Assemblea ġenerali – Djarju 6 –  29 ta’ Jannar  2021

Ħidma fi gruppi – id-djalogu fiċ-ċentru

Il-metodoloġija ta’ ħidma fi gruppi li qed tintuża llum u għada fl-Assemblea ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari tissejjaħ “Open Space Technology”. B’din is-sistema, l-359 parteċipant mid-dinja kollha li huma kollegati online jistgħu jinqasmu fi gruppi virtwali u jitkellmu u jiddjalogaw daqslikieku kienu miġbura bilqiegħa madwar mejda.

Biex ikun aktar faċli għal dawk kollha li qed jieħdu sehem, is-sessjonijiet ta’ ħidma qed isiru fi tliet ħinijiet differenti li jgħoddu għad-diversi pajjiżi skont it-time zones li jinsabu fihom: l-Asja u l-Oċeanja; l-Afrika, l-Ewropa u l-Lvant Nofsani; l-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel.

Il-fatt li l-Assemblea  tiddedika ġranet differenti għal ħidma fi gruppi,  biex ikun hemm qsim ta’ ideat u diskussjoni fuq temi differenti, juri l-ħtieġa u ċ-ċentralità ta’ djalogu globali. Dan beda madwar sentejn ilu fil-mixja li saret  qabel l-Assemblea u li fiha ħadu sehem il-komunitajiet  tal-Fokolari mifruxa mad-dinja kollha.  Individwi u gruppi ħadu sehem f’din ir-riflessjoni dinjija, li minnha ħarġu aktar minn 3,000 proposta  dwar dak li għandu jiġi diskuss f’dawn il-ġranet.  Dawn il-proposti waslu għand il-Kummissjoni li ppreparat l-Assemblea, u għal raġunijiet prattiċi nġabru f’16-il taqsima. Minn sondaġġ ieħor li sar dwarhom ħarġu dan l-4 prijoritajiet:

  • Nidħlu fil-fond tal-kariżma tal-unità llum;
  • nikkonkretizzaw il-kariżma f’kull qasam, f’kollaborazzjoni mal-Knisja, istituzzjonijiet, membri ta’ reliġjonijiet differenti u  nies ta’ rieda tajba;
  • nagħtu attenzjoni partikulari lill-ekoloġija integrali li tagħraf tieħu ħsieb il-persuna, il-familja u d-dar komuni tagħna, b’ħarsu lejn il-ġejjieni;
  • ngħixu d-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet b’mod partikulari mal-ġenerazzjonijiet ġodda.

F’dawn l-ewwel ġranet ta’ Assemblea, il-parteċipanti żiedu tliet gruppi ta’ argumenti oħra:

  • il-familja
  • it-tmexxija (governance)
  • l-għażla ta’ dawk li huma fl-aħħar post, l-imwarrbin.

Dak li joħroġ mill-gruppi ta’ ħidma f’dawn il-ġranet ikun kontribut fundamentali biex jiġi ddraftjat  “id-dokument finali” li fih ikun hemm il-prospettivi  u l-orjentamenti għall-ġejjieni,  “għal-linji li mbagħad iridu jkunu elaborati  u attwati l-aktar fl-lokal u f’sinerġija profonda bejn iċ-Ċentru internazzjonali u l-Moviment li jinsab fiż-żoni differenti”, kif awgurat Maria Voce.

Id-dokument finali jaħdmu fuqu tmien parteċipanti fl-Assemblea li jiffurmaw il-kumitat li hu afdata b’din il-ħidma.  Imbagħad id-draft tad-dokumnet  jitpoġġa għall-approvazzjoni tal-Assemblea.

Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Moviment tal-Fokolari

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.