Assemblea Ġenerali – Djarju 4 – 27/01/2021

Nitqaddsu fil-kumpannija ta’ xulxin

Waqt it-tielet u l-aħħar ġurnata tal-irtir spiritwali matul l-Assemblea ġenerali, l-ikona tat-Trinità Qaddisa kienet fil-qalba tal-meditazzjonijiet, riflessjonijiet u komunjoni. Kienet ippreżentata bħala mudell tal-“qdusija kollettiva” (Maria Voce) u ta’ rabtiet ta’ mħabba li jwasslu għall-“pjan t’Allafuq kull persuna (Claudio Guerrieri).

Ma tistagħġibx li t-talba ekumenika tal-bidu ġiet imħejjija minn Insara ta’ żewġ Knejjes Ortodossi, għax fit-tradizzjonijiet ta’ dawn hemm teżor kbir ta’ riflessjonijiet u kontemplazzjonijiet dwar it-Trinità Qaddisa.

Fil-meditazzjoni tagħha, Maria Voce, li waslet biex tħalli l-post tagħha bħala President tal-Fokolari, għal darb’oħra ġibdet l-attenzjoni dwar l-iskop ġenerali tal-Moviment: “il-perfezzjoni fil-karità”, kif kitbet Chiara Lubich. Dan ifisser li wieħed jasal għall-milja tiegħu nnifsu billi jagħti lilu nnifsu lill-oħrajn: xi ħaġa li f’termini forsi aktar klassiċi wieħed jista’ jagħti d-definizzjoni tagħha bħala qdusija. Iżda Maria Voce saħqet li l-qdusija tipika tal-Fokolari hi: “qdusija kollettiva”.

Biex fissret dan il-kunċett, il-President marret lura lejn l-istorja tal-bidu tal-Moviment fejn naraw lil Chiara u l-ewwel ħbieb tagħha jgħixu r-radikalità tal-Vanġelu, ħajja “għal Alla u għall-oħrajn – kif tispjega Chiara stess – fejn insejna kompletament lilna nfusna, u dak kollu li seta’ jwassalna biex nħarsu biss lejna nfusna”. B’hekk twieldet triq ta’qdusija ġdida “radikali u ħafifa, qdusija miftuħa għal kulħadd, mgħejxa flimkien fil-familja, fid-dinja ta’ madwarna”, qdusija fil-kumpannija tal-oħrajn. Din il-qdusija titlob li nisimgħu dak li Alla jrid minna personalment, iżda waqt li nagħmlu dan, nagħrfu li aħna ninsabu f’mixja flimkien ma’ oħrajn, anzi nħarsu lejn l-ieħor u lejn il-preżenza t’Alla fih.

Il-filosfu Taljan, Claudio Guerrieri, membru tal-Iskola Abba, iċ-ċentru ta’ studju tal-Moviment tal-Fokolari, kompla dawn ir-riflessjonijiet billi ffoka fuq l-effetti tal-“qdusija kollettiva”, li minnha joħroġ il-vera personalità ta’ kull wieħed, il-pjan t’Alla għal kull persuna. Dan l-aspett insibuh fil-kitbiet mistiċi ta’ Chiara Lubich fis-snin 1949/1950, li joffru mudell ta’ komunjoni u ta’ unità “li mhux uniformi, imma jħaddan fih pluralità ta’ ilħna, fejn kull wieħed jesprimi l-kollox bħala parti”. U dan jidher fil-fatt li fil-Moviment tal-Fokolari, barra Chiara Lubich, hemm żewġ ko-fundaturi oħra: Igino Giordani u Pasquale Foresi, li l-“pjan” tagħhom wassal għall-ftuħ u l-inkarnazzjoni tal-kariżma ta’ Chiara.

Hekk ġew fi tmiemhom it-tliet ijiem ta’ rtir profond, li f’xi waqt forsi setgħu wkoll skussaw xi ftit , iżda qanqlu bis-sħiħ biex wieħed jimmatura fl-għażliet. Waqt il-komunjoni li saret fl-aħħar, wieħed miż-żgħażagħ qal: “(Dawn il-ġranet) kienu okkażjoni biex nisimgħu lil xulxin u biex infittxu li nifhmu liema hi t-triq li l-Ispirtu s-Santu qed isejjaħ lill-Moviment tal-Fokolari biex jimxi fiha fiż-żmien li ġej, u f’idejn min għandna nafdaw it-mexxija tal-Opra fl-isfidi u l-opportunitajiet fis-sitt snin li ġejjien”.

Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Moviment tal-Fokolari

Source: https://www.focolare.org/en/news/2021/01/27/saints-together/

Traduzzjoni bil-Malti: Vivienne Attard

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.