“Ibqgħu mexjin ‘il quddiem”

It-Tnejn, 2 ta’ Settembru, Maria Voce, President tal-Moviment tal-Fokolari, u Jesús Morán, Viċi-president, kellhom udjenza privata mal-Papa Franġisku.

Photo credit © Vatican Media

Maria Voce: “Għadna kif ħriġna mill-udjenza mal-Papa li fiha tajnieh ktieb tal-kollegamenti internazzjonali li Chiara Lubich kienet tagħmel meta kienet ħajja, kif ukoll ikona tal-Madonna, bit-titlu: “Ferħ ta’ min qed ibati”. Il-Papa apprezza ħafna r-rigali li ħadnielu. Qalilna li t-titlu tal-ikona għoġbu ħafna u qatt ma kien sema’ bih. Din l-ikona fakkritu fl-aħħar paġna ta’ ktieb ta’ A. Manzoni li fiha l-awtur jiddeskrivi l-lebbrużi kollha li jduru lejn il-Madonna fit-talb tagħhom biex teħlishom minn dik il-marda qalila. Ħassejna ħafna l-fiduċja kbira u l-apertura tal-Papa li dam jgħidilna ħafna: “Ibqgħu mexjin `il quddiem”. Hu rringrazzjana tat-tajjeb li qed nagħmlu u deher li kien kuntent ħafna biż-żjara tagħna. U kompla: “Itolbu għalija”. Aħna żgurajnieh li nagħmlu hekk u jiena għidtlu: ‘Illum il-membri kollha tal-Moviment qed jitolbu għal din il-laqgħa, għax jafu li ġejna għandek, u mhux il-membri kattoliċi biss, imma kollha'”.

Photo credit © Vatican Media

Jesús Morán: “Naħseb li din kienet laqgħa li fiha ħassejna l-imħabba ta’ bejnietna, għax il-Papa baqa’ jgħidilna: “Grazzi ta’ kull ma qed tagħmlu, ibqgħu mexjin `il quddiem”. U mbagħad għidnielu: “Aħna nżommu ma’ dak kollu li inti tagħmel; niddefendu kull ħsieb tiegħek”. Dak il-ħin ftakart fl-udjenza ta’ Chiara mal-Papa Pawlu VI, fejn hu qalilha: “Hawnhekk kollox hu possibbli”. Il-Papa Franġisku kompla jgħidilna: “Ibqgħu mexjin `il quddiem, wasslu l-profeziji ta’ Chiara”. U mbagħad tkellimna fuq ħafna affarijiet konkreti.”

Maria Voce: “Hu wriena d-dispjaċir tiegħu għal dak kollu li jmur kontra l-paċi, għall-gwerer li għadhom għaddejjin anki bejnietna. Qalilna: “Anki fi ħdan il-Knisja ssib min jaħsibha differenti. Possibbli ma nitgħallmu xejn mill-istorja? Jagħtini li nibki meta nisma’ min jitkellem kontra l-paċi”. Imbagħad qalilna xi ħaġa sabiħa ħafna, qal li xi drabi aħjar titlob maħfra milli titlob permess, li forsi aħjar tiżbalja biex imbagħad titlob maħfra.”

Photo credit © Vatican Media

Jesús Morán: “Kien iddispjaċut ħafna għall-imwiet li jsiru minħabba n-nuqqas ta’ paċi. Meta tkellimna fuq l-Ewropa wera t-tħassib tiegħu u dak il-ħin kellimnieh fuq il-Mariapoli Ewropea. Imbagħad semmejnielu ċ-ċentinarju mit-twelid ta’ Chiara u hu apprezza l-fatt li aħna mhux se niċċelebrawh bħala kommemorazzjoni, imma għax inħossu li l-Kariżma ta’ Chiara hi xi ħaġa attwali ħafna.”

Maria Voce: “Ħaġa li ħassejna hi li hu għandu ħafna għal qalbu s-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-isqfijiet, tant li qalilna biex ngħinu ‘l-Knisja f’dawn l-oqsma.”

Tony Aquilina


Ara l-intervista fuq Vimeo (bit-Taljan): https://vimeo.com/357332500

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.