Stejjer ta’ min qed jieħu ħsieb

Ejjew ma nċedux għat-tentazzjoni u ngħidu li ma impurtaniex mill-oħrajn, l-aktar minn dawk li huma dgħajfa; ejjew ma nidrawx indawru wiċċna n-naħa l-oħra, imma nimpenjaw ruħna b’mod konkret biex kuljum nibnu komunità  ta’ aħwa li jilqgħu lil xulxin u jieħdu ħsieb xulxin.”

Dan il-kliem qalu Papa Franġisku  fil-messaġġ tiegħu għal Ġurnata Dinjija tal-Paċi 2021. U aħna xtaqna nibdew is-sena 2021 b’xi stejjer ta’ min qed jimpurtah u jieħu ħsieb.

It-Teens4Unity tal-Messiku rrakkuntaw: “Xtaqna nagħmlu proġett li jħalli mpatt kemm fuq is-soċjeta’ kif ukoll fuq l-ambjent. U ġietna l-idea li niġbru t-tappijiet tal-plastik biex bil-flus li ndaħħlu minnhom inkunu nistgħu ngħinu fondazzjoni li tieħu ħsieb nies morda bil-kanċer.  Għidna: b’hekk nistgħu nagħtu s-sehem tagħna kemm għall-ħarsien tal-ambjent kif ukoll biex tingħata kura lil dawn il-morda. S’issa għamilna  23 konsejna ta’ tappijiet u f’anqas minn sena ġbarna mal-miljun tapp. Barra minn hekk ġbarna wkoll skart li jista’ jiġi riċiklat u bil-flus li daħħalna stajna nagħtu għajnuna għall-ikel fi sptar, ħwejjeġ lil xi persuni li r-riżorsi tagħhom huma limitati u għenna wkoll xi djar tal-kura. Irnexxilna anki nħawlu siġar f’xi nħawi tal-belt”.

Roland mill-Guatemala hu l-propjetarju ta’ Spokes Café. Meta sentejn ilu mar iżur dar-familja, qrib fejn joqgħod hu, sar jaf lil Madelyn u offrielha x-xogħol. Qalilna: “Qed nagħmlu dak li nistgħu biex il-business tagħna jkun opportunita’ ħalli żgħażagħ bħal Madelyn  jagħmlu pass ‘il quddiem fil-ħajja tagħhom. Ngħallmuhom jagħmlu xi xogħol biex  joħorġu miċ-ċirku tal-vizzju li jkunu daħlu fih u nippreparawhom biex jiffaċċaw il-ħajja b’dinjita’. Spiss, ikun hemm fosthom min jiddeċidi li jmur l-universita’ biex ikompli jistudja u  dan jimliena b’ħafna suddisfazzjon”.

Madelyn għandha 21 sena u daħlet f’din id-dar flimkien ma’ oħtha. Il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ li jgħixu f’din id-dar  huma vittmi ta’ abbuż u ta’ sfruttament, u xi wħud huma vittmi tat-traffikar uman. Din id-dar-familja tassew tieħu ħsiebhom lil dawn it-tfajliet, iżda ħafna minnhom ibatu għax jibqgħu ttimbrati  u rari jirnexxilhom isibu xogħol dinjituż. Madelyn qalet kemm issibha diffiċli  biex tikkomunika man-nies: “Għad fadalli triq twila x’nagħmel, iżda bil-mod il-mod qed nitgħallem. Ix-xogħol qed jgħinni niskopri s-sens ta’ responsabbilta’ u li  kull klijent huwa persuna. Inħoss li qed jimmarka lil ħajti u li mxejt ‘il quddiem”.

 Maria Liza mill-Filippini tamministra ċ-ċentru ta’ Tacloban, ċentru li jagħti kenn lil xi tfal u jieħu ħsieb l-iżvilupp soċjali tagħhom.  Jinsab fin-naħa ta’ fuq  ta’ Tacloban City, il-gżira li fl-2013 kienet milquta sew mit-tifun Haiyan. Minħabba n-nuqqas ta’ fondi,  dan iċ-ċentru llum jinsab f’diffikultajiet kbar.

Maria Liza tirrakkonta: “Morna nkellmu lis-sindku u għamilna l-proposta li nibdew niġbru fondi biex naraw x’nistgħu nagħmlu dwar nuqqas ta’ ikel u mediċini. Ħadna wkoll l-inizjattiva li  nirrapurtaw dwar xi sitwazzjonijiet ta’ vjolenza fuq it-tfal. Iżda l-aktar ħaġa importanti kienet li rnexxilna nqajmu l-attenzjoni publika; kieku aħna ma dħalniex hemmhekk, ħadd ma kien ser ikun jaf bil-kundizzjonijiet li kienu qed jgħixu fihom dawn it-tfal. Qed noħolqu ċertu opinjoni publika dwar kif  l-amministrazzjoni tal-belt għandha tieħu ħsieb sew dawn it-tfal”.

Stefania Tanesini

4 Comments

  1. I enjoyed reading the experiences which made me reflect how life can be changed if each one takes a risk for the good of others.
    Life is short and our experience is an act of love .Last week i had a car accident and thank God i am still alive .Please pray for me as to recover from my shoulder injury. thanks

    • Thanks for your comments and personal reflections, Rosaria. Be assured of our prayers for your quick recovery.

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.