“Nieħdu ħsieb iċ-ċirku ta’madwarna” – hekk kien it-titlu tal-Mariapoli 2018. U ċ-ċirku li konna mdawrin bih fil-Mariapoli: tfal, żgħażagħ, adulti, familji, saċerdoti, reliġjużi….. kien tassew sabiħ. Konna nies ġejjin minn diversi bliet u rħula u anki barranin. Spikkat il-preżenza ta’ grupp ta’ nies mill-Pakistan, u ġew iżuru l-Mariapoli anki l-Isqof Awżiljarju, l-E. T. Mons. J. Galea Curmi u n-Nunzju Appostoliku, l-E.T. Mons. A. D’Errico.
Iżda l-weekend fil-Belt ta’ Marija fetaħ għajnejna għal ċirku ferm aktar wiesgħa minn dak li konna mdawrin bih hemmhekk u wassalna biex nirriflettu fuq diversi sitwazzjonijiet li niltaqgħu magħhom fiċ-ċrieki tagħna fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-programm tal-Mariapoli kien mibni fuq id-diskors li Papa Franġisku għamel f’Loppiano, Mejju li għadda. Il-kliem tal-Papa, il-ħsibijiet ta’ Chiara, id-diskussjonijiet, l-esperjenzi, il-laqgħat fi gruppi, l-attivitajiet…..kollox għen biex nirriflettu fuq il-ħajja fiċ-ċrieki ta’ madwarna u anki biex nagħrfu l-ħtieġa ta’ impenn bis-serjeta’ għal dinja fejn isaltnu l-armonija, il-ġustizzja, is-solidarjeta’, il-fiduċja …. u fejn il-bnedmin jagħrfu li huma aħwa ta’ xulxin.
Jekk inħarsu lejn iċ-ċrieki ta’ madwarna ma nistgħux ma nilmħux il-ħażen, il-kruha, id-dlam, il-firda….. , iżda l-jiem tal-Mariapoli wrewna li t-tajjeb, il-ġmiel, id-dawl dejjem jixirfu u li aħna nistgħu nkunu għodda biex il-valuri tal-Vanġelu jidhru f’għamliet ġodda.
Wara l-Mariapoli żgur li nistgħu nħarsu lejn iċ-ċrieki ta’ madwarna b’dawl ġdid u nieħdu ħsiebhom b’impenn sħiħ u b’enerġija mkebbsa bin-nar tal-imħabba!
Vivienne Attard
Be the first to comment