“Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni” (Sal 25 [24],4).
Dan is-salm jurina bniedem li qed iħossu mdawwar minn perikli u theddid. Issa jinsab fil-bżonn li jsib it-triq it-tajba, li fl-aħħar tkun tista’ twasslu fiż-żgur. Lejn min se jdur? Hu jaf tajjeb kemm hu bniedem fraġli, imma fl-aħħarnett jgħolli għajnejh u jgħajjat lill-Mulej, Alla ta’ Iżrael, li qatt ma abbanduna l-poplu tiegħu, imma mexxieh minn vjaġġ twil fid-deżert sa ma wasslu fl-Art imwiegħda.
L-esperjenza tal-mixja tqanqal it-tama f’min jinsab iterraq. Hi okkażjoni privileġġata biex idur lejn Alla, biex jintelaq kollu fiduċja fl-imħabba fidila Tiegħu, minkejja li hu bniedem li m’għandux il-ħila jżomm kelmtu.
Meta l-Bibbja titkellem fuq xi ħadd li jinsab miexi m’Alla, dan il-mixi jfisser lezzjoni ta’ ħajja, li biha nitgħallmu nagħrfu l-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni.
“Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni”.
Sikwit, wara li nkunu mxejna waħedna għax naħsbu li ma neħtieġu lil ħadd, inħossuna mitlufin, imħawdin, u nsiru konxji tan-nuqqasijiet tagħna. Ix-xewqa tagħna tkun li nsibu d-direzzjoni t-tajba għal ħajjitna, li biha ngħaddu mit-triq li twassalna fejn għandna naslu.
Dan hu Salm li jgħinna ħafna; iħeġġiġna nġeddu l-esperjenza tagħna m’ Alla jew nagħmlu waħda ġdida għal kollox li biha naslu biex niltaqgħu personalment miegħu, għax qalbna qawwija bil-ħbiberija tiegħu.
Hu jqawwilna qalbna biex nisimgħu t-tagħlim tiegħu, li l-ħin kollu jistedinna noħorġu minna nfusna biex nimxu warajh mit-triq tal-imħabba, li Hu stess jimxi minnha biex jiltaqa’ magħna.
Tista’ tkun xi talba li timxi magħna matul il-jum u li biha kull mument, ta’ ferħ jew ta’ tbatija, isir parti mill-mixja tagħna.
“Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni”.
Hedy, omm ta’ erbat itfal mill-Isvizzera, ilha żmien tagħmel kull ma tista’ biex tgħix il-Kelma. Issa hi tinsab marida serjament u taf li qed joqrob il-mument li fih tasal fid-destinazzjoni wara din il-mixja tagħha fuq l-art.
Kati, il-ħabiba għażiża tagħha, tirrakkonta: “Kull darba li jmur iżurha xi ħadd, anki dawk li jieħdu ħsiebha, Hedy dejjem iddur lejhom, tinteressa ruħha fihom, avolja issa sar diffiċli ħafna titkellem. Hi tirringrazzja ʼl kull min ikun ħdejha u tirrakkonta l-esperjenza tagħha. Fiha tara biss mara kollha Mħabba, li qalet iva għar-rieda t’Alla! Hi tiġbed lejha ħafna nies: ħbieb, qraba, saċerdoti. Kollha jibqgħu milqutin bl-attenzjoni li tagħti ʼl kull min imur iżurha u għall-qawwa li għandha, li hi frott tal-fidi tagħha fl-imħabba t’Alla”.
Chiara Lubich tgħid li l-ħajja tagħna hi bħal ‘vjaġġ qaddis’ : «[…] Il-‘vjaġġ qaddis’ hu simbolu tal-vjaġġ tagħna li jwassalna għand Alla. […] Għaliex, mill-unika ħajja tagħna, ma nagħmlux vjaġġ, vjaġġ qaddis, għax Qaddis hu Dak li qed jistenniena? […] Anki min m’għandux twemmin reliġjuż jista’ jagħmel kapulavur minn ħajtu, billi jimxi b’ impenn morali ġust. […] La l-ħajja hi “vjaġġ qaddis” li jeħodna fit-triq tar-rieda t’Alla, il-mixja tagħna ʼl quddiem trid titjieb kuljum. […]
U meta se nieqfu? […] Irridu nċedu u ma nibqgħux mexjin għax qtajna qalbna minħabba l-iżbalji tagħna? Le, f’mumenti bħal dawn irridu “nerġgħu nibdew” il-mixja […] u nintelqu għal kollox fil-grazzja t’Alla, aktar milli fil-ħila tagħna. […] U fuq kollox, irridu nimxu flimkien, magħqudin bl-imħabba, u ngħinu lil xulxin. B’hekk il-Qaddis ikun f’nofsna u Hu jsir it-“Triq” tagħna. Imbagħad b’mod aktar ċar ifehimna xinhi r-rieda t’Alla u jpoġġi f’qalbna x-xewqa u l-ħila li nwettquha. Jekk inkunu magħqudin, kollox ikun aktar faċli u niksbu l-beatitudni mwiegħda ʼl min jibda dan il-‘Vjaġġ Qaddis’” .
Letizia Magri
Be the first to comment