Il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu

Is-Sibt, 8 ta’ Ġunju, Maria Voce, il-President tal-Moviment tal-Fokolari kienet mistiedna tieħu sehem fil-konferenza internazzjonali tal-Moviment Tiġdid Kariżmatiku. Din il-Konferenza kienet organizzata minn CHARIS, is-Servizz Internazzjonali tat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku, servizz ġdid li twaqqaf mis-Santa Sede, mid-Dikasteru għal-Lajċi, għall-Familja u għall-Ħajja,  li beda din l-attivita’ tiegħu fil-ġurnata ta’ Pentekoste. Fid-diskors tagħha, Maria Voce tkellmet dwar l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-Moviment tal-Fokolari. Silta  mid-diskors ta’ Maria Voce.

Għeżież ħbieb,

L-Ispirtu s-Santu dejjem kellu rwol importanti fl-istorja tagħna. Chiara Lubich, il-fundatriċi u l-ewwel president tal-Moviment tal-Fokolari dejjem saħqet li l-Ispirtu s-Santu  hu “:l-Imgħallem tagħna”, “il-key player fl-istorja tagħna”, “dak li tana l-kariżma”.

L-Ispirtu s-Santu hu dak li dejjem dawwalna, iggwidana u ssapportjana biex ngħixu  dak li aħna nsejħulu “l-Ideal”, u biex inxerrduh dan l-Ideal, li hu Alla li aħna skoprejnieh u niskopruh il-ħin kollu fl-ispiritwalita’ tal-unita’. Dan hu Ideal li bid-dawl li joħroġ minnu jqanqalna  ngħixu kuljum avventura divina, unika u mill-isbaħ, li hi dejjem ġdida.

Fil-bidu tal-istorja tagħna – fl-erbgħinijiet u l-ħamsinijiet – żgur li ma konniex konxji mir-rwol tal-Ispirtu s-Santu. Għal numru ta’ snin l-Ispirtu s-Santu ma ssemmiex, la Hu u lanqas ħidmietu  fil-Moviment, għax hekk ried Hu stess. Kif qalet Chiara fil-Konferenza tat-Tiġdid Kariżmatika tal-2003: “Bil-paċenzja kollha hu żamm pass lura. F’ċertu sens sparixxa, xejjen lilu nnifsu u hekk tana lezzjoni kbira li ma ninsewha qatt. Hu, li hu l-Imħabba in persona għallimna xinhi l-imħabba: għallimna li tħobb tfisser  tgħix għall-oħrajn, tagħti prominenza lill-oħrajn”.

B’danakollu, sa mill-ewwel żmenijiet, insibu s-sinjal silenzjuż, imma  ħaj u attiv, tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fil-punti differenti tal-ispirtwalita’ tal-unita’ li bdew jissawru bil-mod il-mod. Biżżejjed naħsbu fuq l-esperjenza li Chiara għexet matul it-tieni gwerra dinjija meta “f’kantina mudlama” kienet tkun qed tistkenn mill-bombi, tiftaħ il-Vanġelu u  tħoss li kull paġna  kienet tiddawwal b’dawl ġdid. L-Ispirtu s-Santu  kien qed juriha li l-kliem li Ġesu’ qal elfejn sena ilu hu Kliem ta’ ħajja li nistgħu ngħixuh dejjem, u li jgħodd għal kull żmien u għal kull sitwazzjoni. Waħda mill-ġebliet tax-xewka tal-ispiritwalita’ tagħna hi l-imħabba lejn il-Kelma t’Alla – li nippruvaw ngħixuha xahar wara l-ieħor biex nevanġelizzaw ruħna mill-ġdid il-ħin kollu.

Chiara għexet esperjenza mistika partikulari matul is-sajf tal-1949; kien vjaġġ li matulu l-Ispirtu s-Santu kien is-sieħeb silenzjuż tagħha u ta “realtajiet  ta’ sbuħija infinita” biex tgħixhom kuljum. Kien propju f’dan iż-żmien meta fehmet li l-Ispirtu s-Santu, it-Tielet Persuna tat-Trinita’ Qaddisa  hu “ n-nifs ta’ Ġesu’,  is-Sħana kollha ta’ Mħabbtu,  Ħajtu”;  meta fehmet li hu dik “l-arja tal-Ġenna”  li  “tfawwar il-Ġenna kollha kemm hi”.

Kien żmien meta l-Ispirtu s-Santu  wassalha  wkoll biex tifhem b’mod ġdid lil Marija, xi ħaġa li kellha tkun deċiżiva fl-iżvilupp tal-kariżma u tal-kostituzzjoni stess tal-Opra. Aktar ‘l quddiem il-Moviment  kien mogħti l-isem ta’ Opra ta’ Marija.

Fil-vjaġġ spiritwali tagħha, Chiara dejjem ħeġġet lil dawk li mxew warajha biex ikunu “studenti dejjem attenti għal dan l-Imgħallem kbir”,  attenti għall-preżenza delikata u misterjuża tiegħu. Dejjem ħeġġitna biex ma nħallu qatt l-ispirazzjonijiet tiegħu jintilfu.

U hekk saret parti minn ħajjitna li nippruvaw “nisimgħu dik l-vuċi”, jiġifieri nisimgħu l-leħen tal-Ispirtu li jgħammar fina, “vuċi” li titkellem tgħajjat,  tispirana u tmexxina, jekk aħna npoġġu  lilna nfusna f’attitudni ta’ mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu; “vuċi” li tgħinna nwasslu r-rivoluzzjoni tal-Vanġelu fid-dinja.

Waħda mill-effetti li jġib miegħu l-Ispirtu s-Santu,  hi  dik l-atmosfera frott tal-għaqda   li tiġġenera ruħha meta jkun hemm il-preżenza ta’ Kristu Rxoxt f’nofsna. (ara Mt 18:20).  Nagħmlu esperjenza ta’ din l-atmosfera fil-komunitajiet tagħna, fiċ-ċittadelli u fil-laqgħat kbar jew żgħar tagħna.

Iżda Ġesu’ jkun f’nofsna jekk aħna ninħabbu bejnietna  b’dik l-imħabba li jagħtina l-kejl tagħha Hu: “ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”.  U għalhekk jeħtieġ inħarsu lejh fuq is-salib, lejH li ġarrab l-abbandun, u nagħrfuh u nħobbuh fit-tbatijiet kollha li niltaqgħu magħhom u nxejnu lilna nfusna bħalma għamel hu.

 “Ġesu’ abbandunat hu x-xejn,  l-imħabba wasslitu sa dak il-punt li jagħti kollox , hu dak li punt li minnu tgħaddi biss is-Sempliċita’, jiġifieri Alla li hu mħabba. L-Imħabba biss tippenetra….”.  Hekk nistgħu nħallu lil Ġesu’ Rxoxt jgħix fina u Ġesu’ Roxt iġib miegħu l-Ispirtu s-Santu.   

U naraw li meta Ġesu’ jkun f’nofsna, il-vuċi tal-Ispirtu s-Santu tkun aktar qawwija, bħal qisu tasal għandna permezz ta’ “loudspeaker”.

Barra minn hekk, aħna nitolbu għall-preżenza tal-Ispirtu s-Santu b’talba tipika tagħna li nsejħulha “consenserint”. Nagħmlu din it-talba fid-dawl tal-kliem ta’ Ġesu’ “Ngħidilkom li jekk tnejn minnkom fuq l-art igħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-Smewwiet jagħtihielhom” (Mt 18,19). Meta nagħmlu din it-talba, aħna  nduru lejn il-Missier u nafdaw f’idejh il-ħtiġijiet tagħna. Kemm grazzji ta’ kull xorta qlajna b’dan il-mod!

L-esperjenza turina  li l-Ispirtu s-Santu jidħol fil-ħajja u fl-istorja ta’ kull bniedem. Hu jġedded  lil kull bniedem mhux biss f’affarijiet żgħar imma fir-realta’ kollha  tal-ħajja  tiegħu għax irid li jwassal lill-bnedmin kollha għall-milja tal-pjan li Alla għandu għall-umanita’  u għall-univers. L-esperjenza għallmitna  li meta nibnu r-relazzjonijiet  ta’ bejnietna  fuq  dik  l- imħabba li tixbaħ lil dik tat-Trinita’ qaddisa, id-dinja tassew tkun tista’ tinbidel; tkun tista’ sseħħ bidla fil-qasam politiku, ekonomiku, kulturali, artistiku, fl-edukazzjoni u l-bqija. Chiara kienet tgħid: “Inħoss li jien ġejt maħluqa biex inkun don għal kull persuna li niltaqa’ magħha  u kull persuna li niltaqa’ magħha  ġiet maħluqa biex tkun don għalija; bħalma l-Missier fit-Trinita’ jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu lill-Iben u l-Iben jagħti lilu nnifsu  kollu kemm hu  lill-Missier. Hekk, ir-rabta ta’ bejnietna tkun l-Ispirtu s-Santu,  l-istess rabta li teżisti bejn il-Persuni tat-Trinita”.

Aħna konvinti li lkoll kemm aħna, kbar u żgħar nistgħu nġorru fina l-Ispirtu s-Santu:  hekk id-divin jiddi mhux biss fil-Knisja, imma wkoll aktar ‘l barra minnha, fid-dinja li ġiet fdata lilna. Aħna msejħin biex nirrakkmaw “disinji ta’ dawl” kulfejn inkunu, u biex nagħtu s-sehem tagħna fid-dinja ta’ madwarna, ħalli flimkien insibu t-tifsira vera tal-vjaġġ li qed nagħmlu. 

Nixtieq intemm b’ħolma li kellha Chiara, li hi fdata kollha kemm hi lill-Ispirtu s-Santu; din hi ħolma tiegħi wkoll u naħseb li anki tagħkom: “Noħlom li l-Ispirtu s-Santu jkompli jgħani ‘l-Knisja u jsaħħaħ “iż-żerriegħa tal-Verb” sabiex id-dinja tkun tista’ tkompli tirċievi dawl ġdid, ħajja u ħidma ġdida li Hu biss jista’ jagħtiha, u biex  numru dejjem akbar ta’ rġiel u nisa jkunu jistgħu jimxu f’dawk it-trejqat kollha li jwasslu għand Dak li ħalaqhom u jpoġġu qlubhom għad-dispożizzjoni tiegħu”.




Chiara Lubich: “Generating Peace”

(2476M) Copyright 2019 © CSC Audiovisivi – All rights reserved

 




Tgħix ifisser titkellem

“(…) Aħna ngħidu ‘tgħix u titkellem’, bħallikieku dawn huma żewġ affarijiet differenti. Fir-realta’, fl-ispiritwalita’ tagħna, dawn huma ħaġa waħda, għaliex li titkellem huwa parti mill-mod kif ngħixu (…). L-ispiritwalita’ tagħna mhijiex spiritwalita’ individwali, imma spiritwalita’ kollettiva, komunitarja. Dan ifisser li aħna rridu nitqaddsu flimkien (…). Għalhekk, bl-istess mod li nixxennaq għall-qdusija tiegħi, hekk ukoll irrid naħdem għall-qdusija tal-oħrajn (…).

Fl-ispiritwalita’ komunitarja tagħna, minflok ma nfittxu lil Alla fis-solitudni, infittxuh fil-proxxmu, infittxuh fil-kuntatt tagħna ma’ ħutna li jgħixu madwarna. Dan ifisser li jekk hemm xi ħaġa li rridu naħarbu minnha hija s-solitudni (…). Il-proxxmu jista’ jkun il-Ġenna tagħna, iżda jista’ jkun ukoll il-purgatorju tagħna jew saħansitra l-infern tagħna, minħabba dak li jġegħlna nbatu. U għalhekk, aħna minflok is-solitudni nagħżlu l-proxxmu.

Minflok is-silenzju aħna rridu “nitkellmu”, għax għalina dan huwa parti essenzjali mill-għixien tagħna. Jekk ma nitkellmux, ma nkunux qed ngħixu b’mod sħiħ. Jekk tħalli fil-ġenb dawk il-mumenti li fihom is-silenzju huwa Rieda t’Alla, bħalma hu l-ħin tal-meditazzjoni, nistgħu ngħidu li l-ispiritwalita’ tagħna ma tistax tgħixha jekk ma tkunx qed tikkomunika.

Għalhekk: mhux waħidna imma flimkien; mhux is-silenzju imma li nitkellmu.

Mhux ningħalqu fiċ-ċella tar-ruħ tagħna, imma nibnu ċ-ċelloli tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu flimkien mal-aħwa li niltaqgħu magħhom. U nindunaw li meta nkunu ppruvajna ngħixu ‘l barra minna nfusna fl-imħabba lejn l-oħrajn, meta niġu biex ninġabru fit-talb malajr insibu l-għaqda tagħna ma’ Alla u nsibu l-paċi tiegħu.

(…) Li nitkellmu huwa parti mill-mod kif ngħixu u ma nistgħux ngħaddu mingħajru. Jekk ninsew dan nispiċċaw biex inkunu qed ngħixu(…) ix-xejn, il-frugħa, u nindunaw li lilna jkunu qegħdin jimblukkawna ħafna affarijiet bħal ambizzjoni, attakkamenti (…).

Għalhekk it-tweġiba għall-mistoqsija tagħkom: “kif se noħolqu bilanċ bejn li tgħix u li titkellem” jiena nwieġeb li din mhix kwistjoni ta’ bilanċ għaliex li titkellem ifisser li qed tgħix, u li tgħix ifisser ukoll titkellem, għax inkella ma tkunx qed tgħix.”

Chiara Lubich

(Silta minn tweġiba li Chiara tat lill-Fokolarini ta’ Montet, 21 ta’ settembru 1991.)

 




“Għinu lil kulħadd jesprimu ruħu bl-aktar mod liberu.”

“Għinu lil kulħadd jesprimu ruħu bl-aktar mod  liberu” – hekk qalet Maria Voce, il-President tal-Moviment tal-Fokolari,  lill-membri tal-Kummissjoni li ġiet imwaqqfa biex tieħu ħsieb it-tħejjija għall-Assemblea Ġenerali tal-Moviment li ser issir f’Settembru 2020.

Din il-Kummissjoni trid  thejji kemm il-parti  organizzattiva tal-Assemblea kif ukoll il-kontenut tagħha, u hemm fiha 18-il membru ġejjien mill-ħames kontinenti li jirrappreżentaw il-Moviment tal-Fokolari  bil-vokazzjonijiet, il-friegħi u  l-espressjonijiet differenti li jħaddan fih.

L-ewwel laqgħa ta’ din il-kummissjoni saret f’Castel Gandolfo, Ruma, bejn l-24 u s-26 ta’ Mejju u l-Ħadd 26 ta’ Mejju ltaqgħet mal-Kunsill Ġenerali tal-Moviment. F’din il-laqgħa  Jesús Morán, il-kopresident tal-Moviment, saħaq fuq “l-importanza partikulari” tal-Assemblea 2020, minħabba l-fatt li Maria Voce ma tistax tkun eletta president għat-tielet darba; u kif qal hu stess  din il-bidla ser iġġib magħha  pass importanti għall-Moviment kollu, li “nixtiequ niżguraw ruħna li jsir bl-aktar mod liberu”.

Meta Maria Voce ġiet mistoqsija jekk għandhiex xi temi li tixtieq tissuġġerixxi għal din l-Assemblea, hi wieġbet: “La għandi u lanqas nixtieq li jkolli għax ma rridx nikkundizzjona l-esiġenzi  li l-Moviment għandu bħalissa”.

Fix-xhur li ġejjien il-Kummissjoni trid tibda proċess li permezz tiegħu tiġbor materjal  mid-dinja kollha dwar it-temi l-aktar importanti li l-Moviment irid jiffaċċa fis-snin li ġejjien u li l-Assemblea trid tesprimi ruħha dwarhom; trid tindividwa persuni adatti u lesti li jkunu kandidati għall-ħatriet ta’ President, Ko-President u kunsilliera; tħejji  u tipproponi programm għall-Assemblea, u jrid jirnexxilha tesprimi kemm jista’ jkun ir-realtajiet tal-Moviment fid-diversi espressjonijiet kulturali tiegħu.




Seminar: “Liema profitt għandu l-ikbar valur?”

Kemm hu faċli li wieħed jiddiskuti l-ekonomija u x-xogħol bl-għajnuna ta’ esperti fil-qasam iżda mingħajr xkiel kummerċjali, politiku jew personali? Din kienet l-esperjenza ta’ dawk li ħadu sehem fis-seminar bit-tema “Liema Profitt għandu l-akbar valur?” organizzat mill-Moviment tal-Fokolari fis-7 ta’ April.

Is-Seminar beda bi preżentazzjoni qasira li ntroduċiet it-tema lill-udjenza kbira preżenti. Ġie spjegat kif il-perspettiva dominanti fl-istudju tal-Business Studies u fil-prattika tan-negozju hija li l-għan aħħari ta’ kwalunkwe negozju huwa li tagħmel profitt. Missirijietna kienu tal-istess ħsieb meta wieħed jikkunsidra diversi qwiel bħal, per eżempju, li “Fin-negozju m’għandux ikun hemm ħbieb”, jew “L-ebda negozju mal-ħbieb ”. L-isforz kontinwu biex jitnaqqsu l-ispejjeż jista’ jwassal lill-kumpaniji biex jimpjegaw ħaddiema li jkunu lesti jitħallsu inqas, li jisfruttaw ċertu provvedimenti leġislattivi u anke xi drabi jinjoraw regolamenti dwar is-Saħħa u s-Sigurta. Xi negozji jaslu sal-punt li jirrilokaw il-post tan-negozju sabiex isibu pagi dejjem aktar baxxi, infurzar fjakk tal-istandards tax-xogħol u nuqqas ta’ rispett lejn l-ambjent.

L-istruttura ekonomika attwali wasslet biex 26 individwu akkumulaw ġid li huwa ekwivalenti għal dak tal-ifqar nofs tal-popolazzjoni tad-dinja. Fi kliem ieħor, 26 persuna għandhom ġid daqs 3.2 biljun persuna. Fil-fatt l-istatistiċi juru li 10.9% tal-popolazzjoni tad-dinja issa tgħix fuq inqas minn 2 dollari Amerikani kuljum.

Il-parteċipanti fis-Seminar imbagħad intalbu jistaqsu jekk il-profitt fin-negozju jew it-tkabbir ekonomiku ta’ nazzjon għandhomx jibqgħu l-indikaturi ideali ta’ suċċess, jew humiex biss indikaturi parzjali. Il-bilanċ pożittiv għadu joffri l-aqwa garanzija għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal kull individwu? Kull persuna fl-ekonomiji tad-dinja qegħda timxi ‘l quddiem bl-istess ritmu?

Dawn it-temi ġew diskussi b’mod estensiv minn bord ta’ esperti inkluż il-Professur Simone Borg, Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Ambjentali u tar-Riżorsi fl-Università, Joseph F. X. Zahra, ekonomista u konsulent korporattiv maħtur mill-Papa Franġisku biex imexxi l-kummissjoni ta’ riforma ekonomika u amministrattiva tal-Vatikan, Dr. Arthur Galea Salomone, avukat u eks-President tal-Borża ta’ Malta u direttur ta’ bank, is-Sinjura Vivienne Attard, eks-president tal-iskola The Voice English Language School u s-Sinjura Giulia Pace, Konsulent fl-Ekonomija mad-ditta EY.

Huwa evidenti li s-sistemi ekonomiċi mhumiex qed iwasslu distribuzzjoni ġusta tal-ġid. Il-Papa Franġisku jfakkarna li l-kelma “solidarjetà” hija nieqsa minn bosta proposti ta’ proġetti ġodda. Liema mudell ġdid ta’ negozju jista’ jiggarantixxi “solidarjetà”?

Il-kelliema saħqu fuq il-ħtieġa għal edukazzjoni akbar fl-imġieba morali u fl-etika u kontra l-indifferenza, l-ipokrisija u nuqqas ta’ koerenza. Hemm għarfien akbar li mhux biss l-azzjonist tal-kumpanija li għandu leħen li għandu jinstema’, imma l-partijiet kollha li għandhom interess fl-azjenda, inklużi l-ħaddiema u l-komunità fejn jopera n-negozju.

Is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi permezz tal-edukazzjoni qed ikollha wkoll impatt fuq kif persuni jixtru u jikkunsmaw. Kull konsumatur jista’ jagħmel differenza fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, billi jippromwovi ekonomija li tiżgura li kull min ibiegħ qed jieħu ħsieb li jiddisponi sewwa mill-iskart li jkun iġġenerat mill-prodott tiegħu.

L-iktar bilanċ pożittiv fin-negozju għandu jkun id-dinjità tal-persuna umana. Il-profitt huwa meħtieġ, iżda kull negozju għandu jimmira li jkun komunità ta’ persuni li jagħtu servizz lis-soċjetà.

In-numru ikbar ta’ nisa fil-qasam tax-xogħol jista’ jkun li qed jikkontribwixxi għal perspettiva aktar umana u għal għarfien akbar li, b’metodi aktar integrati, l-aspett finanzjarju tan-negozju għandu jagħti każ aktar mhux biss tal-profitt iżda wkoll tal-istaff u tal-komunità. Il-gvernijiet u l-kumpanniji madwar id-dinja għandhom ukoll jiftiehmu dwar kif jirrikonoxxu l-kontribut siewi ħafna ta’ dawk il-persuni li jagħżlu li jieqfu jaħdmu għal xi żmien sabiex irabbu t-tfal tagħhom.

Il-Professur Simone Borg enfasizzat l-ħtieġa li jitħares l-ambjent. Il-kliem “Ekoloġija” u “Ekonomija” it-tnejn oriġinaw mill-kelma Griega għal “ambjent familjari”, imma kemm tassew l-ekonomiji dinjija qed jieħdu ħsieb l-ambjent familjari tal-pjaneta tagħna? Qegħdin infittxu l-ġid veru tal-individwu?

Is-Sinjura Vivienne Attard imbagħad spjegat xi tfisser l-Ekonomija tal-Komunjoni, inizjattiva tal-Moviment tal-Fokolari u mpenn konkret biex jindirizza problemi soċjali serji billi joħloq negozji li huma partijiet integrali tal-komunitajiet ta’ madwarhom. Il-proġett jitlob li n-negozji li jipparteċipaw jagħtu impenn, wara li jkun sar investiment xieraq fis-sostenibbiltà tan-negozju, li parti mill-profitti tagħhom jingħataw bħala għajnuna għal dawk fil-bżonn u parti oħra tmur sabiex titrawwem ‘“kultura ta’ għotja”.

L-Ekonomija tal-Komunjoni tgħin lil dawk fil-bżonn permezz ta’ profitti ġġenerati min-negozji, iżda tqis ukoll bħala aktar importanti li l-impjegati, l-klijenti u l-pubbliku ġenerali jkunu rispettati b’mod ġust u uman.

Is-Sinjura Attard kienet waħda mill-fundaturi ta’ skola tal-Ingliż f’Malta li twaqqfet 25 sena ilu bħala negozju tal-Ekonomija tal-Komunjoni. Hija bdiet il-preżentazzjoni tagħha billi kkwotat silta qasira mill-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Evangelii Gaudium’:

“Huwa veru …. li ħafna drabi naraw inġustizzji, ħażen, indifferenza ….. imma t-tajjeb dejjem jiffjorixxi u jixtered. Kuljum fid-dinja, is-sbuħija terġa’ titfaċċa, u tinfirex fuq it-taqlib tal-istorja.”

Proposta bħal din f’dinja li tagħmel il-flus bħala l-idolu tagħha tista’ faċilment twassal biex wieħed jaħseb li din hija sempliċement utopika jew jistaqsi: imma dan jista’ fil-fatt iseħħ? Fl-1992, sena biss wara, diġà kien hemm 230 negozju lesti li jħaddnu din il-proposta. Illum hemm aktar minn 700 negozju u hemm ukoll Industrial Estates fejn in-negozji kollha jħaddnu l-ispirtu tal-Ekonomija tal-Komunjoni.

Chiara kienet saħqet li l-Ekonomija tal-Komunjoni m’għandhiex twassal biss għat-tkattir ta’ negozji ġodda, iżda għandha tiżviluppa bħala xjenza. Il-websajt tagħha: http://www.ecodicom.net/tesi.php tinkludi għexieren ta’ teżijiet dwar is-suġġett li tfasslu minn studenti mill-kontinenti kollha.

Din il-proposta rnexxielha tlaqqa’ flimkien żewġ realtajiet – dawk tal-Ekonomija u tal-Komunjoni – li l-kultura kontemporanja żżomm il-bogħod minn xulxin, jekk mhux addirittura tikkonfronta. Għalhekk mhux biss tħaddan il-prinċipji tradizzjonali tal-etika soċjali bħall-onestà u t-trasparenza, iżda tkattar ukoll prinċipji oħra bħal dawk tal-għotja, ir-reċiproċità u l-fraternità.

F’din l-Ekonomija, is-sid tan-negozju huwa aġent ta’ komunjoni, mhux biss minħabba li s-sid ikun lest jagħti parti mill-profitt fl-aħħar tas-sena, iżda iktar u aktar minħabba li jkun lest jibdel l-imġieba tiegħu mal-oħrajn, billi ma jħallix il-poter jegħleb fil-bini ta’ relazzjonijiet ġenwini, u fil-ħolqien ta’ ambjent ta’ tmexxija li hu moralment sod.

L-Ekonomija tat-Komunjoni hija ekonomija ta’ fraternità, li mhux biss tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tagħha biex tħeġġeġ li wieħed iħobb lil ħaddieħor bħalu nnifsu, imma wkoll biex wieħed iħobb in-negozji l-oħra bħallikieku kienu tiegħu. Hija tirrispetta r-responsabbiltà soċjali u għalhekk taħdem fl-interess ta’ dawk kollha involuti fin-negozju. Mhux biss tfittex li tegħleb il-faqar billi taqsam il-ġid, iżda wkoll tippromwovi attitudnijiet ġodda lejn il-foqra, u tikkunsidra lil dawk fil-bżonn bħala msieħba li jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom f’dan il-proġett.

L-Ekonomija tal-Komunjoni hija vuċi f’dinja li qed tinbidel: vuċi żgħira meta mqabbla mal-vuċijiet b’saħħithom tal-ekonomija tad-dinja. Iżda l-għeruq tagħha jinsabu fi “bżonn imnaqqax fil-qalb tal-bniedem maħluq xbieha ta’ Alla li hu Mħabba u li jsib il-milja meta jħobb u jagħti minn dak li hu tiegħu” – dan huwa kif spjegatha Chiara Lubich, u għaldaqstant aħna nemmnu li fiha tinsab qawwa – dik il-qawwa ta’ “żewġ ħutiet u ħames ħobżiet li jistgħu jitimgħu il-folol” kif qalilna l-Papa Franġisku.

L-Ekonomija tal-Komunjoni hija realtà dinamika li wasslet għall-Ekonomija Profetika (http://www.propheticeconomy.org/). Fi kliem l-ekonomista Amerikan Jeffrey Sachs hija ‘ekonomija li topera …… fil-viżjoni tal-ġustizzja u l-paċi, li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ifqar u tipproteġi l-kreazzjoni ‘.

Dawn l-idejali sbieħ twasslu aktar qrib tal-parteċipanti fl-aħħar parti tas-seminar meta industrijalist, tekniku li ilu jaħdem f’Malta għal dawn l-aħħar tliet snin u intraprenditur żagħżugħ qasmu kif jgħixu l-etika u l-prattiċi tax-xogħol fil-ħajja tax-xogħol tagħhom. Ir-rispett tal-liġi u l-apprezzament ta’ kull individwu, kemm jekk kollega, klijent jew xi ħadd li qed ifittex ix-xogħol, huma l-mod normali ta’ kif isir in-negozju imma wasslu biex iġġeneraw relazzjonijiet li damu tul ħajjithom u żiedu l-profitti tagħhom f’aktar modi milli wieħed kien jistenna.

Iż-żgħażagħ ukoll kellhom ħafna x’jagħtu u Lea Ungaro u Joanne Ciantar ma ddiżappuntawx. Lea qasmet il-fehmiet tagħha dwar inċentivi tax-xogħol għaż-żgħażagħ, żvilupp sostenibbli, xogħol prekarju u edukazzjoni li jimmassimizza l-abilitajiet tal-istudenti. Dawn kienu ftit mill-proposti li hija kienet ressqet fil-Parlament taż-żgħażagħ.

Joanne spjegat b’mod ċar ir-rabta bejn l-ekonomija u l-ambjent u qasmet mal-parteċipanti fis-seminar dawk id-deċiżjonijiet li ħadet u li biddlu l-mod kif kienet tgħix fl-isforz tagħha biex tgħin fl-ambjent waqt li taħdem ma’ attivisti oħra biex iġġib bidla tassew fejn hi meħtieġa.

Kien Seminar li pprovda ħafna fuqiex wieħed jixtarr iżda li kabbar wkoll it-tama, partikolarment meta rajna biċ-ċar li l-Ekonomija Profetika qed taħdem sew fuq il-livell lokali kif ukoll fuq dak globali.

Sonia & André Camilleri


See published article in New City Magazine: https://www.newcity.co.uk/july-2019-n-535/




Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju

“Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom” (Ġw 20,21).

Wara r-rakkont traġiku tal-mewt ta’ Ġesu fuq is-salib, li ħakmet lid-dixxipli b’tant biża’ li
ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu, San Ġwann l-evanġelista jxandar aħbar li ħasdithom:
Ġesu qam mill-mewt u reġa’ lura fost ħbiebu! Fil-fatt, nhar Ħadd il-Għid, Ġesu Rxoxt deher lil Marija ta’ Magdala. Dak in-nhar stess filgħaxija deher ukoll lil xi dixxipli oħra li kienu magħluqin ġewwa għax ħassewhom mitlufin u telliefa.

Ġesu mar ifittixhom u ried jerġa’ jiltaqa’ magħhom. Mhux importanti li kienu ttradewh u li
ħarbu quddiem il-periklu; meta dehrilhom urihom is-sinjali tal-passjoni: idejn u sider feruti,
minfudin, kollhom ġrieħi bil-kefrija tas-salib. L-ewwel ħaġa li qalilhom kienet tislima ta’
paċi, li hu tassew don li jinżel f’ruħna u jibdlilna ħajjitna.

Kien dak il-ħin li d-dixxipli fl-aħħar għarfuh u reġgħu mtlew bil-ferħ. Ħassewhom imfejqa, imfarrġa, imdawla; kienu mill-ġdid mal-Imgħallem u Alla tagħhom. Imbagħad Ġesu Rxoxt fdalhom f’idejhom, huma li kienu nies daqshekk dgħajfa, biċċa xogħol mill-aktar impenjattiva: li joħorġu fit-toroq u jwasslu mad-dinja kollha l-aħbar il-ġdida tal- Vanġelu, kif Hu stess kien għamel. X’kuraġġ! Ġesu wera fiduċja sħiħa fihom kif il-Missier kien wera fiduċja fiH.

Fl-aħħar, San Ġwann iżid jgħid li Ġesu “nefaħ fuqhom”. Dan ifisser li Hu qasam magħhom l-istess qawwa li kellu fih, l-istess Spirtu ta’ mħabba li jġedded il-qlub u l-imħuħ.

 “IS-SLIEM GĦALIKOM! KIF IL-MISSIER BAGĦAT LILI,
HEKK JIENA NIBGĦAT LILKOM”.

Matul ħajtu Ġesu għadda mill-istess mumenti li ngħaddu minnhom aħna: għex il-ferħ tal ħbiberija, it-tbatija tat-tradiment, l-impenn fix-xogħol u l-għejja fil-vjaġġi tiegħu. Hu jaf aħna x’insarrfu, jaf il-limiti tagħna, it-tbatijiet u l-fallimenti li ngħaddu minnhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Iżda meta ngħaddu minn dawn il-mumenti ta’ dlam, meta ningħalqu fina nfusna, Hu jibqa’ jfittex `il kull wieħed u waħda minna, jibqa’ jemmen fina, kif għamel mad-dixxipli li nħbew f’kamra mudlama.

Ġesu Rxoxt jistedinna biex flimkien miegħu nagħmlu esperjenza ta’ ħajja ġdida u ta’ paċi, biex imbagħad din naqsmuha mal-oħrajn. Hu jibgħatna nagħtu xhieda tal-laqgħa tagħna Miegħu, jistedinna “noħorġu” barra minna nfusna, miċ-ċertezzi u mil-limiti tagħna, biex inkomplu l-istess missjoni li Hu kien irċieva mingħand il-Missier: iridna nwasslu l-aħbar li Alla hu Mħabba.

 “IS-SLIEM GĦALIKOM! KIF IL-MISSIER BAGĦAT LILI,
HEKK JIENA NIBGĦAT LILKOM”.

F’Mejju tal-2005 Chiara Lubich kellha dan xi tgħid fuq din il-Kelma tal-Ħajja: “Illum il-kliem biss mhux biżżejjed. […] L-aħbar tal-Vanġelu tħalli aktar frott jekk isserraħ fuq ix-xhieda tal-għixien tagħna, kif għamlu l-ewwel insara li setgħu jgħidu: ‘Inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna…’ 1. Kemm ikun jiswa jekk fuqna wkoll jgħidu bħalma ntqal fuqhom: ‘Ara kemm jinħabbu, u kull wieħed lest li jmut għall-ieħor’ 2. Kemm ikun jiswa jekk inħobbu b’mod konkret billi ngħinu `l min hu fil-bżonn, nagħtu ikel, ħwejjeġ, djar `il min m’għandux, noffru ħbiberija `l min jinsab waħdu jew iddisprat u għajnuna `l min għaddej minn mumenti diffiċli. B’hekk inkunu xhieda lid-dinja ta’ dik il-hena li jnissel fina Ġesu, u billi Kristu jitnissel fina, aħna nagħtu sehemna biex tkompli sseħħ il-ħidma tal-fidwa tiegħu”

“IS-SLIEM GĦALIKOM! KIF IL-MISSIER BAGĦAT LILI,
HEKK JIENA NIBGĦAT LILKOM”.

Aħna wkoll nistgħu mmorru nfittxu `l Ġesu f’ħutna l-bnedmin li qed jgħixu fil-ħabs tattbatija u s-solitudni. Filwaqt li nuruhom rispett, aħna nistgħu noffru lilna nfusna biex inkunu l-wens fil-mixja ta’ ħajjithom ħalli jiksbu l-paċi li jagħti Ġesu, kif qed tagħmel Maria Pia flimkien ma’ ħbiebha li huma impenjati f’ċentru ta’ servizz għall-immigranti fin-naħa t’isfel tal-Italja. Fuq wiċċ dawn l-immigranti tista’ taqra stejjer ta’ tbatija, gwerer u vjolenza li għaddew minnhom.

“Jien x’qiegħda nfittex?”, stqarret Maria Pia. “Jiena qed infittex lil Ġesu li jagħti sens `il ħajti u naf li nista’ nagħrfu u niltaqa’ miegħu l-aktar fil-ġrieħi ta’ ħuti l-bnedmin”. U żżid tgħid: “L-Għaqda tagħna toffri korsijiet tat-Taljan u għajnuna biex isibu dar u xogħol, u nfittxu li ngħinuhom f’dak li jkollhom bżonn. Għidnielhom li aħna lesti ngħinuhom anki spiritwalment u kien hemm xi nisa Ortodossi li jiġu biex jitgħallmu t-Taljan li tant laqgħu bilferħ din l-għajnuna tagħna. Sirna nafu li f’ċentru tal-immigranti kien hemm ukoll xi nsara tal-Knisja Evanġelika Battista. Ftehimna mal-kappillan ta’ din il-Knisja u bdejna nwassluhom

kull nhar ta’ Ħadd għas-servizz li jsir fil-knisja tagħhom, li tinsab xi ftit kilometri `l bogħod. Minn din l-imħabba konkreta bejn l-Insara twieldet ħbiberija li kompliet tissaħħaħ anki b’laqgħat kulturali, diskussjonijiet u kunċerti. Sibna li aħna “poplu” li qed ifittex u jsib toroq ġodda ta’ għaqda fid-diversita, biex nagħtu xhieda quddiem kulħadd tas-Saltna t’Alla”.  

Letizia Magri

 

1: 1 Ara 1 Ġw 1,1.
2: Tertulliano, Apologetico, 39,7
3: C. Lubich, Kelma tal-Ħajja Mejju 2005, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi
(Opere di Chiara Lubich 5, Citta Nuova, Ruma 2017), pp.750-751.


Download pdf





Chiara Lubich: Spouse of “Jesus Forsaken”

The best way to reach into the depths of her soul and understand the abundance of light, joy, and fruits that characterised her life, is to see her as she herself wished to be remembered: “the spouse of Jesus forsaken”, the spouse of Jesus on the cross who felt forsaken even by God.

Chiara herself said this in one of the monthly conference calls in which she gathered together the focolare communities around the world as one global family.

“I would like to be remembered solely as the spouse of Jesus forsaken” . She added: “The fact that it might be possible to define my life in this way (may God help me!) seemed wonderful to me, even though it is so high and even though it is still ‘what I must become’. Yet I perceived it as my vocation”.

History and the Church will decide whether Chiara was right and if she reached this goal, but many signs tell us that her “marriage with Jesus forsaken” was the golden thread woven through her entire life and that gave it meaning.

Watercolor by Annemarie Baumgarten (Germany)

While she was still young, she confided in her mother a prayer that she often said to Jesus in the depths of her heart, “Grant that I may experience something of your sufferings, especially a little of your terrible forsakenness, so that I can be close to you and more like you, who in your infinite Love have chosen me and taken me with you”.

In the summer of 1949 Igino Giordani asked to make a vow of obedience to Chiara. She transformed his request into a plea to Jesus in the Eucharist to establish between them the kind of relationship He wanted, and said to Giordani, “You know my life: I am nothing. In fact, I want to live like Jesus Forsaken, who made himself completely nothing”.

The pact then sealed in Jesus in the Eucharist marked the start of a period filled with such abundant light that Chiara called it Paradise ’49. When it drew to an end and Giordani convinced her to leave that heaven and go back to the city where humankind was awaiting her, what came direct from her heart was her most ardent declaration of love, “I have only one spouse on earth: Jesus forsaken”.

In 1980, when thoughts of death troubled her, she asked Jesus to give her a decisive push forward to be able to end her life well. He reminded her how she had begun: seeing and loving no one else but Him forsaken. It seemed to Chiara that he said to her, “Look, I have waited 20 centuries to reveal myself to you in this way; if you don’t love me, who will love me?”

And in the year 2,000, when she wrote a book summing up her life story, she described it as being, “Like a love letter to Jesus forsaken” explaining, “Naturally, I will not be able to express all that I feel or ought to feel for the one whose love I have often affirmed has given my life a second name: Thank You.”

For decades Chiara saw the face of this her Spouse in her own personal sufferings and in all parts of humankind most struck by suffering, and sought to console him. Finally, during the last three years of her life, she was completely united to Him in a dark night that was so deep she described it as the “night of God”. “God has gone far away. He, too, goes out towards the far “horizon of the sea.” We had followed him up to that point, but at the far edge of the sea, he disappears beyond the horizon, and one can no longer see him at all. At least this is how the person feels. Therefore, while we had believed previously that the nights of the spirit ended by embracing Jesus Forsaken, we realize that in this instance we enter into Jesus Forsaken.”

Michel Vandeleene

Source: www.focolare.org

 




Irridu nagħtu spazju biex tidħol il-maħfra

“…..Għaliex  Ġesu’ jagħti  tant importanza li din il-virtu, (il-ħniena)  hekk li mingħajrha ħadd ma jsalva?   ‘Henjin dawk li jħennu għax huma jsibu ħniena’…..

Il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħid hekk: ‘Mingħajr il-ħniena ma teżistix  imħabba, huwa bħat-tieni  isem tagħha’……

Dan is-suġġett tal-ħniena u l-maħfra nsibuh mifrux fil-Vanġelu kollu…..

Il-ħniena hija mħabba li taf tilqa’ lil kull proxxmu, l-aktar lil min hu fqir u fil-bżonn. Jeħtieġ li nħobbu bla ma noqogħdu nkejlu, b’abbundanza, lil kulħadd u b’mod konkret. Inħobbu b’mod li din l-imħabba ssir reċiproka. U dan hu l-iskop aħħari tal-ħniena, għax mingħajr il-ħniena teżisti biss  il-ġustizzja, li tagħmilna ndaqs, iżda mhux aħwa ta’ xulxin ….

In-nies aktar titlob vendetta  milli ġustizzja. Imma aħna, wara li nkunu għamilna ħilitna biex tissewwa l-ħsara li tkun saret, irridu nagħtu spazju biex tidħol il-maħfra. Hi biss tista’ tfejjaq il-ħsara personali u soċjali li tkun saret. ‘Aħfru  u ssibu l-maħfra’.  Għalhekk jekk aħna rċevejna xi forma ta’ inġustizzja, irridu naħfru, u mbagħad insibu l-maħfra.  Għandna nkunu minn ta’ quddiem nett biex nużaw il-ħniena!…

Anki jekk dan jidher diffiċli u jrid kuraġġ, quddiem kull proxxmu ejjew nistaqsu:  ommu/ommha kif kienet  iġġib ruħha miegħu/ magħha? Dan il-ħsieb għandu jgħinna nifhmu u ngħixu skont il-qalb t’Alla.

Chiara Lubich




Hemm imħabba u mħabba

Jiena u nfittex li nħobb ’il Alla u ’l ħuti fhimt li meta aħna l-insara nħobbu ’l-proxxmu tagħna, inkunu tassew insara. Jiġifieri meta ma naħsbux fina nfusna imma f’Alla u fir-rieda tiegħu, li fuq kollox hi din: li nħobbu ’l-proxxmu tagħna.

Alla dan jitlob minna: biex inkunu tassew dak li aħna, jiġifieri nsara, biex “nilħqu l-milja tagħna”, jeħtieġ li “nxejnu lilna nfusna, ngħixu barra minna nfusna”, biex ngħid hekk ngħixu “b’ħarsitna mitlufa f’Alla”. Ngħixu mhux ir-rieda tagħna, imma dik t’Alla. Ngħixu għall-oħrajn. Imbagħad inkunu tassew dak li aħna.

Jiena wkoll ippruvajt ngħix hekk, li nħobb, imma ndunajt li hemm imħabba u mħabba.

Rajt li mhux biżżejjed inħenn xi ftit għall-oħrajn, ninteressa ruħi fit-tbatija tagħhom, infittex b’xi mod li nġorr it-toqol tagħhom. Fil-qosor, inħobb b’nofs qalb. Dan kollu mhux biżżejjed biex inkun kif iridni Ġesù. Minna Alla jitlob imħabba, atti ta’ mħabba li (għallinqas fl-intenzjoni u d-deċiżjoni) jkollhom il-kejl ta’ mħabbtu. Hu qal: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 13, 34).

Mela jeħtieġ li nkunu dejjem lesti li mmutu għal ħutna, u dak kollu li nkunu qed nagħmlu mument wara l-ieħor biex nuruh imħabbitna b’mod konkret, irid ikun mibni fuq din ir-rieda, fuq din id-deċiżjoni.

Imħabba bħal din biss togħġob lil Ġesù: mhux kwalunkwe mħabba, mhux kisja ħafifa ta’ mħabba, imma mħabba kbira li tasal li tirriskja l-istess ħajja.

B’imħabba bħal din aħna ngħixu għal kollox “barra minna nfusna”. Niċċaħħdu għal kollox għalina nfusna u, jekk inkunu iktar minn persuna waħda li nagħmlu hekk, ikollna t-tama li b’din iċ-ċaħda niġbdu lejna lil Kristu rxoxt, li jkun jista’ jgħix fostna. Infatti Hu ma jinsabx b’mod sħiħ fejn hemm xi ftit ta’ mħabba, imma fejn inkunu magħqudin f’ismu, jiġifieri fiH, skond ir-rieda tiegħu li hi li nħobbu kif ħabb Hu.

L’Arti tal-imħabba, Chiara Lubich, p. 102




Kelma tal-Ħajja – Frar

“FITTEX IS-SLIEM U IMXI WARAJH” (SAL 34, 15)

F’dan is-salm is-sultan David wera l-ferħ u l-ħajr tiegħu quddiem il-miġemgħa. Hu għadda minn mumenti ta’ periklu u qtigħ il-qalb, imma dar b’fiduċja lejn Alla ta’ Iżrael u reġa’ sab is-sliem.

F’dan l-innu, il-protagonista hu Alla bil-ħniena tiegħu, bil-preżenza qawwija u deċiżiva tiegħu qrib il-fqir u l-batut li jduru lejH. David qed jgħidilna x’irridu nagħmlu jekk irridu li aħna wkoll ikollna l-istess salvazzjoni: għandna naħarbu dak kollu li hu ħażin, u nagħmlu dejjem it-tajjeb. Hu jisħaq fuq il-bżonn li ma nweġġgħux lill-proxxmu tagħna bi kliemna. Filfatt, il-kelma tista’ twassal għall-gwerra.

Fil-Bibbja, il-kelma sliem għandha diversi tifsiriet: tfisser saħħa fil-ġisem u fir-ruħ, jew ftehim bejn tnejn min-nies u bejn il-ġnus. Iżda qabel xejn is-sliem hu don t’Alla, li bih niskopru l-wiċċ tiegħu ta’ Missier. Mela, biex ikollna l-veru sliem, jeħtieġ li fuq kollox infittxu `l Alla f’ħajjitna bis-saħħa kollha tagħna.

Biex niksbu s-sliem irridu nagħmlu ħilitna kollha u nimxu fuq dak li tgħidilna l-kuxjenza li dejjem timbuttana biex nagħżlu t-triq it-tajba u mhux dik il-ħażina. Ħafna drabi jkun biżżejjed li nħallu `l Alla jiġi għandna għax Hu dejjem ifittex `il kull wieħed u waħda minna.

Bħala Nsara, aħna ġa għandna rabta mill-qrib ma’ Ġesù permezz tal-Magħmudija. Ġesù hu Alla li jinsab qrib tagħna, li wegħedna li jagħtina s-sliem tiegħu; Alla stess huwa l-paċi. Aħna rċevejna d-don tal-Ispirtu s-Santu, li hu Alla tal-faraġ u li jgħinna wkoll naqsmu mal-oħrajn il-frott tal-paċi t’Alla li ġarrabna f’ħajjitna. Hu jurina t-triq biex inħobbu `l dawk li jinsabu qrib tagħna u b’hekk negħlbu l-ġlied, nevitaw li nakkużawhom bla bżonn, li niġġudikawhom u nitkellmu ħażin fuqhom u niftħu qalbna ħalli nilqgħuhom kif imiss.

Forsi aħna ma nistgħux insikktu l-armi kollha li qed ixerrdu d-demm f’ħafna nħawi taddinja, imma nistgħu nagħmlu ħilitna biex fil-familji, fil-komunità nisranija, fuq il-post tax-xogħol u fil-post fejn ngħixu ntaffu l-feriti u jerġa’ jkollna l-għaqda u s-sliem bejnietna. Jekk ikun hemm komunità żgħira jew kbira li timpenja ruħha b’deċiżjoni biex tagħti xhieda għall-qawwa tal-imħabba, inkunu nistgħu nibnu pontijiet bejn gruppi soċjali, knejjes u partiti politiċi.

Jekk aħna nfittxu l-paċi b’konvinzjoni, nagħrfu kif għandna nġibu ruħna biex inħarsu
l-ħolqien, li hu wkoll don t’Alla għal uliedu u li aħna għandna r-responsabbiltà li ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Fl-1999 Chiara Lubich kitbet ittra lil Nikkio Niwano, il-fundatur tal-Moviment Buddista Ġappuniż li jismu Rissho Kosei Kai, fejn qaltlu: “[…] Jekk il-bniedem mhuwiex fil-paċi m’Alla, id-dinja stess ma tkunx fil-paċi. Dawk kollha li huma reliġjużi jħossu t-“tbatija” tad-dinja meta l-bniedem ma jagħmilx użu mid-dinja skont il-pjan t’Alla, imma jkun irid jippossediha. Dan l-egoiżmu u din il-kilba jħammġu l-ambjent aktar minn kull tniġġiż ieħor, li huwa konsegwenza ta’ dan. […] Jekk niskopru li l-ħolqien kollu hu don ta’ Missier li jħobbna, ikun eħfef li nsibu rabta armonjuża man-natura. U jekk niskopru wkoll li dan hu don għal kulħadd, u mhux biss għal xi wħud, noqogħdu aktar attenti u nirrispettaw `il dak li hu tal-bnedmin kollha ta’ issa u ta’ li ġej”.

Letizia Magri