Kelma tal-Ħajja ta’ April

Download pdf


“Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20, 29).

Il-Vanġelu ta’ Ġwanni jiddeskrivi l-laqgħat li l-appostli, Marija Madalena u d-dixxipli l-oħra kellhom ma’ Ġesù Rxoxt. Ħafna drabi Hu wera lilu nnifsu bis-sinjali tal-passjoni tiegħu, biex jerġa’ jiftħilhom qalbhom għall-ferħ u t-tama. Darba minnhom deherilhom meta l-appostlu Tumas ma kienx qiegħed magħhom. L-oħrajn, li kienu raw ‘il Ġesù, irrakkuntawlu din l-esperjenza tal-għaġeb, forsi riedu jwasslulu l-ferħ li kienu ħassew. Imma Tumas ma setgħax jaċċetta dak li qalulu; hu stess ried li jara u jmiss ‘il Ġesù. U hekk ġara ftit tal-ġranet wara: Tumas kien mad-dixxipli meta Ġesù reġa’ deherilhom u Tumas kien qiegħed magħhom. Hu stqarr il-fidi tiegħu u għaraf ‘il Ġesù Rxoxt bħala: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. U Ġesù qallu:

“Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.

Dan il-Vanġelu nkiteb wara li n-nies li kienu xhieda tal-ħajja, il-mewt u l-irxoxt ta’ Ġesù kienu diġà mietu. Il-messaġġ tal-Vanġelu kellu bilfors jingħata f’idejn il-ġenerazzjonijiet ta’ wara, u din l-aħbar isserraħ fuq ix-xhieda ta’ dawk li kienu rċevewha. Hekk beda ż-żmien tal-Knisja, il-poplu t’Alla li qed ikompli jħabbar il-messaġġ ta’ Ġesù billi jgħaddi fedelment il-kelma Tiegħu u jgħix skont ma tgħid hi. Aħna wkoll iltqajna ma’ Ġesù, mal-Vanġelu u mal-fidi nisranija permezz tal-kelma u x-xhieda ta’ nies oħra, u emminna. Għalhekk aħna “hienja”.

“Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.

Biex ngħixu din il-Kelma, ejjew niftakru f’din l-istedina ta’ Chiara Lubich: “Hu jrid li int u dawk kollha li ma għexux fi żmienU, tkunu konvinti li għandkom l-istess realtà tal-Appostli. Ġesù jrid jgħidlek li inti m’intix inqas minn dawk li kienu rawH b’għajnejhom. Inti għandek il-fidi, u din hi l-mod ġdid li bih, biex ngħid hekk, “naraw” ‘il Ġesù. Bil-fidi inti tista’ tersaq ħdejH, tifhmu sew u tiltaqa’ miegħu fil-fond ta’ qalbek. Bil-fidi inti tista’ tiskopri li Hu jinsab fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismu, jew fil-Knisja, li hi l-kontinwazzjoni Tiegħu. […] Dan il-kliem ta’ Ġesù qed isejjaħlek biex issaħħaħ il-fidi tiegħek, biex ma tistennix appoġġi jew sinjali li bihom tikber fil-ħajja spiritwali tiegħek, biex ma tiddubitax mill-preżenza ta’ Kristu f’ħajtek u fl-istorja tal-bniedem, għalkemm  Hu jista’ jidher ‘il bogħod minnek […]. Hu jridek temmen f’imħabbtU, anki jekk tinsab f’sitwazzjonijiet diffiċli, jew magħfus b’ċirkustanzi impossibili”. 1

Anne, tfajla Awstraljana li twieldet b’diżabiltà serja, tirrakkonta: “Meta kont għadni tfajla, tant kont inħoss it-toqol tad-diżabiltà tiegħi li kont nistaqsi lili nnifsi l-għala ma mittx mill-ewwel. Il-ġenituri tiegħi, li jgħixu l-Kelma tal-ħajja, kienu jagħtuni dejjem l-istess tweġiba: “Anne, Alla jħobbok b’imħabba mill-aktar kbira u għandu pjan speċjali għalik”. Quddiem il-limiti tiegħi, huma għenuni biex ma niqafx quddiem id-diffikultajiet tiegħi, imma “biex nibda nħobb lill-oħrajn jien l-ewwel”, l-istess kif Alla għamel magħna. Rajt li ħafna sitwazzjonijiet ta’ madwari nbidlu u ħafna nies bdew huma stess ikunu aktar miftuħa, lejja u lejn l-oħrajn. Irċevejt messaġġ personali mingħand missieri li tahuli biex niftħu wara mewtu. Fih kien hemm miktub hekk: “Għalija, il-lejl mhuwiex mudlam”. Din hi l-esperjenza li nagħmel kuljum: kull meta nagħżel li nħobb u naqdi ‘l dawk ta’ madwari, id-dlam jintemm u jirnexxili nħobb bl-imħabba li Alla għandu għalija”.

Letizia Magri

1. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja ta’ April 1980, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017),  pp. 169-170.

Related experience: “My Night has no Darkness” (Source: www.focolare.org)

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.