Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom” (Ġak 1, 22)
L-awtur tal-Kelma tal-Ħajja magħżula għal dan ix-xahar jagħti importanza lis-smigħ u l-għixien tal-Kelma t’Alla. Tant hu veru li din l-Ittra tkompli hekk: “Imma dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jisma’ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fil-għemil tiegħu” (Ġk 1, 25). Fil-fatt dak li jagħmilna nies ħielsa u ferħana hu meta nagħmlu l-almu tagħna biex nagħrfu Kliemu u ngħixuh.
Nistgħu ngħidu li dak li hemm fil-vers ta’ dan ix-xahar kien dak li ta bidu għall-Kelma tal-Ħajja, li mbagħad xterdet mad-dinja kollha. Darba fil-ġimgħa, u aktar ‘il quddiem darba fix-xahar, Chiara Lubich kienet tagħżel silta mill-Kotba Mqaddsa u tikkummentaha. Kienu jiltaqgħu flimkien, jaqsmu l-frott tal-għixien tal-Kelma billi jirrakkontaw l-esperjenzi tagħhom, u hekk bdiet tifforma ruħha komunità magħquda li ftit ftit bdiet tinbidel.
“Fis-sempliċità tagħha, din l-inizjattiva għenet ħafna biex niskopru l-Kelma ta’ Alla fid-dinja Nisranija tas-seklu għoxrin”1, għax ġabet magħha “mod” ġdid kif ngħixu l-Vanġelu u naqsmu flimkien l-effetti li tkun ħalliet fina.
“Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom”.
Din l-Ittra ta’ San Ġakbu tgħidilna dak li Ġesù ħabbar biex aħna ngħixu r-realtà tas-Saltna tas-Sema fostna. Hu jagħraf bħala ommu u ħutu ʹl kull min jisma’ l-Kelma u jħarisha 2 ; iqabbilha ma’ żerriegħa li taqa’ fuq art tajba, jiġifieri f’dawk li jisimgħu b’qalb safja u bnina u jħarsuha, għax dawn jagħtu frott billi jibqgħu jżommu sħiħ 3.
Chiara Lubich kitbet hekk: “Kull Kelma ta’ Ġesù turi l-imħabba kollha tiegħu lejna. Jekk ngħixuha u nagħmluha tagħna, niskopru l-qawwa li tħalli fina u madwarna. Ejjew insiru midħla tal-Vanġelu, inħobbuh u nħalluh jibdilna biex inkunu nistgħu nwasslu l-ħajja tiegħu fina lill-oħrajn. […] Imbagħad nindunaw li sirna nies ħielsa minna nfusna, min-nuqqasijiet tagħna, minn dak li jgħassarna. Mhux biss, imma naraw bidla radikali ta’ mħabba fis-soċjetà li fiha ngħixu, kemm-il darba nħallu ʹl Ġesù jgħix fina”4.
“Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom”.
Issa kif se ngħixu din il-Kelma? Ejjew nagħtu ħarsa madwarna u nagħmlu ħilitna kollha biex inkunu ta’ servizz għal kull min jinsab fil-bżonn, b’azzjonijiet żgħar jew kbar. Irridu nagħtu s-sehem tagħna fis-soċjetà biex jinbidlu dawk l-istrutturi li mhumiex ġusti, neħduha kontra kull xorta ta’ vjolenza u naħdmu għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni, inkunu aktar sensittivi u naħdmu favur il-ħarsien tal-ambjent.
B’hekk naraw isseħħ bidla awtentika fil-ħajja tagħna, f’dik tal-komunità li fiha ngħixu, u fuq il-postijiet tax-xogħol fejn naħdmu.
L-imħabba tissarraf f’azzjonijiet soċjali u politiċi li jfittxu jibnu dinja aħjar. Il-komunità tal-Fokolari ġo Làmud, belt fl-Amazzonja tal-Perù li tinsab 2,330 metru ʹl fuq mill-baħar, twaqqaf Ċentru biex jilqa’ fih l-anzjani, u li ssemma’ għal Chiara Lubich.
“Dan iċ-Ċentru ġie inawgurat meta l-pandemija tal-Covid kienet fl-aqwa tagħha, u jilqa’ fih 50 anzjan li qabel kienu jgħixu waħedhom. Il-binja, l-għamara, bżonnijiet oħra u anki xi affarijiet tal-ikel ġew mogħtija b’xejn mill-komunità li hemm tgħix fil-qrib. F’Marzu tal-2022, f’għeluq l-ewwel sena mit-twaqqif tiegħu, iċ-Ċentru fetaħ il-bibien tiegħu u saret festa li fiha ħadu sehem anki l-awtoritajiet politiċi. Matul il-jumejn ta’ ċelebrazzjonijiet daħlu jaħdmu volontarji ġodda, kemm nies adulti kif ukoll tfal, biex jieħdu ħsieb tan-nanniet li jgħixu waħedhom, u b’hekk il-familja tagħhom kibret”5.
Patrizia Mazzola
u t-team tal-Kelma tal-Ħajja
- C. Lubich, Parole di Vita, b’daħla ta’ Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma 2017, pġ. 9.
- Ara Lq 11, 28.
- Ara Lq 8, 15.
- C. Lubich, Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru, 2006, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma 2017, pġ. 790.
- Moviment tal-Fokolari, https://www.focolare.org/wpcontent/uploads/2024/01/BdC-2022-2.pdf, pġ.67
Be the first to comment