Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti

“Imma (ħaġa) waħda hi meħtieġa” (Lq 10, 42).

Ġesù kien fi triqtu lejn Ġerusalemm fejn kien wasal biex itemm il-missjoni tiegħu. Waqaf f’raħal fejn kienu joqogħdu Marta u Marija. L-evanġelista San Luqa jgħidilna kif dawn iż-żewġt aħwa laqgħuh għandhom: Marta bdiet taqdi dmirha għax iddar hi kienet tieħu ħsiebha, “kienet moħħha fil-ħafna xogħol tad-dar” 1, filwaqt li Marija, “niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qed jgħid” (ara v. 39).

Waqt li Marija ntefgħet tisimgħu, Marta kienet imħabbta ħafna. Tant hu hekk li meta bdiet tgerger għax oħtha kienet ħallietha waħedha, Ġesù qalilha: “Marta! Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex” (ara v. 41-42).

Din is-silta nsibuha bejn il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, meqjusa bħala l-isbaħ ġrajja dwar l-imħabba tal-proxxmu, u l-mument meta Ġesù jgħallem lid-dixxipli kif għandhom jitolbu, meqjusa bħala l-isbaħ paġna li titkellem fuq ir-rabta tagħna ma’ Alla l-Missier. Dawn iż-żewġ episodji huma eżempju ċar tal-imħabba tagħna lejn il-proxxmu u l-imħabba tagħna lejn Alla.

“Imma ħaġa waħda hi meħtieġa”.

F’din il-ġrajja tal-Vanġelu nsibu żewġ protagonisti nisa. Id-djalogu bejn Ġesù u Marta jiddeskrivi r-rabta ta’ ħbiberija li kien hemm bejniethom, tant li Marta ħassitha kunfidenti tgerger mal-Imgħallem. Imma Ġesù kif iridna naqduh? Hu kien jixtieq kieku Marta ma toqgħodx titħabat u xtaqha toħroġ mir-rwol tradizzjonali li kellhom in-nisa u toqgħod tisma’ l-Kelma Tiegħu, kif għamlet Marija. Din ġabet ruħha bħala dixxipla. Il-lezzjoni li nsibu f’din is-silta ħafna drabi ġiet interpretata bħala d-differenza bejn l-attiviżmu u l-ħajja kontemplattiva, kważi bħala żewġ modi kif inħarsu lejn ir-reliġjon. Imma kemm Marta kif ukoll Marija kienu jħobbu ʹl Ġesù u riedu jaqduh. Fil-fatt fil-Vanġelu mkien ma nsibu li t-talb u s-smigħ tal-Kelma huma aktar importanti mill-imħabba lejn il-proxxmu. Għalhekk jeħtiġilna norbtu dawn iż-żewġ imħabbiet u mhux nifirduhom minn xulxin. Żewġ imħabbiet, l-imħabba t’Alla u dik tal-proxxmu: dawn ma jmorrux kontra xulxin, imma jimxu id f’id għax din hi Mħabba waħda.

“Imma ħaġa waħda hi meħtieġa”.

Għalhekk irridu nifhmu sew liema hi l-‘ħaġa waħda’ li rridu nagħmlu. Għal dan il-għan jista’ jgħinna l-mod kif Ġesù jsejjaħ lil Marta: “Marta, Marta…” (ara v. 41). Billi Ġesù jtenni isimha, donnu wieħed jista’ jifhem li kienet xi twissija. Mentri hawnhekk insibu l-mod kif Hu jsejħilna għas-“sejħa/vokazzjoni” tagħna. Mela jidher ċar kif Ġesù qed isejjaħ lil Marta biex tibni rabta ġdida miegħu, rabta li ma tkunx waħda ta’ qaddejja imma ta’ ħabiba fejn tidħol fl-intimità ta’ ħbiberija Miegħu.

Chiara Lubich kitbet hekk: “Ġesù nqeda b’din iċ-ċirkustanza biex ifissrilna liema hi l-aktar ħaġa meħtieġa li l-bniedem irid jagħmel. (…) Li nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù. Għal San Luqa, l-awtur ta’ din is-silta, li wieħed jisma’ l-kelma jfisser ukoll jgħixha.

[…] Inti wkoll għandek tagħmel hekk: tilqa’ l-kelma, tħalliha ġġib bidla fik. Mhux biss. Imma tobdiha, tħarisha f’qalbek biex hi ssawwar ħajtek, kif il-ħamrija żżomm fiha ż-żerriegħa biex din tinbet u tagħti l-frott. Jiġifieri rridu nagħtu l-frott ta’ ħajja ġdida, bħala effett tal-kelma” .

“Imma ħaġa waħda hi meħtieġa”.

Min jaf kemm aħna wkoll ikollna okkażjonijiet biex nilqgħu l-Imgħallem tagħna fl-intimità ta’ darna, kif għamlu Marta u Marija, u nistgħu nintefgħu f’riġlejh biex nisimgħuh bħala veri dixxipli tiegħu. Ħafna drabi l-inkwiet, il-mard, l-impenji kif ukoll il-ferħ u s-sodisfazzjon itellfuna fil-mitt ħaġa li rridu nagħmlu, u ma jibqgħalniex żmien biex nieqfu ftit ħa nagħrfu ʹl-Mulej u nisimgħu xi jrid jgħidilna. Din il-Kelma hi okkażjoni prezzjuża biex nitħarrġu ħalli nagħżlu l-aħjar sehem, jiġifieri li nisimgħu l-kelma Tiegħu. B’hekk inkunu nies ħielsa u nimxu fuq kelmtu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, bħala frott ta’ rabta ta’ mħabba li biha naraw kemm jagħmel sens li naqduH u nisimgħuH.

Letizia Magri

1. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja Lulju 1980, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi
(Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017), pġ. 176-177.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.