Ngħixu il-Vanġelu: Il-liġi waħdanija hi dik tal-imħabba

Tama

Qatt ma ħsibt li l-ġenituri tiegħi setgħu jaslu biex jinfirdu. Iżda hekk ġara u  bdew jiġu f’moħħi ħafna ħsibijiet ta’ dwejjaq u kont inħossni mħawwad; kont nibża’  minn dak li kien ser iġib miegħu l-ġejjieni u minn ħajja li ma kenitx ser tibqa’ l-istess. Jien u ż-żewġ ħuti bqajna ngħixu mal-mama, “supermama”, kif konna nsejħulha. Imma l-ħajja  inbidlet għal kollox. Qabel, qatt ma kellna problemi l-iskola, iżda issa kienu bdew il-problemi. Malli ndunajna, bdejna nfittxu li nagħmlu xi ħaġa għax ridna naraw il-mama kuntenta. Mhux faċli ngħixu mingħajr il-papa, iżda sa minn meta konna żgħar il-ġenituri u n-nanniet għallmuna ma niġġudikawx. Wieħed mill-isbaħ mumenti hu l-ħin tat-talb meta nitolbu flimkien li sseħħ ir-rieda t’Alla għal kull wieħed minna. P. L. – Colombia 

Student diffiċli

Xi snin ilu, wieħed mill-istudenti fil-klassi  tiegħi kien tassew diffiċli; kien jgħix sitwazzjoni iebsa fil-familja tiegħu. Xi drabi kien ikun vjolenti u għalhekk xi ġenituri marru jipprotestaw mas-surmast. Ġie mhedded li jitkeċċa mill-iskola; u ħassejt li għandi nitlob -permess biex nibda nieħu ħsiebu jien personalment. Tkellimt mal-kollegi tiegħi u sibt kollaborazzjoni anki mill-istudenti. Familja ħbieb tiegħi għamlu kuntatt mal-ġenituri tiegħu biex jgħinuhom fis-sitwazzjoni li kienu fiha. Għaddew bosta snin u erġajt mort f’dik il-belt. Kont ili nieqes ħafna minn hemm meta erġajt iItqajt ma’ dan l-istudent.Sibt li issa kien sar raġel, missier li qed jieħu ħsieb sew il-familja tiegħu. . – Italia

Il-kejk
Wieħed mill-ġirien beda’ jsib ħafna oġġezzjonijiet meta bdejna nagħmlu xi xogħolijiet fid-dar tagħna. Żewġi xaba’ jirċievi ittri mingħandu biex jipprotesta meta dan ma kellux raġuni għalfejn u mar ikellem avukat biex jara jiftaħlux kawża. Iżda mbagħad meta bdejna nitkellmu bejnietna dwar din is-sitwazzjoni, il-qalb issuġġeriet li nagħżlu triq oħra: ħsibna li jkun aħjar jekk nippruvaw nagħmlu xi ħaġa biex nibnu pont bejnietna. Lestejt kejk u morna għandu. Kif wasalna, qalilna: “Kif kontu tafu li llum hu l-birthday ta’ binti?” Il-laqgħa li konna qed nibżgħu minnha nbidlet f’waħda li ġabitna flimkien. Xi ġranet wara ġew iżuruna huma u llum għandna ħbieb ġodda. – Spagna

Il-ħajt
Seba’ snin ta’ żwieġ ma wassluniex biex inkunu qalb waħda kif xtaqna. Imdejjaq u sfiduċjat wasalt biex ngħid li dan kien kawża ta’ immaturità u ta’ karattri li ma kienu jaqblu f’xejn. Bdejna niġġudikaw lil xulxin u l-ħajt li kien qed jifridna kompla dejjem jikber.  Bdejna wkoll inħossu ċertu sens ta’ ħtija għax lil uliedna ma konniex qed nagħtuhom xhieda tal-imħabba tagħna bħala koppja. Meta konna qtajna qalbna kważi għal kollox, xi ħbieb tagħna li jgħixu l-Vanġelu bdew jgħenuna nwaqqgħu l-ħajt li nbena bejnietna. F’marti bdejt nilmaħ sinjali li tawni t-tama. Bdejna nitgħallmu nilqgħu lil xulxin, nitolbu skuża, naraw lil xulxin bħala rigal u nqisu l-fallimenti tagħna bħala okkażjoni biex nerġgħu nibdew inħobbu lil xulxin. Bil-għajnuna tal-ħbiberija u t-talb tal-oħrajn intbaħna  li Alla jħobbna u li hu jieħu ħsieb il-familja tagħna. – Italia

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.