Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba” (1 Ġw 4, 8).

San Ġwann kiteb l-ewwel ittra tiegħu lill-komunità ta’ Nsara fl-Asja Minuri biex jagħmlilhom il-qalb ħalli jerġgħu jiffurmaw komunità waħda, għax fosthom kellhom x’jifridhom. L-awtur qed iħeġġiġhom biex iżommu quddiem għajnejhom dak li “sa mill-bidu” tħabbar fil-predikazzjoni Nisranijia. Hu jtennilhom dak li l-ewwel dixxipli kienu raw, semgħu u messu b’idejhom meta kienu għadhom jgħixu mal-Mulej, biex anki din il-komunità tkun tista’ terġa’ tingħaqad ħaġa waħda flimkien, u għalhekk anki ma’ Ġesù u l-Missier 1.

“Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba”.

Biex ifakkar il-qalba tat-tagħlim li kienu ħadu, Ġwanni jisħaq li f’Ġesù kien Alla li beda jħobbna l-ewwel, u dan għamlu billi sar bniedem bħalna u sar jixbahna fil-limiti u n-nuqqas ta’ ħila tagħna.

Meta nħobbu kif ħabbna Ġesù, ninħelsu mill-egoiżmu li jtellef l-għaqda tagħna ma’ ħutna l-bnedmin u ma’ Alla. Imbagħad inkunu nistgħu nħossu din l-imħabba ġewwa fina.

“Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba”.

Forsi bla ma nindunaw, li nagħrfu ʹl Alla, lil Dak li ħalaqna u li jaf lilna u l-aktar veritajiet profondi ta’ kollox, minn dejjem kienet xewqa kbira tal-bniedem.

La Alla hu mħabba, meta nħobbu kif iħobb Hu, nistgħu nintebħu xi ftit b’din il-verità. Nistgħu nikbru fl-għarfien tagħna ta’ Alla għax inkunu qed ngħixu xi ftit kif jgħix Hu, u Hu jdawlilna t-triq tagħna.

Dan iseħħ b’mod sħiħ meta nħobbu ʹl xulxin. Infatti, jekk inħobbu ʹl xulxin “Alla jibqa’ fina” 2. Jiġri bħal meta żewġ wajers tad-dawl imissu ma’ xulxin biex id-dawl jixgħel u jdawwal kullimkien.

“Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba”.

Chiara Lubich tgħid li meta nagħtu xhieda li Alla hu mħabba, din tkun “l-akbar rivoluzzjoni li aħna msejħin nagħtu lid-dinja tallum, li tinsab mimlija kull fejn tħares bit-tensjoni”, l-istess kif “l-ewwel Insara kienu jagħmlu fid-dinja pagana ta’ żmienhom” 3.

X’irridu nagħmlu? Kif ngħixu din l-imħabba li ġejja m’għand Alla? Billi nitgħallmu minn Ibnu, b’mod partikulari “[…] fil-qadi lejn ħutna, l-aktar dawk li jgħixu qrib tagħna, ibda mill-affarijiet iż-żgħar u umli. Irridu nagħmlu ħilitna kollha biex nimitaw lil Ġesù, billi nibdew inħobbu aħna l-ewwel, niċċaħħdu minna nfusna u ngħannqu magħna s-slaleb kollha, żgħar jew kbar. Jekk nagħmlu hekk ma ndumux biex nagħmlu esperjenza t’Alla, ningħaqdu miegħU, ikollna l-milja tad-dawl, ta’ sliem u ferħ f’ruħna, naslu fejn irid iwassalna Ġesù” 4.

“Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba”.

Anna sikwit tmur iżżur dar tax-xjuħ, f’ambjent Kattoliku. “Darba, ma’ Roberta, iltaqgħet ma’ Aldo, raġel twil, studjuż u sinjur. Aldo ta ħarsa mnikkta lejn iż-żewġ żgħażagħ: “Imma għalfejn toqogħdu tiġu hawn? Xi tridu minn għandna? Ħalluna mmutu fil-paċi!”. Anna ma qatgħetx qalbha u qaltlu: “Niġu hawn għalik, biex inqattgħu ftit ħin flimkien, biex insiru nafu lil xulxin u nsiru ħbieb”. […] Marru drabi oħra. Roberta tirrakkonta li: “Dak ir-raġel kien prattikament magħluq fih innifsu u mnikket għall-aħħar. Ma kienx jemmen f’Alla. Anna kienet l-unika persuna li b’mod delikat ħafna rnexxielha tidħol f’qalbu, u damet tisimgħu għal ħin twil”. Kienet titlob għalih, u darba fost l-oħrajn tagħtu kuruna tar-Rużarju, li hu aċċetta. Anna mbagħad saret taf li Aldo kien miet b’isimha fuq fommu. Id-dulur għal mewtu ttaffa għax saret taf li kien miet fil-paċi, u f’idu kien qed iżomm ir-Rużarju li darba kienet tagħtu” 5.

Silvano Malini u t-team tal-Kelma tal-Ħajja

1: Cf. 1 Ġw 1, 1-3.
2: Cf. 1 Ġw 4, 12.
3: C. Lubich. Conversazioni, xogħol ta’ M. Vandeleene (Opere di Chiara Lubich 8/1); Città Nuova, Ruma 2019, pġ. 142.
4: C. Lubich, Parola di Vita di maggio 1991, fil-ktieb Parole di Vita, xogħol ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma 2017, pġ. 477.
5: P. Lubrano, Un volo sempre più alto. La vita di Santa Scorese, Città Nuova, Ruma 2003, pġ. 83-84,107




Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija” (Sal 51[50], 12).

F’dan iż-żmien tar-Randan aħna mistednin ngħixu din is-sentenza li nsibuha fis-Salm numru 51. Fil-vers 12 insibu din it-talba magħmula b’ħeġġa u b’umiltà kbira: ‘Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.’ Dan il-kliem hu magħruf bħala l-“Miserere” (“Ħniena”). L-awtur ta’ dan is-salm jibda billi jfittex fl-aktar partijiet moħbija tar-ruħ tal-bniedem li bihom nagħrfu kemm aħna msejkna quddiem Alla u, fl-istess ħin, l-għatx kbir tagħna biex ningħaqdu ma’ Min jista’ jiksbilna grazzji kbar, mogħtija lilna bi ħniena liema bħalha.

“Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija”.

Is-salm jaf il-bidu tiegħu lil ġrajja magħrufa ħafna fil-ħajja tas-sultan David. Alla kien għażlu biex jieħu ħsieb il-poplu Lhudi u jmexxih fl-ubbidjenza lejn il-Patt. Imma hu kiser il-liġi u ma tax każ tal-missjoni li ngħatatlu. Wara li għamel adulterju ma’ Betsabea, bagħat lil Urija, ir-raġel tagħha, fuq quddiemnett
għall-gwerra, fejn hemm tilef ħajtu. Il-profeta Natan urieh kemm kienet kbira ħżunitu u għenu jagħraf id-dnub tiegħu. B’hekk għal David kien wasal iż-żmien li jistqarr dan id-dnub u jerġa’ jagħmel paċi m’Alla.

“Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija”.

L-awtur ta’ dan is-salm ipoġġi fuq fomm is-sultan talb qawwi ħafna li joħroġ mis-sogħba kbira u l-fiduċja fil-maħfra t’Alla: “ħassar ħtijieti”, “naddafni”, “saffini”. Saħansitra, f’dan il-vers juża l-kelma “oħloq”, biex biha juri li Alla biss jista’ jeħles il-bniedem min-nuqqas ta’ ħila tiegħu. B’dan l-għarfien nindunaw li Hu biss jista’ jagħmilna ħlejjaq ġodda, jagħtina “qalb safja”. Hu biss jista’ jimliena bl-ispirtu tiegħu li jagħti l-ħajja u bil-ferħ Tiegħu. Hu biss jibdel mill-qiegħ ir-rabta tagħna ma’ Alla u mal-ħlejjaq l-oħra, u mal-ħolqien kollu.

“Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija”.

Kif nistgħu ngħixu din il-Kelma tal-ħajja? L-ewwel pass li jeħtiġilna nagħmlu hu li nagħrfu li aħna midinbin u neħtieġu l-maħfra t’Alla. Irridu nġibu ruħna quddiemu b’fiduċja mill-aktar kbira. Għandu mnejn l-iżbalji li naqgħu spiss fihom jaqtgħulna qalbna u jagħlquna fina nfusna. Għalhekk jeħtieġ inbexxqu ftit il-bieb ta’ qalbna. Chiara Lubich, fis-sena 1940, kitbet ittra lil xi ħadd li kien iħossu bla ħila minħabba l-miżerji tiegħu: “Irridu nwarrbu minn moħħna kull ħsieb ieħor, filwaqt li nemmnu li Ġesù jinġibed lejna jekk aħna b’umiltà u mħabba kbira nistqarru dnubietna. Aħna, min-naħa tagħna, m’għandna xejn u ma nagħmlu xejn għajr miżerji. Hu, min-naħa tiegħu, m’għandux għajr kwalità waħda lejna: il-Ħniena.

Ruħna tista’ tingħaqad miegħu biss billi toffrilu mhux il-virtujiet tagħha, imma dnubietha! […] Jekk Ġesù ġie fid-dinja, jekk Hu sar bniedem, jekk hemm xi ħaġa li tant jixtieq […] hi biss: li jkun is-Salvatur tagħna, it-Tabib tagħna! Ma jixtieq xejn aktar minn hekk” 1.

“Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija”.

Wara li naqalgħu l-maħfra rridu nżommu f’moħħna l-għajnuna ta’ ħutna, għax issaħħa
tan-Nisrani tiġi mill-komunità; irridu nintefgħu nħobbu ʹl ħutna b’mod konkret, ikunu min ikunu. “Dak li hu mitlub minna hu li nħobbu lil xulxin, b’imħabba li taqdi, tifhem, tagħraf tagħmel tagħha t-tbatija, it-taqtigħ il-qalb, u l-ferħ ta’ ħutna; b’dik l-imħabba li tgħatti kollox, taħfer kollox, li hi tipika tan-Nisrani” 2.

Fl-aħħarnett, Papa Franġisku jgħid: “Il-maħfra t’Alla […] hi l-ikbar sinjal tal-ħniena tiegħu. Hi grazzja minn Alla u kull min jirċeviha hu msejjaħ jaqsamha ma’ kull min jiltaqa’. Dawk kollha li l-Mulej ipoġġi ħdejna, il-familjari, il-ħbieb, il-kollegi, il-parruċċani… ilkoll kemm huma jeħtieġu l-ħniena t’Alla, kif neħtiġuha aħna wkoll. Kemm hi sabiħa l-maħfra, imma anki int, jekk trid li taqla’ l-maħfra, trid taħfer inti wkoll. Aħfer! […] biex tkun xhud tal-maħfra tiegħu, li ssaffina u tibdlilna ħajjitna” 3.

Augusto Parody Reyes
u t-team tal-Kelma tal-Ħajja

1. C. Lubich, Lettere 1943-1960, ta’ F. Gillet, (Opere di Chiara Lubich 4/1), Città Nuova, Ruma 2022; pġ. 350.
2. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja Mejju 2002, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma
2017, pġ. 658-659.
3. PAPA FRANĠISKU, Udjenza Ġenerali, Il-ħniena tħassar id-dnub, 30 ta’ Marzu 2016.




Bl-isbaħ xewqat għal Milied u Sena Ġdida ta’ paċi u fraternità!

Rakkmu tad-Deheb

Pace, Paċi, Salam, Shalom
Ħabib, fejn tinsab?
Infittxek tul it-toroq ta’ madwar, u f’dawk ʹil bogħod tal-belt…
imma ma nistax nilmħek.

Infittex fi qlub in-nies
U lanqas hemm ma nista’ nsibek.
Qed nibki ddisprata
u nsaqsi ʹl kulħadd biex ifarraġ l-uġiegħ tiegħi.

Ma’ ħafna nies oħra nitfa’ ħarsti ʹl fuq u ngħid, “NEMMEN”.
U f’Dak li jista’ jibdel kollox
Inpoġġi t-tama tiegħi u nitolbU:
“Mulej, ibdel l-armi f’rakkmu tad-deheb.”

Agħtina lura l-paċi!
Iva, agħtina lura l-paċi!

Dan it-teżor prezzjuż tant mixtieq
Jerġa’ jqiegħed it-tbissima fuq fomm it-tfal, l-ommijiet, kulħadd.
Mhux li kien li l-gwerra tindifen ma’ kullimkien.
Kemm nixtieq li l-paċi tkun il-kelma waħdanija mnaqqxa f’kull qalb.

Mulej, minn din il-belt, fanal ta’ fraternità,
agħmilna strumenti ta’ unità.

Margaret Karram
Assisi, Diċembru 2023


Traduzzjoni ta’ Tony Aquilina




Qatt ħsibt x’qawwa kbira għandha l-Kelma t’Alla?

Jekk tieħu f’idejk il-ktieb “Ngħixu l-Kelma” tiskopri li l-Kelma hi għajn ta’ barka, issaħħaħ il-fidi, timla bit-tama, tkattar il-ferħ (…). Kif jgħid Papa Franġisku: “Il-Kelma turina min hu Alla, twassalna għand il-bniedem, tinfed ir-ruħ tagħna, tfarraġna u fl-istess ħin tqanqalna biex naġixxu u nersqu lejn il-ġrieħi tal-umanità.”

Dan il-ktieb hu publikazzjoni oħra bil-Malti li l-Moviment tal-Fokolari nieda fit-18 ta’ Novembru li għadda. Fih ġabra ta’ 100 Kelma tal-Ħajja, traduzzjonijiet ta’ kitba bit-Taljan li ħarġet mill-pinna ta’ Chiara Lubich, il-fundatrici tal-Fokolari.

Forsi tistaqsi: il-Kelma tal-Ħajja xinhi? It-tweġiba  għal din il-mistoqsija teħdok lura lejn l-ewwel żmenijiet tal-Moviment meta Chiara Lubich u sħabha kienu qed jgħixu l-kruha u l-qerda tat-tieni gwerra dinjija. Spiss kien ikollhom imorru jfittxu l-kenn fix-xelters u kienu jieħdu magħhom il-ktieb ċkejken tal-Vanġelu. Fid-dawl tax-xemgħa, kienu jiftħu paġna mill-Vanġelu u jaqrawha.

U bil-mod il-mod  bdew jiskopru  l-valur ta’ dak il-kliem li għandu l-qawwa  ġġib bidla mhux biss fl-individwu imma wkoll fis-soċjeta’. Il-kliem tal-Vanġelu beda jsir kodiċi ta’ ħajja għall-komunita’ li kienet qiegħda titwieled; u allura, mhux biss  jaqrawh imma jgħixuh. Chiara bdiet tieħu silta mill-Vanġelu u  tikteb kumment dwarha biex min jaqra s-silta jkun jista’ jidħol aktar fil-fond tal-Kelma u jgħixha. Hekk bdiet  il-Kelma tal-Ħajja!

Mill-1943 sal-1978 hi kitbet diversi ħsibijiet u kummenti fuq siltiet mill-Kotba Mqaddsa,  imma kien fl-1978, meta ċirkostanzi importanti fl-Italja xprunawha biex tikteb hi regolarment il-Kelma tal-Ħajja ta’ kull xahar. Il-Kelma tal-Ħajja hi parti mill-ħajja tal-Moviment u  għadha sallum tasal għand miljuni ta’ nies fid-dinja kollha  b’mezzi diversi.

Mill-1978 sakemm waslet biex mietet,  Chiara kitbet  madwar 350 Kelma tal-Ħajja li 100 minnhom jinsabu fil-ktieb Ngħixu l-Kelma. Ma kienx faċli tasal għall-għażla ta’ 100 Kelma tal-Ħajja  meta għandek f’idejk il-Kelma t’Alla b’kummenti siewja li joffru proposti konkreti u jittrażmettu konvinzjoni u tama.

Id-daħla għal dan il-ktieb saret mill-Eċċ. Tiegħu Mons Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-waqt Mons Charles Cordina  jagħti l-esperjenza personali tiegħu dwar l-għajxien tal-Kelma. Hemm ukoll kitba li tagħti ħjiel dwar il-Kelma t’Alla fil-ħajja ta’ Chiara u tal-Moviment tal-Fokolari u xi ftit esperjenzi qosra, xhieda li l-għajxien tal-Kelma jibni l-komunita’.

F’Ngħixu l-Kelma wieħed isib ftit mill-wirt spiritwali kbir li ħalliet Chiara Lubich, u jiskopri  dik il-ħarsa profonda ispirata mill-Vanġelu, li titfa’ dawl fuq diversi aspetti tal-ħajja umana. Fil-waqt li joffri kontenut għal riflessjoni u meditazzjoni, il-ktieb iwassal lill-qarrej biex jiskopri jew jiskopri mill-ġdid li l-messaġġ tal-Vanġelu hu għal kulħadd u li fih hemm dawk il-valuri essenzjali li l-qalb tal-bniedem tixxennaq għalihom u d-dinja tagħna tant teħtieġhom.

Vivienne Attard

 


Ġabra ta’ 100 Kelma tal-Ħajja, meħuda minn madwar 350 li Chiara Lubich, il-Fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari, kitbet bejn l-1943 u l-2008. Il Kelma tal-Ħajja tġgi ppublikata f’iktar min 96 lingwa, fosthom anke bil-Malti.
© Moviment tal-Fokolari, Malta
© Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)
ISBN: 978-9918-0-0656-4
Prezz: €10

Dan il-ktieb jista’ jinxtara mingħand Emmaus Bookshop, Triq S. Sommier, Birkirkara, BKR 4611, Malta. Tel. 2149 8343, email: info@emmausmalta.com

U anki miċ-Ċentru tal-Moviment tal-Fokolari, Tel. 21385801, email: focolare.malta@outlook.com




Papa Franġisku: “Id-dinja għandha bżonn tal-bennejja tal-għaqda u l-paċi”

Fl-okkażjoni tat-80 sena, mit-twaqqif tal Moviment tal-Fokolari, fis-7 ta’ Diċembru  2023, Papa Franġisku laqa’ f’udjenza privata lil Margaret Karram, President tal-Moviment tal-Fokolari, lil Jesús Morán, Ko-President, u lill-membri tal-Kunsill Ġenerali u lil dawk responsabbli tal-Moviment  fiż-żoni tad-dinja. Dan li ġej hu d-diskors li għamel il-Papa waqt din l-udjenza.

 Għeżież ħuti,

Insellem lill-Kardinal Farrell, lill-president tagħkom Dr. Margaret Karram, lill-ko-president Jesús Morán, lill-membri tal-Kunsill Ġenerali, lid-delegati fiż-żoni u lilkom ilkoll. Grazzi li qegħdin hawn illum, fil-ġurnata li fiha qed tiċċelebraw għeluq it-80 sena mit-twaqqif tal-Moviment tal-Fokolari, li hu magħruf ukoll bħala l-Opra ta’ Marija.

Nirringrazzjakom!

Il-Moviment twaqqaf f’dak il-jum li fih is-Serva t’Alla, Chiara Lubich iddeċidiet li tikkonsagra ruħha lil Alla b’mod sħiħ. Is-sejħa biex tagħti lilha nnifisha lil Alla b’mod radikali twieldet minn ispirazzjoni li hi rċiviet fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum – waqt li kienet qed tagħmel qadja għall-familja – u hi wieġbet għal din is-sejħa ħelwa u qawwija li ħasset f’qalbha. Kien is-7 ta’ Diċembru 1943, fi Trento, meta l-gwerra kienet fl-aqwa tagħha, u kien lejlet is-Solennita’ tal-Immakulata Konċezzjoni, meta l-“iva” ta’ Marija saret l-“iva” ta’ Chiara. U minnha twieldet mewġa ta’ spiritwalita’ li nfirxet mad-dinja kollha biex tgħid  lil kulħadd kemm hi ħaġa sabiħa li wieħed jgħix il-Vanġelu b’kelma waħda u sempliċi: unita’. Imma unita’ tfisser ukoll armonija: unita’ armonjuża.

F’dawn it-tmenin sena, intom wassaltu dan il-messaġġ biex jidwi fost żgħażagħ, komunitajiet, famijli, reliġjużi, saċerdoti, isqfijiet; u anki f’oqsma soċjali differenti: mill-qasam tal-edukazzjoni sa dak tal-ekonomija,  mid-dinja tal-arti u l-kultura sa dik tal-informazzjoni u l-media; u b’mod partikulari fil-qasam tal-ekumeniżmu u tad-djalogu interreliġjuż. Kontu strument attiv li permezz tiegħu nibtu ħidmiet, inizjattivi, proġetti, u fuq kollox biex “ welled mill-ġdid” konverżjonijiet, vokazzjonijiet, ħajja mogħtija għal Kristu u għal ħutna l-bnedmin. Illum irroddu hajr lil Alla għal dan kollu.

Fi Frar 2021, meta ndirizzajt lill-Assemblea Ġenerali tagħkom, kont sħaqt fuq tlett punti  importanti għall-mixja tagħkom: li tgħixu l-kariżma b’fedelta’ dinamika; li tilqgħu l-mumenti ta’ kriżi bħala opportunitajiet biex timmaturaw u li tinkarnaw l-ispiritwalita’ b’koerenza u realiżmu. Li tgħixu l-ispiritwalita’.

Illum irrid nerġa’ nfakkarkom f’dawn il-punti biex inħeġġiġkom tgħixuhom u tippromovuhom fuq dawn it-tlett linji: maturita’  ekkleżjali,  fedelta’ lejn il-kariżma u impenn għall-paċi.

Maturita’ ekkleżjali. Nistedinkom taħdmu biex il-ħolma ta’ Knisja sinodali u missjunarja sseħħ dejjem aktar b’mod sħiħ. Ibdew mill-komunitajiet tagħkom billi taraw li jkun hemm parteċipazzjoni u ko-responsabbilta’, anki fuq livell ta’ governanza.

Araw li l-“fokolari” jissaħħu minn ġewwa u li jxerrdu dik il-klima ta’ smigħ reċiproku u sħana tal-familja fejn ikun hemm rispett reċiproku u fejn wieħed jieħu ħsieb tal-ieħor,  speċjalment fejn ikun hemm dawk l-aktar dgħajfa u li jeħtieġu sostenn. Biex twettqu dan, jiswa li timxu fit-triqat ta’ parteċipazzjoni u konsultazzjoni reċiproka fil-livelli kollha, u li tagħtu attenzjoni speċjali lill-komunikazzjoni u lid-djalogu sinċier.

Dwar dak li għandu x’jaqsam mat-tieni punt – fedelta’ lejn il-kariżma – infakkarkom fil- kliem tal-Fundatriċi tagħkom : “Lil min jiġi warajk, ħallilu biss il-Vanġelu.  Jekk tagħmel dan, l-ideal tal-unita’ jibqa’ […]. Il-Vanġelu jibqa’ u jibqa’ għal dejjem għax iż-żmien ma jagħmilx bih.” (C. Lubich,  La Parola di Dio, Rome 2011, 112-113). Jekk jogħġobkom iżirgħu l-unita’ billi twasslu l-Vanġelu, u tħallux li l-opra tal-inkarnazzjoni taħrab minn taħt għajnejkom għax Alla jrid ikompli jwettaqha fina u madwarna permezz tal-Ispirtu tiegħu, biex Ġesu’ jkun l-aħbar it-tajba għal kulħadd, bla ma jitħalla barra ħadd, u biex “lkoll ikunu ħaġa waħda” (Ġw 17:21).

U hekk niġu għat-tielet punt li hu ta’ importanza kbira għal-lum: l-impenn għall-paċi. Wara elfejn sena ta’ Kristjaneżmu, ix-xewqa  qawwija għall-għaqda  għadha  qed tieħu l-forma ta’ karba kbira f’ħafna partijiet tad-dinja, u din il-karba titlob tweġiba. Chiara ħasset din ix-xenqa meta kienet qed tgħix it-traġedja tat-tieni gwerra dinjija, u ddeċidiet li tagħti ħajjitha  biex ikun jista’ jseħħ “it-testment ta’ Ġesu”. Sfortunatament, illum d-dinja għadha mifnija bil-ġlied u għad għandha bżonn tal-bennejja tal-għaqda u l-paċi bejn bnedmin u nazzjonijiet.

Chiara qalet: “L-iskop ġenerali tal-Opra ta’ Marija hu li tkun imħabba u li xxerred l-imħabba” (Vġili tal-Pentekoste, Pjazza San Pietru 30/5/1998). Mela, dan hu l-iskop tagħkom: li tkunu mħabba u li xxerrdu l-imħabba. U aħna nafu li l-frott tal-paċi jitnissel biss mill-imħabba. Għalhekk, nitlobkom li tkunu xhieda u bennejja ta’ dik il-paċi li Kristu wettaq bis-salib tiegħu,  u li permezz tagħha rebaħ fuq il-mibegħda. Aħsbu ftit: mit-tieni gwerra dinjija ‘l hawn, il-gwerer ma waqfux. U aħna m’aħniex konxji mit-traġedja tal-gwerra.

Nixtieq naqsam magħkom xi ħaġa: meta fl-2014 mort Redipuglia għaċ-ċentinarju tal-Ewwel Gwerra Dinjija, u rajt dak iċ-ċimiterju, bkejt fuq li bkejt. Rajt il-qerda li ġġib magħha l-gwerra.. Kull 2 ta’ Novembru mmur niċċelebra f’xi ċimiterju; l-aħħar darba mort fiċ-ċimiterju tal-Commonwealth u bdejt nara l-etajiet tas-suldati- 22, 24, 18, 30 … kollha ħajjiet li ntemmu bil-gwerra. U l-gwerra għadha sejra, u kulħadd joħroġ tellief. Joħorġu rebbieħa biss dawk li jipproduċu l-armi. Li kieku jiefqu għal sena milli jipproduċu l-armi, kieku l-ġuħ fid-dinja jista’ jiġi fi tmiemu. Terribbli din il-ħaġa. Hemm bżonn naħsbu fuqha din it-traġedja.

Qabel ma nispiċċa, nixtieq nagħmlilkom l-aħħar stedina, li tgħodd ħafna għal dan iż-żmien tal-Avvent: din hi li tishru, li toqogħdu għassa. In-nassa tal-mondanita’ spiritwali dejjem tibqa’ hemm. Għalhekk, intom ukoll tridu toqogħdu attenti biex taġixxu b’mod deċiżiv, koerenti u realistiku. Ejjew niftakru li n-nuqqas ta’ koerenza bejn dak li ngħidu li aħna  u dak li aħna tassew hi l-agħar xhieda li nistgħu nagħtu. In-nuqqas ta’ koerenza.

Jekk jogħġobkom, oqogħdu attenti. U r-rimedju hu li dejjem nerġgħu mmorru għall-Vanġelu; fih hemm l-għeruq tal-fidi tagħna u tal-istorja tagħna: il-Vanġelu tal-umilta’, ta’ servizz mogħti bla ma tistenna xejn, ta’ sempliċita’.

Jien dejjem nieħu gost niftakar li intom qrib ħafna tas-sigriet t’Alla, l-erba’ sigrieti t’Alla. Hemm erba’ affarijiet li Alla ma jirnexxilux jifhimhom: ma jafx kemm hemm kongregazzjonijiet tar-reliġjużi nisa; ma jafx x’inhu l-ħsieb tal-Ġiżwiti; ma jafx kemm għandhom flus is-Salesjani, u ma jafx għajfejn jidħku l-fokolarini!

Għeżież ħuti, kif ġa għidna, intom l-Opra ta’ Marija; kienet Marija li akkumpanjatkom matul dawn it-80 sena, u intom tafu li hi żgur qatt ma tieqaf tagħmel dan. Jalla l-Verġni ta’ Nażaret tibqa’ tkun l-għajn tal-faraġ u l-qawwa tagħkom biex intom tkunu appostli tal-unita’ waqt li tkunu ta’ servizz għall-Knisja u għall-umanita’. Grazzi għal dak li intom u għal dak li tagħmlu! Komplu l-mixja tagħkom b’fiduċja. Inberikkom b’qalbi kollha u jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Grazzi.

Papa Franġisku

Sors: www.vatican.va

Traduzzjoni: Vivienne Attard




80 sena mit-twaqqif tal-Moviment tal-Fokolari

 

Fis-7 ta’ Diċembru, Papa Franġisku ser jilqa’ f’udjenza lil Margaret Karram, President tal-Moviment tal-Fokolari u lil  dawk responsabbili tal-Moviment fid-dinja kollha. Dakinhar fis-6-00pm ser issir ċelebrazzjoni Ewkaristika fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore li ser tkun immexxija mill-Eċċellenza  tiegħu, il-Kardinal  Kevin Joseph Farrell, Prefett tad-Dikasteru għal Lajċi, Familja u Ħajja.

Is-7 ta’ Diċembru 1943 hi meqjusa bħala d-data uffiċjali tat-twelid tal-Moviment tal-Fokolari. Kien f’din il-ġurnata meta Chiara Lubich ikkonsagrat ruħha lil Alla għal dejjem. 80 sena ilu, waqt li t-tieni gwerra dinjija kienet fl-aqwa tagħha, twieldet komunita’ żgħira li riedet tagħti s-sehem tagħha biex mill-ġdid issaltan  il-paċi u l-għaqda fid-dinja. Din il-komunita’ malajr bdiet tinfirex, u twieldet waħda mill-Kariżmi Ġodda fil-Knisja. L-Ispiritwalita’ tal-Moviment tal-Fokolari hi mibnija fuq l-Evanġelju, u fil-qalba tagħha nsibu b’mod partikulari t-talba ta’ Ġesu’: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21).

Illum il-Moviment jinsab f’182 nazzjoni, sinjal tal-universalita’ u tal-ħtieġa kbira għall-għaqda u għall-fraternita’ fiż-żmenijiet traġiċi u ta’ firda li qed ngħixu fihom. Iħaddan fih Insara minn Knejjes differenti, nies ta’ bosta reliġjonijiet u oħrajn li m’għandhom ebda twemmin reliġjuż.

Fis 7 ta’ Diċembru, Papa Franġisku ser jilqa’ f’udjenza lil Margaret Karram, President tal-Moviment tal-Fokolari, lil Jesús Morán, Ko-President u lil dawk il-membri li huma responsabbli fiċ-Ċentru u fiż-żoniIl-President qalet: “Tassew hu rigal kbir  għalina li l-Papa ser jilqagħna għandu nhar il-Ħamis 7 ta’ Diċembru 2023, propju fil-ġurnata li fiha nfakkru dik l-ewwel ‘iva’ li Chiara Lubich qalet lil Alla. Dan hu rigal li ma konniex qed nistennewh!

Nixtiequ li nwasslu lill-Papa l-imħabba u l-għożża ta’ eluf ta’ nies mid-dinja kollha li jgħixu l-kariżma tal-unita’. U nġeddu l-impenn tagħna ta’ servizz fil-Knisja f’dan il-vjaġġ sinodali, flimkien ma’ ħafna oħrajn li jridu jagħtu s-sehem tagħhom għall-paċi u għall-imħabba biex jonqos il-piż ta’ tant ġrieħi li qed itaqqlu lill-bnedmin.”

F’dik l-istess ġurnata, fis- 6 .00 p m. ser issir Quddiesa ta’ radd il-hajr għat-80 sena tal-ħajja tal-Moviment. Ser issir fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore u ser tkun immexxija mill-Kardinal Kevin Joseph Farrell, Prefett għad-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja.  Ser jieħdu sehem bosta  kardinali, isqfijiet u saċerdoti oħra.

Margaret Karram żiedet tgħid: ”F’din il-ġurnata jintemm il-pellegrinaġġ li qed nagħmlu  f’diversi postijiet sagri u sinifikattivi, f’Assisi, Loreto u Ruma biex nroddu ħajr, nitolbu maħfra u nibdew mill-ġdid b’kuraġġ u tama.

Il-komunitajiet tal-Fokolari  mifruxa mad-dinja kollha jixtiequ  jgħixu dan l-anniversarju bl-istess spirtu u bl-istess skop, biex hekk ikunu “xhieda ta’ dik l-imħabba tal-aħwa li tfittex li tkun qrib ta’ kulħadd,  tegħleb il-firdiet u  tasal f’ kull sitwazzjoni umana.” (1)

Stefania Tanesini

(1) Papa Franġisku lill-Assemblea Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari, 6 ta’ Frar 2021

Sors: Sit internazzjonali tal-Moviment tal-Fokolari

Traduzzjoni: Vivienne Attard




Novità editorjali: “Ngħixu l-Kelma”

Ġabra ta’ 100 Kelma tal-Ħajja, meħuda minn madwar 350 li Chiara Lubich, il-Fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari, kitbet bejn l-1943 u l-2008. Il Kelma tal-Ħajja tiġi ppublikata f’iktar min 96 lingwa, fosthom anke bil-Malti.

Prezz: €10.00

IL-KELMA TAL-ĦAJJA hi parti mill-patrimonju letterarju kbir ta’ Chiara Lubich. Kienet hi stess li welldet l-idea ta’ dan il-fuljett, li aktar minn kumment dwar siltiet mill-Evanġelju, hu kitba kariżmatika, intuwizzjoni, dawl, li jqanqal lil min jaqraha biex jgħix il-Kelma t’Alla u jsarrafha f’ħajja.

Sa mill-bidunett, il-Kelma tal-Ħajja nkitbet bilħsieb li tasal għand kulħadd, u għalhekk dejjem ġiet ippreżentata bħala fuljett modest, u nkitbet b’lingwaġġ li kulħadd jista’ jifhmu, bi stil inċiżiv u dirett.

Matul is-snin, din l-inizjattiva sempliċi offriet kontribut siewi biex id-dinja nisranija tiskopri mill-ġdid jew tiskopri dejjem aktar il-Kelma t’Alla, fil-waqt li offriet “metodu” kif wieħed jgħix il-Kelma u jaqsam mal-oħrajn il-frott tal-għajxien tagħha.

F’dan il-ktieb, wieħed isib għażla ta’ 100 Kelma tal-Ħajja, meħuda minn ġabra ta’ madwar 350 li Lubich kitbet matul 60 sena ta’ ħajja, u li wieħed isib fihom xi ftit mill-wirt spiritwali li ħalliet.

Introduzzjoni għall-ktieb: Mons. Charles Jude Scicluna, Arċisqof ta’ Malta


© Moviment tal-Fokolari, Malta
© Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)
ISBN: 978-9918-0-0656-4
Prezz: €10

Dan il-ktieb jista’ jinxtara min Emmaus Bookshop, Birkirkara
(tel: +356 2149 8343)




Margaret Karram: Rispett għad-drittijiet tal-bniedem permezz tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni

Dikjarazzjoni tal-President tal-Fokolari  dwar  is-sitwazzjoni ta’ vjolenza  li hemm bħalissa fl-Art Imqaddsa: Ġustizzja,djalogu u rikonċiljazzjoni,għodda indispensabbli biex tinbena l-paċi”. 

 

Ruma, 8 ta’ Ottubru  2023

Ma nistax nesprimi t-tbatija li qed inħoss f’qalbi bħalissa għan-nies ta’ Iżrael u tal-Palestina: għal dawk li mietu, għall-feruti,  għal dawk miżmuma  ostaġġi, għal dawk li ma jafux x’sar minnhom,  u għall-familji tagħhom, għal dak  li qed jiġri f’pajjiżi minħabba s-sitwazzjoni gravi ta’ vjolenza li  faqqgħet f’dawn il-ġranet.

Flimkiem mal-Moviment tal-Fokolari kollu, b’fidi kbira ningħaqad mal-appell ta’ Papa Franġisku, ma’ dak tal-Patrijarkat Latin ta’ Ġerusalemm, mal-kliem ta’ paċi ta’ mexxejja ta’ Knejjes Insara differenti u ta’ reliġjonijiet oħra – b’mod partikulari ta’ dawk li jinsabu fir-reġjun Iżraeljan-Palestinjan – biex nitlob li jieqaf l-użu tal-armi, u biex kif qal  Papa Franġisku waqt l-Angelus, wieħed jifhem li “t-terroriżmu u l-gwerra ma jwasslu għal ebda soluzzjoni, u li kull gwerra hi telfa”. 

Ningħaqad ukoll ma’ dawk  li fid-dinja kollha qed joffru talb, tbatijiet u ħidma, fil-waqt li jitolbu lil Alla tal-Paċi u tal-Ġustizzja biex il-paċi tirbaħ fuq il-mibegħda u t-terrur.

Nirringrazzja b’mod partikulari lil dawk li kitbuli minn postijiet fejn hemm il-ġlied, bħall-Ukrajna; dawn esprimew offerta u viċinanza, minkejja li ġa ilhom aktar minn sena jgħixu f’din is-sitwazzjoni traġika.

Ejjew nagħmlu ħilitna kollha biex nibnu dinja fejn il-bnedmin jgħixu bħal aħwa; ejjew nagħmlu dak kollu li nistgħu biex dawn il-popli u dawk kollha li jinsabu fl-istess sitwazzjonijiet ta’nuqqas ta’ stabbilta’ u vjolenza jsibu mill-ġdid it-triq tar-rispett lejn id-drittijiet umani, fejn il-ġustizzja, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni jkunu l-għodda indispensabbli biex tinbena l-paċi.

Margaret Karram
President tal-Moviment tal-Fokolari

 

Sors: www.focolare.org
Traduzzjoni: Vivienne Attard




Is-Sinodu fuq is-Sinodalita’ 

Il-fażi universali tas-Sinodu fuq is-Sinodalita’  tibda fl-4 ta’ Ottubru u tibqa’ sejra sal-aħħar tax-xahar. Margaret Karram, il-President tal-Moviment tal-Fokolari hi fost il-mistednin speċjali għal din il-fażi tas-Sinodu. 

Ninsabu fuq l-għatba tal-fażi universali tas-Sinodu 2021-2024 li ser issir fil-Vatikan. Nhar is-sibt li għadda, 30 ta’ Settembru,  eluf ta’ nies inġabru  fi Pjazza San Pietru  għall-Velja  Ekumenika  li saret bi thejjija għal din il-ġrajja. Din il-velja  kienet organizzata mill- komunita’ ta’ Taizé, b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat tas-Sinodu tal-Isqfijiet, mal-Vikarjat ta’ Ruma, mad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara u mad-Dikasteru għal Lajċi, Familja u Ħajja.

Iż-żgħażagħ kienu l-protagonisti  f’din il-velja li  ħadu  sehem fiha anki  l-464 partiċipant  tas-Sinodu. Wara, dawn il-parteċipanti bdew irtir spiritwali li jintemm it-Tlieta, 3 ta’ Ottubru, u l-għada  jsir il-ftuħ solenni tas-Sinodu li jibda  b’Quddiesa ċċelebrata mill-Papa fil-Vatikan.  

Wara din il-Quddiesa, dawk kollha li ser  jieħdu sehem fis-Sinodu jmorru fis-Sala Pawlu VI  biex jibdew il-ħidma tagħhom, li ddum sad-29 ta’ Ottubru.

Margaret Karram, il-President tal-Moviment tal-Fokolari,  hi waħda  fost id- 9 mistednin speċjali għal dan is-Sinodu. Fil-messaġġ dwar din il-ġrajja li  bagħtet  lill-membri  tal-Moviment fid-dinja kollha,  hi qalet:  

“Ma nistax naħbi l-emozzjoni kbira li qed inħoss; tassew kuntenta li nista’ nieħu sehem personalment f’dan il-mument ta’ grazzja. Jiena konxja li  ser nieħu miegħi lil kull wieħed u waħda minnkom, membri tal-Moviment tal-Fokolari, u din hi wkoll responsabbilta’”.

U  kompliet tgħid:

“Żgur li ħafna minnkom ġa  għexu xi  passi f’din il-mixja sinodali fil-Knejjes lokali tagħhom, u għamlu esperjenza  ta’ xi frott li ġa ħareġ minn dak li sar s’issa. (…)

F’din is-sessjoni li ġejja, aħna msejħin  biex “nimxu dejjem aktar flimkien” bħala poplu t’Alla biex din issir realta’ dejjiema li ngħixuha kuljum fil-ħajja tagħna għall-ġid tal-Knisja u tal-umanita’.

Dan kollu jpoġġi f’qalbi x-xewqa kbira li bħala Moviment tal-Fokolari … ntejbu  r-rabtiet ta’ unita’,….insaħħu u nsebbħu dawn ir-rabtiet, biex inkunu bennejja ta’ dik l-imħabba li tagħmilna aħwa ta’ xulxin kulfejn inkunu”.

Hi temmet il-messaġġ tagħha bi stedina għat-talb;  qalet:

“Fl-aħħar nitlobkom l-aktar ħaġa importanti: it-talb! “Mingħajr  it-talb ma jkunx hemm Sinodu” – hekk saħaq Papa Franġisku. U dan  reġa’ tennieh il-Kardinal Grech, is-Segretarju ġenerali, fil-waqt li ħeġġeġ lil kulħadd biex jitlob b’fidi u b’serjeta’.  Dan ifisser li ngħixu dik il-ġabra li tagħmel spazju għal Alla  biex nisimgħuH,  u  biex qlubna  u l-menti tagħna jkunu mdawla bid-Dawl tiegħu… U   aħna wkoll, bħala parti  mill-poplu kbir t’Alla fid-dinja kollha, nitolbu u noffru   biex is-Sinodu – li l-protagonista tiegħu hu l-ispirtu s-Santu – jagħti ħafna frott   għall-bnedmin kollha tal-lum u tal-ġejjieni”.

Carlos Mana
Focolare Media Office (Ruma)

Source:
www.focolare.org




Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ 2023 / 4

Il-Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ 2023 ġiet fi tmiemha nhar il-Ħadd li għadda,6 ta’ Awwissu, b’quddiesa li  saret fil Parque Tejo Trancao f’Lisbona u li ħadu sehem fiha madwar miljun u nofs ruħ. Fl-aħħar ta’ din iċ-ċelebrazzjoni Papa Franġisku ħabbar li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2027 ser isir f’Seoul, fil-Korea t’Isfel, fil-waqt li stieden liż-Żgħażagħ għall-Ġublew taż-Żgħażagħ 2025, f’Ruma.

Din kienet is-37 edizzjoni ta’ dan l-avveniment dinji li bdieh San Ġwann Pawlu II, u r-raba’ wieħed  li fih ħa sehem Papa Franġisku, li minkejja l-istat fraġli ta’ saħħtu għex ħamest ijiem daqshekk qrib taż-żgħażagħ bi programm intens u mill-isbaħ.

L-esperjenza  f’Lisbona  kienet waħda tassew meraviljuża,  li  ġġenerat ferħ u entużjażmu kbir, fil-waqt li offriet spazju għal riflessjoni u kondiviżjoni.  Ħafna minna segwew il-higħlights tal-programm permezz tal-media, iżda barra minn dawn kien hemm diversi laqgħat oħra, fosthom 270 laqgħa bi 30 lingwa differenti fuq suġġetti importanti  marbutin  mat-tema prinċipali ta’ din il-ġrajja dinjija: “Marija qamet u marret tħaffef….” (Lq1, 39).

Min jista’ jiddiskrvi bIl-kliem l-esperjenza enerġetika ta’ fidi li dawn il-pellegrini żgħażagħ għexu fil-Portugall! Żgur li l-kliem sempliċi ta’ Franġisku, kollu mimli imħabba, kuraġġ, fiduċja u tama naqqax fi qlubhom  marki li ma jħassarhom ħadd.

Qabel it-tluq lejn l-ajruport ta’ Lisbona biex imur lura Ruma, Franġisku sab il-ħin anki biex isellem lil għadd kbir ta’ voluntiera li taw sehemhom f’din il-ġrajja. Qalilhom:

“(…) In-naħa ta’ fuq ta’ Lisbona hemm post jismu Nazare’ fejn bosta  jmorru  biex jammiraw il-mewġ kbir li xi drabi jilħaq mat-tletin metru. F’dawn il-ġranet, intom ukoll kellkom tiffaċċaw mewġa  kbira, mhux ta’ ilma, imma ta’ zgħażagħ. Bil-għajnuna t’Alla, b’ħafna ġenerożita’ u għajnuna, intom affrontajtu  din il-mewġa kbira (…) Grazzi, Obrigado. U  Keep it up! Komplu kunu ‘surfers’ tal-imħabba, fuq il-mewġ tal-karita’!”

Dan il-kliem tal-Papa jgħodd għalina lkoll.

Intant il-grupp tal-Moviment tal-Fokolari li ħa sehem fil-WYD għadu Lisbona; ingħaqad  ma’ żgħażagħ oħra tal-Moviment minn diversi pajjiżi fid-dinja biex jgħixu l-ġranet post-WYD flimkien mal-President tal-Moviment, Margaret Karram.

Vivienne Attard