Ngħixu il-Vanġelu: L-imħabba tfisser li sservi

Ħabiba tagħna timrad
Sirna nafu li l-ħabiba tagħna Lia, li t-tfal tagħha għadhom teenagers, għandha cancer. Il-komunita’ kollha ngħaqdet magħha f’katina ta’ talb u b’ġesti ta’ solidarjeta’. Bdejna niltaqgħu l-Knisja darba fil-ġimgħa għall-siegħa adorazzjoni biex nitolbu għall-fejqan tagħha.
Ippruvajna nifhmu kif stajna nħeffu xi ftit mis-sitwazzjoni diffiċli li kienet tinsab fiha. Kien hemm min beda jieħu ħsieb it-tisjir, attent li jsajjar ikel li jkun tajjeb għaliha; kien hemm min għen billi ta xi flus ħalli jinxtraw il-mediċini meħtieġa. Dawn l-atti żgħar ta’ mħabba għenu li din il-ħabiba tagħna biex ma tħosshiex waħidha imma biex tħossha tassew parti mill-komunita’. Meta saħħitha kienet tippermetti hi kienet taqsam l-esperjenza tagħha fil-laqgħat li kien ikollna. Wara kors ta’ kemoterapija, t-tumur sparixxa, Ħassejna li din kienet tweġiba għat-talb tagħna u għall-impenn li nħobbu u naqdu lil din il-persuna bl-aħjar mod li stajna. (C.V., Brazil)

Minkejja l-azzjonijiet ħżiena li rċevejt
Wara l-mewt ta’ żewġi, ġarrabt ħafna umiljazzjoni: qrabatu riedu jitfugħni l‘ barra mid-dar fejn minn dejjem għexna flimkien. Wieħed minn ħut żewġi, li kien ukoll il-parrinu ta’ wieħed mill-erbat itfal tagħna beda jqajjem ħafna problemi. F’daqqa waħda dan marad, u kull darba li ma kienx ikun tajjeb kont immur nixtrilu l-mediċina biex itaffi xi ftit mill-uġigħ. Il-ġirien kienu jgħiduli: “Kif tmur taqdih meta ġarrabt daqshekk azzjonijiet ħżiena minnu?” Kont ngħidilhom: tħobb għalija tfisser li npoġġi ruħi għas-servizz tal-oħrajn. Ftit wara, ħu żewġi miet u jien bqajt immur ngħin lil martu fl-affarijiet li kien jieħu ħsiebhom hu. Irringrazzjatni quddiem kulħadd u llum din tgħix magħna; tassew li aħna familja waħda. (R.P., India)

L-espert tal-mushrooms
Waqt li kont mixi fil-bosk niġbor il-mushrooms, nara raġel mixħut fl-art. Ersaqt lejh biex ngħinu. Kien qed jirtgħod u pprova jindikali fejn kien joqgħod: container kollu msaddad qalb is-siġar fil-qrib. Għentu jasal sal-container u poġġejtu fuq l-ispeċi ta’ sodda li kien hemm fiha. Erġajt mort inżuru bosta drabi u kont noħodlu l-ikel u l-mediċini.
Kien espert kbir tal-mushrooms u kien jaqla’ l-għixien tiegħu billi jbigħhom. Fil-ħin li kont ngħaddi miegħu għallimni fejn nista’ nsib l-aħjar mushrooms u kif kelli naqlagħhom mill-ħamrija. Irrakkuntali wkoll dwar ħajtu: dwar il-fallimenti li kellu bil-business u kif sab ruħu waħdu abbandunat.
Darba mort u sibtu tassew ħażin ħafna: kellu ħafna deni. Qalli: “ Issa ormaj taf kollox dwari, iżda l-aktar ħaġa importanti hi li jiena dejjem emmint f’Alla. Il-fatt li ltqajt miegħek huwa sinjal mingħandu”. Imbagħad qalli li kellu xi flus moħbija u talabni noħodhom u nagħtihom lil xi ħadd li tassew kellu bżonnhom.
Kull darba li mmur niġbor il-mushrooms, naħseb fih bħal anġlu li jiggwidani” (R.S. Poland)