sseħħ issa stess. […] It-tbatijiet jistgħu jibqgħu għal ħafna żmien, imma hemm ħeġġa ġdida li tgħinna nġorru t-tiġrib tal-ħajja. B’din il-ħeġġa ngħinu lil ħaddieħor jirbaħ it-tbatijiet tiegħu, biex iħares lejhom kif għamel Ġesù: Hu ħaddan it-tbatija bħala mezz ta’ fidwa”[2].

“Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa”.

Ġesù jgħallimna nkunu xhieda u għodda għal xulxin tal-imħabba kollha għożża u krejattiva tal-Missier. B’hekk titwieled dinja ġdida, li tfejqilna għal kollox ħajjitna u tiġbed lejha l-preżenza t’Alla fost il-bnedmin. Hu għajn ta’ faraġ li ma jintemm qatt li bih jixxotta kull demgħa tagħna.

B’dan il-mod Lena u Philippe, koppja mil-Libanu, qasmu l-esperjenza tagħhom mal-ħbieb tal-komunità nisranija: “Għeżież, din is-sena nixtiequ nroddulkom ħajr tal-awguri tagħkom għal Għid speċjali. Aħna ninsabu tajbin u qed noqogħdu attenti biex ma  nesponux ruħna għall-virus. Madankollu, billi ninsabu fuq quddiem nett fil-ħidma tagħna mal-“Parrainage Liban”[3], ma nistgħux nibqgħu dejjem id-dar u qed noħorġu kull jumejn, biex ngħinu lil xi familji fil-bżonn u nagħtuhom flus, ilbies, ikel, mediċini, eċċ… Sa minn qabel bdiet il-pandemija tal-Covid-19, is-sitwazzjoni ekonomika tal-Pajjiż kienet waħda diffiċli ħafna u, kif qed jiġri mad-dinja kollha, kompliet tmur għall-għar. Imma l-Providenza ma tonqos qatt: xi ġimgħa ilu wieħed emigrant Libaniż bagħtilna l-għajnuna tiegħu. Talab lil Lena biex tiżgura platt sħun għal tlett ijiem fil-ġimgħa, lil tnax-il familja għax-xahar kollu t’April. Din hi konferma oħra tal-imħabba t’Alla, li ma tonqos qatt”.

Letizia Magri

[1] Ara Ġw 11, 35; Lq 19, 41.

[2] C. Lubich Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru  1981, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Ruma, 2017) pġ. 221-222.

[3] Lena tgħid hekk: “Il-Parrainage Liban hi ħidma li bdiet fl-1993 minn grupp ta’ familji li kienu jgħixu l-Kelma tal-ħajja. Aħna bdejna ngħinu lil waħda omm ta’ ħamest itfal żgħar u li r-raġel tagħha jinsab il-ħabs. S’issa għenna madwar 200 familja, mil-Libanu kollu u tar-reliġjonijiet kollha. Dawk li jgħinuna huma impenjati b’ħafna modi biex jgħinu l-familji ħa jkunu awtonomi: imorru jżuruhom id-dar, ifittxu djar fejn joqogħdu u postijiet tax-xogħol, jgħinuhom fl-istudju, eċċ. Hemm madwar mitt ruħ kif ukoll xi ditti li jgħinuna finanzjarjament għax jemmnu fil-ħidma tagħna”.




Esperjenzi fuq l-azzjoni “Dare to Care”

Affarijiet żgħar fil-ħajja ta’ kuljum

Għandi ħanut li jlaqqagħni ma’ bosta nies, u dan għalija jfisser opportunita’ biex bl-affarijiet żgħar fil-ħajja ta’ kuljum  inkunu nista’ nagħti s-sehem tiegħi ħalli tinbena dik ix-xi ħaġa li tagħmilna tassew aħwa ta’ xulxin.

Ftit ilu, per eżempju, fetaħ ħanut ġdid qrib il-ħanut tiegħi;  ħassejt li  kelli mmur  insellem lis-sid ta’ dan il-ħanut  u noffrilu l-id tal-ħbiberija. Mhux l-ewwel darba, li niltaqa’ ma’ xi ħadd li jkollu bżonn ta’ xi lift bil-karrozza, nagħmel ħilti  biex inwarrab il-pjanijiet li jkolli ħalli ngħin lil dik il-persuna mill-aħjar li nista’. Sirt naf kemm persuna kienet qed tkun imweġġa’ minħabba l-kritika li kienet qed issirilha;  meta ltqajt magħha wara li sirt naf b’din il-ħaġa, ħassejt li għandi nuriha l-kwalitajiet sbieħ li hemm fiha.

Mara li tilfet lil binha xi sena ilu qasmet miegħi n-niket tagħha: qaltli li ma kenitx preżenti għall-funeral  u li tant xtaqet iżżur il-qabar tiegħu.  Iddeċidejt li nixtri ftit fjuri u mmur magħha  ċ-ċimiterju.  Wara, stajt nara kemm  din il-mara kienet  aktar mistrieħa.

Huma tassew affarijiet żgħar, iżda aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar ninduna li dawn mhux biss ikabbbru r-rabta tiegħi mal-oħrajn, iżda anki jsaħħu r-rabta tiegħi ma’ Alla.

J.F. (Malta)

 

“Baby Shower” speċjali

Nagħmlu xogħol volontarju ma’ nisa vulnerabli u sirna nafu li waħda minnhom kienet qed tistenna tarbija. Din il-mara għandha storja ta’ ħafna uġigħ il-qalb, u xtaqna nuruha li mhijiex waħidha f’din it-tqala. Iddeċidejna li nagħmlulha “baby shower”. Id-deċiżjoni wasslet għal tellieqa kbira ta’ mħabba li fiha daħlu wkoll xi ħbieb tagħna: kien hemm min ħa ħsieb il-kejk, xi ħaddieħor ħa ħsieb l-ikel u waslet ukoll abbundanza ta’ rigal.

Waqt dan il-festin ċkejken din il-mara sabet l-okkażjoni li titkellem magħna bl-aktar mod miftuħ dwar il-ħajja li tgħix u dak li qasmet magħna kompla jsaħħaħna fil-fehma li aħna għandna dmir wieħed: li nħobbu bla ma niġġudikaw.

Wara dan il-festin waħda minna qalet: “Tgħallimt lezzjoni mill-aktar prezzjuża: issa li sirt naf is-sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha dawn in-nies, inħoss il-bżonn li nifhem aktar id-diffikultajiet tagħhom u nħobbhom sal-aħħar”.

A.V. (Malta)




Papa Franġisku: “Ekoloġija integrali teħtieġ konverżjoni profonda”

Messaġġ ta’ Papa Franġisku  lil dawk li ħadu sehem fil-konferenza internazzjonali organizzata minn EcoOne, l-inizjattiva ekoloġika  tal-Moviment tal-Fokolari.

Din il-konferenza li saret onlajn mit-23 sal-25 ta’ Ottubru 2020 minn Castel Gandolfo, Ruma kienet attività  biex tfakkar il-ħames anniversarju tal-Enċiklika Laudato si.

“ (…) Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn EcoOne, l-inizjattiva ekoloġika tal-Moviment tal-Fokolari u lil dawk li jirrapreżentaw id-dikasteru għall-Promozzjoni Sħiħa tal-Iżvilupp Uman u lill-Moviment Dinji Kattoliku Dwar il-Klima, li  kkolaboraw  biex setgħet issir din il-konferenza. Din l-laqgħa tagħkom dwar: “Toroq ġodda lejn ekoloġija integrali: ħames snin wara l-Laudato si ‘  turi rabta bejn l-umanità u l-għożża tad-dinja tagħna aspetti differenti: etiku, xjentifiku, soċjali u teoloġiku.

Filwaqt li nfakkar f’kemm Chiara Lubich kienet konvinta li d-dinja ġġorr fiha kariżma ta’ unità, nawgura li din il-perspettiva tagħha tiggwida l-ħidma tagħkom u tagħrfu li “kollox hu marbut flimkien” u li “t-tħassib għall-ambjent irid jimxi id f’id ma’ mħabba sinċiera għall-bnedmin u impenn kostanti dwar il-problemi tas-soċjetà” “( Laudato si ‘ , 91).

Fost dawn il-problemi jinħass il-bżonn urġenti ta’ mod  soċjo-ekonomiku ġdid u aktar inklussiv, li juri l-verità li aħna “umanita waħda, magħmulin mill-istess ġisem, ulied ta’ l-istess art li tilqagħna fiha lkoll”( Ikoll Aħwa , 8). Din is-solidarjeta ta’ bejnietna u mad-dinja ta’ madwarna titlob rieda soda biex tiżviluppa u timplimenta miżuri konkreti, li jippromwovu id-dinjita tal-bnedmin kollha fir-relazzonijiet tagħhom  umani,  fil-familja u fix-xogħol, filwaqt li jissieltu kontra strutturi li jikkawżaw il-faqar u jaħdmu biex iħarsu l-ambjent naturali.

L-iżvilupp ta’ ekoloġija integrali jeħtieġ konverżjoni interjuri profonda kemm fuq livell personli kif ukoll fuq livell komunitarju. Filwaqt li teżaminaw  l-isfidi li rridu naffrontaw illum, li jinkludu t-tibdil fil-klima, il-ħtieġa ta’ żvilupp sostenibbli u s-sehem tar-reliġjon fil-kriżi ambjentali, huwa essenzjali li wieħed iwarrab għal kollox il-loġika tal-isfruttament u l-egoiżmu u jippromwovi stil ta’ ħajja sobreja, sempliċi u umli (ara  Laudato si ‘ , 222-224).

Nittama li l-ħidma tgħin sabiex fil-qalb ta’ ħutna tissaħħaħ dik ir-responsabbilta’ li għandu jkollna lejn xulxin, bħala wlied Alla u biex ikun hemm impenn imġedded ħalli nieħdu ħsieb il-ħolqien, li huwa rigal tiegħu.

Għeżież ħbieb, mill-ġdid nirringrazzjakom tar-riċerka tagħkom u tal-isforz kollaborattiv  biex tfittxu toroq ġodda li jwasslu għal ekoloġija integral għall-ġid komuni tal-familja umana  u tad-dinja. Filwaqt li nesprimi l-awguri tiegħi u talb għall-ħidma tagħkom waqt din il-laqgħa, nitlob li fuqkom, fuq il-familji u l-kollaboraturi tagħkom ikun hemm il-barka t’Alla, għajn ta’ għerf,  qawwa u sliem. U nitlobkom, jekk jogħġobkom tiftakru fija fit-talb tagħkom.”

Source: www.focolare.org

 




Melita Theologica Journal: “Two Magnetic Personalities Bridging the Twentieth and the Twenty First Centuries”

The Faculty of Theology and the Theological Students’ Association has just published the latest edition of Melita Theologica which is dedicated, in the words of Hector Scerri, the Co-Editor of this Issue, to “Two Magnetic Personalities Bridging the Twentieth and the Twenty First Centuries”, namely John Paul II and Chiara Lubich. The latest edition of this peer reviewed journal, which has been published continuously since 1947, brings together 7 original articles from established local and international universities.

The first article, written by Paul Sciberras, a senior lecturer in Biblical Studies at the University of Malta, deals with the interpretation of “In Our Image, Our Likeness” in John Paul II and Chiara Lubich. Judith Povilus, Emeritus Professor of Logic and Foundations of Mathematics, writes about the “Prophetic Insight of Chiara Lubich”, while Brendan Leahy, Bishop of Limerick and formerly Professor of Systematic Theology at Maynooth, writes about how these two authors highlighted the Church’s Marian Profile.

The Ecumenical Legacy of John Paul II is addressed by Annemarie C. Mayer, Professor of the Study of Theology, Religion and Contemporary Culture at Leuven, while Piero Coda, professor of Trinitarian Ontology and member of the International Theological Commission as well as the International Commission for Theological Dialogue between the Catholic Church and the Orthodox Church, pens his thoughts on the converging thoughts of these two authors on the dynamic principles of ecumenism after Vatican II.

A quarter of a century has passed since John Paul II’s Ut unum sint, and Jorge Alejandro Scampini, Professor of Dogmatic Theology in Buenos Aires, gives us his reflections on the ecumenical movement after the publication of this landmark encyclical. Finally, Joseph Ellul, who lectures in Ecumenism and Islamic Studies both in Malta and at the Angelicum in Rome, gives an insightful overview of John Paul II and Christian-Muslim relations.

For orders and enquiries contact Melita Theologica


 




Żagħżugħa, martri għall-paċi

Myriam Dessaivre, żagħżugħa ta’ 26 sena minn Toulouse kienet ma’ ħames żgħażagħ Franċiżi oħra li nqatlu fin-Niger, il-Ħadd 9 ta’ Awwissu 2020.

Myriam Dessaivre, żagħżugħa ta’ 26 sena minn Toulouse kienet ma’ ħames żgħażagħ Franċiżi oħra li nqatlu fin-Niger, il-Ħadd 9 ta’ Awwissu 2020. Sfaw maqtula wkoll ix-xufier u l-gwida, nies tal-post, li kienu qed jakkumpanjaw lil dawn iż-żgħażagħ fi żjara lil riżerva ta’ ġiraffi fi Kouré, li tinsab daqs siegħa ‘l bogħod mill-kapitali Niamey. Myriam u ż-żgħażagħ l-oħra kienu fuq missjoni umanitarja ma’ ACTED, organizzazzjoni internazzjonali ta’ solidarjetà li twieġeb għall-ħtiġijiet umanitarji ta’ popli li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. In-Niger hu pajjiż li qed jiffaċċa bosta sfidi, fosthom sitwazzjoni ekonomika diffiċli.

Din iż-żagħżugħa li kienet tħobb il-ħajja u dejjem bi tbissima fuq wiċċha, għażlet li timpenja ruħha bis-sħiħ favur il-ġustizzja u l-paċi. Studjat fl-Università Kattolika ta’ Toulouse fejn ħadet lawrja fil-komunikazzjoni u l-informazzjoni. Wara kompliet tistudja fl-Università Paris-Dauphine fejn ħadet Master’s degree fi studji dwar il-paċi. Speċjalizzat fil-qasam ta’ soluzzjonijiet f’kunflitti politiċi. It-teżi tagħha kienet dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kolumbja. Meta spiċċat tistudja marret tagħmel esperjenza ta’ xogħol fil-Kolumbja, fit-Tunesija u fiċ-Chad fejn setgħet tkompli tidħol aktar fil-fond tal-istudji li għamlet.

Meta din it-tfajla tkellmet f’konferenza nazzjonali ta’ Moviment għall-Paċi, hi kienet qalet x’ wassalha biex tagħżel dan l-istudju. Innotat li n-numru ta’ żgħażagħ li jridu jaħdmu għall-paċi qiegħed dejjem jiżdied u li l-media soċjali qed tgħin biex dan iseħħ, kemm permezz tal-aħbarijiet li twassal kif ukoll għax ’xi mod qed tqanqal dejjem iżjed is-solidarjetà globali. Qalet:“Il-media soċjali tittrażmetti r-rabja li wieħed iħoss meta jisma’ b’tant ġrajjiet koroh li qed jiġru fid-dinja u dan qed iħalli l-effett tiegħu fuqna, tant li naslu biex nistaqsu: imma jien meta ser immur hemm biex ngħin?”. U kompliet: “Ma nistagħġibx li ħafna aktar żgħażagħ qed ifittxu xogħol, professjoni li tagħtihom sehem f’ħidma għall-paċi”. Temmet tgħid li dan jista’ jkun mezz biex wieħed jaħdem għal dinja aħjar.

Myriam kienet tgħallmet dwar dinja aħjar, dinja aktar magħquda mill-kuntatt li kellha mal-Moviment tal-Fokolari. Flimken ma’ żgħażagħ oħra tal-Moviment hi kienet ħadet l-impenn li tgħix għal dinja magħquda.

Sophie, waħda mill-ħbieb tagħha rrakkuntat: “Myriam kienet l-akbar ħabiba li kelli. Iltqajt magħha meta kelli 13-il sena waqt Mariapoli li saret f’Lourdes”. U kompliet tgħid li Myriam kellha prinċipji u konvinżjonijiet sodi u li dejjem iddefendiet l-valuri tal-ġustizzja u l-paċi. “Ix-xogħol tagħha kien wieħed diffiċli, imma kien għal qalbha ħafna …. Għalkemm għamlet mewta kerha u terribbli, imma nistabar meta niftakar li hi tat ħajjitha għal dak li emmnet fih”.

Ħabib ieħor iddeskrivieha bħala tfajla sabiħa, umli u dejjem wiċċha għad-dawl li “tat ħajjitha biex taqdi l-ħajja, tkun ta’ servizz għall-paċi u għall-oħrajn”. Qal li l-mewt ta’ Myriam twasslu biex jgħid li “l-messaġġ li bniet matul ħajjitha kien qed jasal permezz tat-tluq tagħha lejn is-Sema”. Membru tal-Moviment tal-Fokolari li kienet tafha sew qalet: “Il-ħolma ta’ Myriam twettqet għax irnexxilha tgħaqqad l-esperjenza ma’ impenn sħiħ f’dan il-qasam”.

Il-katavri tas-sitt żgħażagħ Franċiżi waslu fl-ajruport ta’ Orly, Pariġi fl-14 ta’ Awwissu fejn ġew mogħtija tislima nazzjonali. Aktar tard, il-qraba u l-ħbieb ta’ Myriam tawha l-aħħar tislima f’quddiesa li saret fil-Knisja ta’ Kristu Re f’Toulouse.

F’dak l-istess żmien kienet qed issir laqgħa onlajn, li fiha kienu qed jieħdu sehem 120 żgħażagħ minn bosta pajjiżi tad-dinja li rrappreżentaw il-Moviment Ġen, il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Moviment tal-Fokolari. Dak li jgħaqqad lil dawn iż-żgħażagħ hi l-għażla li jgħixu sabiex il-bnedmin jagħrfu li huma aħwa ta’ xulxin, u hekk l-għaqda tkun is-sisien li fuqha jinbnew  dawk ir-relazzjonijiet umani meħtieġa biex fid-dinja tagħna jkun hawn il-paċi, l-armonja, il-ġustizzja, is-solidarjetà…. Dawn iż-żgħażagħ mill-ewwel raw f’Myriam l-anġlu kustodju li mis-Sema kien ser jgħinhom fil-proġett tagħhom #Daretocare. Permezz ta’ dan il-proġett huma jixtiequ jqanqlu inizjattivi li jippromwovu aktar impenn attiv fil-ġustizzja soċjali, fl-ekonomija u l-politika.

Xi ħadd qal: “Inħoss li Myriam qed tgħidilna: ħarsu ‘l quddiem, ibqgħu mexjin! Tinħlewx  f’dak li hu bla valur!

Emilie Tévané (Nouvelle Cité)

 




Tbissima qatt m’hi mitlufa

Il-Covid-19 għadha magħna, b’mewġa wara oħra, u nnotajt, li għalkemm m’aħniex f’lockdown, l-uċuħ ta’ bosta nies ma jidhru kuntenti xejn. Smajt li bħalissa żdiedu l-każijiet ta’ saħħa mentali u dan kompla jwassalni biex naħseb dwar kif din is-sitwazzjoni li qed ngħixu qed taffettwana, għax ikolli nammetti li anki jien irrid nissielet miegħi nnifsi biex ma nħallix ċertu tħassib jaħkimni.

Għalhekk iddeċidejt li noqgħod aktar attenta li nagħti tbissima lil min ikun għaddej bit-tama li nqanqal lilu ukoll jagħmel l-istess biex iħossu aħjar.

Għaddew xi ġimgħatejn; ir-raġel u jiena konna ħerġin mill-Knisja, meta mara li hi ministru tat-tqarbin waqqfet tkellimna. Ma tantx nafuha, imma kienet ħerqana li taqsam magħna kif tgħaddi l-ġurnata f’dan iż-żmien partikulari. It-tnejn qgħadna nisimgħuha u rringrazzjajnieha ta’ dak li qasmet magħna. Dehret kuntenta, u meta waslet biex titlaqna, dehret lejja u qaltli: ‘Keep on smiling!’ ( Ibqa’ tbissem!)

Irrealizzajt li t-tbissima tiegħi ma kenitx qed tkun għalxejn u ddeċidejt li naqsam din l-esperjenza tiegħi ma’ oħrajn li bħali jgħixu għal dinja magħquda. Għoġbithom l-idea, u nittama li issa ser ikollna aktar nies jitbissmu fit-toroq.

S.C.




Tikteb il-komunità tal-Fokolari fil-Libanu

Gratitudni għas-solidarjetà li qed tasal minn kullimkien u impenn flimkien  ma’ diversi komunitajiet reliġjużi biex jgħinu lill-pajjż iqum fuq saqajh u jkun messaġġier tal-paċi. 

Ilkoll nafu li l-Libanu jinsab taħt xokk kbir. Beirut saret belt li ma tingħarafx, u kull fejn tħares tara xeni apokalittiċi: qerda massiċċa, arja kontaminata, tensjoni kbira, niket u dwejjaq, rabja u issa anki episodji ta’ vjolenza.

Ftit ġranet ilu waslet ittra propju minn dan il-pajjiż miġrugħ b’feriti enormi. Din l-ittra miktuba mill-komunita’ tal-Fokolari fil-Libanu hi indirizzata lill-membri tal-Moviment fid-dinja kollha.

Tgħid hekk: “B’dawn il-versi, kull wieħed u waħda minna jixtieq jirringrazzja personalment lil kull wieħed u waħda minnkom. Inħossuna kommossi għall-aħħar meta naraw kemm intom tinsabu tassew qrib tagħna; qed jaslulna telefonati u messaġġi minn kull parti tad-dinja, mingħand kbar u żgħar, mill-bogħod u mill-qrib”.

Il-membri tal-Fokolari jkomplu jgħidu: “Kull filgħodu, malli nqumu u nkomplu niskopru kemm kienet kbira din il-katastrofi, il-ħsara enormi li saret, l-isptarijiet li ma jistgħux jiffunzjonaw minħabba t-tifrik li ġarrbu, l-arja ħażina ta’ madwarna, tassew nagħrfu l-grazzja li għadna ħajjin. Kull wieħed seta’ kien propju hemm fil-post tat-traġedja. U forsi xi ħadd minna kien hemm ukoll, imma l-id tal-providenza wasslitu biex jibdel postu u jmur x’imkien ieħor. Ilkoll inħossu li ġiet mogħtija lilna ħajja ġdida, kif qalet tfajla meta ħarġet minn lift li ġarrab ħsarat kbar waqt l-esplużjoni”.

U komplew jirrakkuntaw li fit-toroq fejn qisek  bħal tisma’ l-għajta  tad-disperazzjoni, tara “ membri ta’ komunitajiet reliġjużi diversi,  min-naħa ta’ fuq u ta’ isfel tal-pajjiż, jaħdmu biex ineħħu t-terrapin  u jtaffu xi ftit  mill-ħerba kbira li hemm. Filwaqt li jagħmel dak li jista’, kull wieħed minn dawn qed jagħti  xhieda ta’ “qawmien” li għad jirbaħ fuq il-mewt ta’ din il-belt, ta’ dan il-pajjiż, tal-ħolm ta’ ħafna”.

Temmew jgħidu; “Flimkien magħkom, irridu nibqgħu mexjin ‘l quddiem sabiex il-Libanu jitwieled mill-ġdid u  jwassal messaġġ ta’ paċi u ta’ għaqda; juri li l-bnedmin huma lkoll aħwa  ta’ xulxin u jkun mudell ta’ dinja magħquda”.

 Anna Lisa Innocenti

Sors: www.focolare.org