Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2023

Tħejjija għal Jum Dinji taż-Żgħażagħ: mixja lejn is-sena 2023 meta ż-żgħażagħ jiltaqgħu ma’ Papa Franġisku f’Lisbona.

Fost dawk li batew ħafna f’daż-żmien ta’ emerġenza sanitarja nsibu liż-żgħażagħ, li kellhom jinfatmu mill-ħajja tas-soltu, jiefqu jmorru l-iskola jew l-università, xi wħud jiefqu anki għax-xogħol, u jsibu ruħhom maqtugħa barra mill-ħajja soċjali, mill-ħbieb.

Iżda hu veru wkoll li ż-żgħażagħ huma fuq quddiem fejn tidħol is-solidarjetà: huma jagħtu sehemhom biex ixerrdu t-tama, biex jibnu l-paċi u jieħdu ħsieb l-ambjent. Papa Franġisku semagħhom, sema’ dak li għexu u li għadhom qed jgħixu. U ftit ġranet ilu tahom il-messaġġ għal Jum Dinji taż-Żgħażagħ Novembru 2021 fejn bi kliem meħuda mill-Atti tal-Appostli għamlilhom stedina personali: “Qum! Nagħmlek xhud tad-dehra li fiha rajtni!” (ara Atti 26:16). Dan hu kliem San Pawl waqt li jirrakkonta l-konverżjoni tiegħu.

F’dan il-messaġġ il-Papa ikellem liż-żgħażagħ dwar il-laqgħa personali li ż-żagħżugħ Pawlu ta’ Tarsu kellu ma’ Kristu fi triqtu lejn Damasku. U waqt li jagħmel dan, bħal qisu irid isejjeħ lil kull żagħżugħ u żagħżugħa b’ismhom u jurihom li jrid jimxi magħhom il-mixja ta’ xhieda ta’ Kristu. Ħeġġiġhom “iqumu” biex bl-esperjenza tagħhom jagħtu xhieda tal-imħabba u r-rispett li jibnu r-relazzjonijiet umani, jiddefendu l-ġustizzja soċjali, il-verità, id-drittijiet tal-bniedem ikunu xhieda ta’ ħarsa ġdida li tħares lejn id-dinja bħala d-dar komuni tagħna u biex kuraġġ jiddefendu l-ekoloġija integrali. Talabhom juru li wieħed dejjem jista’ jerġa’ jibda mill-ġdid u li Kristu hu ħaj.

“Inħares lejn dan il-messaġġ bħala sfida kbira għalina ż-żgħażagħ”, qalet Klara María Piedade, żagħżugħa ta’ 27 sena mill-Brażil, fil-waqt li kompliet tisħaq fuq ir-responsabbiltà taż-żgħażagħ li jagħtu sehemhom għal dinja magħquda.

Klara hi waħda miż-żgħażagħ li din is-sena jinsabu fiċ-Ċentru ta’ Żgħażagħ Għal Dinja Magħquda tal-Moviment tal-Fokolari. Dawn iż-żgħażagħ ilhom minn Mejju jaħdmu fuq aspetti differenti li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tad-dar komuni tagħna skont it-tagħlim tal-Laudato Si’.

Dare to care hu l-programm tagħhom, li din is-sena qed jiffoka fuq il-ħarsien tal-ambjent. “Jeħtieġ li nkunu protagonisti”, kompliet tgħid Klara “mhux biss bil-kliem imma bil-fatti. Nistgħu nġibu bidla fid-dinja jekk inkunu aħna li nagħmlu l-ewwel pass. U importanti ħafna li ningħaqdu ma’ dawk li ġa qed jagħtu sehemhom”.

Għadu kemm tħabbar li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ser isir f’Awwissu 2023, f’Lisbona fil-Portugall. Intant dan il-jum ikun imfakkar fil-festa ta’ Kristu Re fid-djoċesijiet tad-dinja kollha. Ser tibda mixja ta’ tħejjija biex iż-żgħażagħ ikunu miftuħa għas-sorpriżi t’Alla “li jrid li d-dawl tiegħu jiddi fuq il-mixja tagħna”.

Meħuda minn kitba ta’ Carlos Mana


Official website of World Youth Day:
https://www.lisboa2023.org/en


 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.