Żagħżugħa, martri għall-paċi

Myriam Dessaivre, żagħżugħa ta’ 26 sena minn Toulouse kienet ma’ ħames żgħażagħ Franċiżi oħra li nqatlu fin-Niger, il-Ħadd 9 ta’ Awwissu 2020.

Myriam Dessaivre, żagħżugħa ta’ 26 sena minn Toulouse kienet ma’ ħames żgħażagħ Franċiżi oħra li nqatlu fin-Niger, il-Ħadd 9 ta’ Awwissu 2020. Sfaw maqtula wkoll ix-xufier u l-gwida, nies tal-post, li kienu qed jakkumpanjaw lil dawn iż-żgħażagħ fi żjara lil riżerva ta’ ġiraffi fi Kouré, li tinsab daqs siegħa ‘l bogħod mill-kapitali Niamey. Myriam u ż-żgħażagħ l-oħra kienu fuq missjoni umanitarja ma’ ACTED, organizzazzjoni internazzjonali ta’ solidarjetà li twieġeb għall-ħtiġijiet umanitarji ta’ popli li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. In-Niger hu pajjiż li qed jiffaċċa bosta sfidi, fosthom sitwazzjoni ekonomika diffiċli.

Din iż-żagħżugħa li kienet tħobb il-ħajja u dejjem bi tbissima fuq wiċċha, għażlet li timpenja ruħha bis-sħiħ favur il-ġustizzja u l-paċi. Studjat fl-Università Kattolika ta’ Toulouse fejn ħadet lawrja fil-komunikazzjoni u l-informazzjoni. Wara kompliet tistudja fl-Università Paris-Dauphine fejn ħadet Master’s degree fi studji dwar il-paċi. Speċjalizzat fil-qasam ta’ soluzzjonijiet f’kunflitti politiċi. It-teżi tagħha kienet dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kolumbja. Meta spiċċat tistudja marret tagħmel esperjenza ta’ xogħol fil-Kolumbja, fit-Tunesija u fiċ-Chad fejn setgħet tkompli tidħol aktar fil-fond tal-istudji li għamlet.

Meta din it-tfajla tkellmet f’konferenza nazzjonali ta’ Moviment għall-Paċi, hi kienet qalet x’ wassalha biex tagħżel dan l-istudju. Innotat li n-numru ta’ żgħażagħ li jridu jaħdmu għall-paċi qiegħed dejjem jiżdied u li l-media soċjali qed tgħin biex dan iseħħ, kemm permezz tal-aħbarijiet li twassal kif ukoll għax ’xi mod qed tqanqal dejjem iżjed is-solidarjetà globali. Qalet:“Il-media soċjali tittrażmetti r-rabja li wieħed iħoss meta jisma’ b’tant ġrajjiet koroh li qed jiġru fid-dinja u dan qed iħalli l-effett tiegħu fuqna, tant li naslu biex nistaqsu: imma jien meta ser immur hemm biex ngħin?”. U kompliet: “Ma nistagħġibx li ħafna aktar żgħażagħ qed ifittxu xogħol, professjoni li tagħtihom sehem f’ħidma għall-paċi”. Temmet tgħid li dan jista’ jkun mezz biex wieħed jaħdem għal dinja aħjar.

Myriam kienet tgħallmet dwar dinja aħjar, dinja aktar magħquda mill-kuntatt li kellha mal-Moviment tal-Fokolari. Flimken ma’ żgħażagħ oħra tal-Moviment hi kienet ħadet l-impenn li tgħix għal dinja magħquda.

Sophie, waħda mill-ħbieb tagħha rrakkuntat: “Myriam kienet l-akbar ħabiba li kelli. Iltqajt magħha meta kelli 13-il sena waqt Mariapoli li saret f’Lourdes”. U kompliet tgħid li Myriam kellha prinċipji u konvinżjonijiet sodi u li dejjem iddefendiet l-valuri tal-ġustizzja u l-paċi. “Ix-xogħol tagħha kien wieħed diffiċli, imma kien għal qalbha ħafna …. Għalkemm għamlet mewta kerha u terribbli, imma nistabar meta niftakar li hi tat ħajjitha għal dak li emmnet fih”.

Ħabib ieħor iddeskrivieha bħala tfajla sabiħa, umli u dejjem wiċċha għad-dawl li “tat ħajjitha biex taqdi l-ħajja, tkun ta’ servizz għall-paċi u għall-oħrajn”. Qal li l-mewt ta’ Myriam twasslu biex jgħid li “l-messaġġ li bniet matul ħajjitha kien qed jasal permezz tat-tluq tagħha lejn is-Sema”. Membru tal-Moviment tal-Fokolari li kienet tafha sew qalet: “Il-ħolma ta’ Myriam twettqet għax irnexxilha tgħaqqad l-esperjenza ma’ impenn sħiħ f’dan il-qasam”.

Il-katavri tas-sitt żgħażagħ Franċiżi waslu fl-ajruport ta’ Orly, Pariġi fl-14 ta’ Awwissu fejn ġew mogħtija tislima nazzjonali. Aktar tard, il-qraba u l-ħbieb ta’ Myriam tawha l-aħħar tislima f’quddiesa li saret fil-Knisja ta’ Kristu Re f’Toulouse.

F’dak l-istess żmien kienet qed issir laqgħa onlajn, li fiha kienu qed jieħdu sehem 120 żgħażagħ minn bosta pajjiżi tad-dinja li rrappreżentaw il-Moviment Ġen, il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Moviment tal-Fokolari. Dak li jgħaqqad lil dawn iż-żgħażagħ hi l-għażla li jgħixu sabiex il-bnedmin jagħrfu li huma aħwa ta’ xulxin, u hekk l-għaqda tkun is-sisien li fuqha jinbnew  dawk ir-relazzjonijiet umani meħtieġa biex fid-dinja tagħna jkun hawn il-paċi, l-armonja, il-ġustizzja, is-solidarjetà…. Dawn iż-żgħażagħ mill-ewwel raw f’Myriam l-anġlu kustodju li mis-Sema kien ser jgħinhom fil-proġett tagħhom #Daretocare. Permezz ta’ dan il-proġett huma jixtiequ jqanqlu inizjattivi li jippromwovu aktar impenn attiv fil-ġustizzja soċjali, fl-ekonomija u l-politika.

Xi ħadd qal: “Inħoss li Myriam qed tgħidilna: ħarsu ‘l quddiem, ibqgħu mexjin! Tinħlewx  f’dak li hu bla valur!

Emilie Tévané (Nouvelle Cité)

 

2 Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.