Solidarjeta’

Għandna xi appartamenti li nikruhom għat-tul, u minkejja li l-aġenti jgħidulna li l-kera hu anqas minn dak li jitlob is-suq, aħna xorta nistaqsu għal ħlas li hu ġust. Nemmnu li rridu nippruvaw ngħixu dak li nemmnu fih!
Wieħed minn dawn l-appartamenti hu mikri lill-familja Taljana li għandhom tifla ta’ 15-il sena. Meta bdiet din il-pandemija, żewġi u jiena ddeċidejna li nagħmlu dak li nistgħu biex ngħinuhom. Għall-ewwel ħsibna li niffrankawlhom il-kera ta’ xahar, iżda mbagħad ġietna idea oħra. Ċempilt lill-mara biex inkellimha u sirt naf li l-laundry fejn taħdem waqqfet ix-xogħol minħabba l-coronavirus. Għidtilha biex ma toqgħodx titħasseb dwar il-ħlas tal-kera u biex iħallsuna meta jkunu jistgħu. Offriet li tħallas nofs il-kera, iżda għidtilha żżommu ħalli jkollhom biex jgħixu. Bdiet tibki u jien bkejt magħha. Kienet tassew grata, bil-kemm setgħet temmen dak li kienet qed tisma’.
Għandna xi appartamenti oħra li huma mikrija lil xi familji mis-Sirja. Kien is-Sibt filgħaxija meta tifel ta’ wieħed minnhom ġie jgħidilna li kienu ser iħallsu l-kera xi ġimgħa wara. Meta żewġi ltaqa’ mal-missier qallu li jifhem is-sitwazzjoni iebsa li qed toħloq il-Covid-19 u li ma kienx hemm għaġla biex iħallsu l-kera. Qallu li konna lesti nistennew ħalli huma jkollhom flus biex ikunu jistgħu jgħixu. Dan is-Sirjan baqa’ skantat. Żewġi qallu wkoll biex jgħid din il-ħaġa lis-Sirjani l-oħra li joqogħdu fl-appartamenti tagħna.
Ftit wara naraw tnejn minnhom ġejjin b’kejk sabiħ li għamlet il-mara ta’ wieħed minnhom. Stajt tara kemm kienu kuntenti bil-mod kif aħna mxejna magħhom!

E.S (Malta)

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.