Waħda mill-ħbieb tagħna li tagħmel parti mill-Fraternita’ ta’ Charles de Foucauld tirrakkonta:
“Kien kmieni filgħodu, smajt it-telefon idoqq u meta weġibt sibt li kien reliġjuż ġiżwita. Talab l-għajnuna tiegħi bħala nurse għax fil-kunvent kien hemm xi patrijiet li nstabu pożittivi għall-corona virus. Qabel ma rqadt, kont tlabt lil Ġesu’ jużani kif irid hu; malajr sama’ talbi. U rajt li stajt inwieġeb għax fil-verita’ ma kien hemm xejn xi jżommni. Ħassejt li f’dan iż-żmien tal-pandemija kelli nwarrab it-tbatija tiegħi u nwieġeb għat-tbatija ta’ madwari. Għalkemm xi membri tal-familja ma tantx kienu kuntenti li ser inpoġġi ruħi fil-periklu tal-virus, bdejt immur ngħin f’dan il-kunvent.
Indunajt kemm kien hemm tassew bżonn tal-għajnuna, u bdejt nagħti s-servizz tiegħi mill-aħjar li stajt: tqassim ta’ mediċini, ta’ ikel u bżonnijiet sanitarji oħra. Din id-darba ma kellix immur ‘l bogħod f’art tal-missjoni f’xi pajjiż imbiegħed biex naqdi; kont qed naqdi f’post fejn missjunarji li ħadmu għal snin f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, issa kienu fi kmajra ċkejkna, waħidhom, ‘l bogħod mill-ħajja mdorrijin biha. Il-gratitudni, is-skiet, it-tbissima tagħhom, kellmuni u wassluni biex nirrifletti. Ħassejt lil Alla jkellimni u qalbi ntliet b’ħafna ferħ u sliem.
Għext esperjenza tassew speċjali. Rajt l-id tal-Providenza anki fir-rigali li waslu fi żmien il-Milied mingħand diversi ħbieb li xtaqu jagħtu s-sehem tagħhom f’din l-avventura ta’ mħabba li kont qed ngħix jien. Fhimt b’mod ġdid l-imħabba kbira t’Alla għalina li ġie jgħammar fostna biex jurina dik it-triq tal-imħabba – triq ħafna drabi mgħejxa fis-skiet – li tagħmilna lkoll tassew familja waħda. Nista’ ngħid li ħassejt ħajti tiġġedded fis-skiet!”
R.F (Malta)
Be the first to comment