Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru

Niżżel il-leaflet tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5, 9).

L-awtur Nisrani tal-Vanġelu ta’ San Mattew trabba f’ambjent Lhudi ta’ dak iż-żmien. Għalhekk f’dan il-Vanġelu nsibu ħafna espressjonijiet ta’ dik it-tradizzjoni kulturali u reliġjuża.

Kapitlu ħamsa jurina ʹl Ġesù bħala Mosè ġdid, li minn fuq l-għolja jħabbar il-qofol tal-Liġi t’Alla: il-kmandament tal-imħabba. Biex jagħti solennità lil dan it-tagħlim, il-Vanġelu jgħidilna li hu qagħad bilqiegħda, bħal wieħed li qed jgħallem.

Mhux hekk biss: Ġesù kien l-ewwel wieħed li xehed għal dak li kien qed iħabbar. Dan jidher aktar ċar meta jxandar il-Beatitudnijiet, li huma l-programm ta’ ħajtu. Fihom insibu l-għeruq tal-imħabba Nisranija, bil-frott li tħalli fina: il-barka u l-milja tal-ferħ. Infatti hekk tfisser il-kelma ‘beatitudni’.

Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla”.

Il-paċi, fil-Kotba Mqaddsa, bil-Lhudi ‘Shalom’, turi l-armonija tal-bniedem fih innifsu, armonija tal-bniedem m’Alla, ma’ kulħadd u mal-ambjent. Illum aħna u nsellmu ʹl xulxin għadna ngħidu l-kelma saħħa, u b’hekk nixtiequ saħħa tajba lill-oħrajn. L-ewwelnett il-paċi hi rigal mogħti lilna minn Alla, imma aħna rridu nitħabtu biex niksbuha.

Fil-fatt naraw li hi l-aktar waħda attiva fost il-beatitudnijiet, għax hi tistedinna ma nkunux indifferenti lejn xulxin u nġibu l-ftehim bejn kulħadd. Biex inġibu l-paċi rridu nużaw moħħna, qalbna u dirgħajna. Il-paċi titlobna nimpenjaw ruħna biex nieħdu ħsieb l-oħrajn, biex infejqu l-ġrieħi kemm dawk tagħna kif ukoll tas-soċjetà, li huma frott tal-egoiżmu li jifridna minn xulxin. Titlobna nagħmlu ħilitna biex inkunu bennejja tal-paċi.

Titlobna nagħmlu bħal Ġesù, l-Iben t’Alla, li wettaq il-missjoni tiegħu meta ta ħajtu fuq is-salib biex jgħaqqad il-bnedmin mal-Missier u fuq din l-art jerġa’ jagħmilna aħwa ta’ xulxin. Għalhekk, kull min irid jibni l-paċi, isir jixbah lil Ġesù u b’dan il-mod hu jitqies bħala bin Alla.

Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla”.

Jekk nimxu fuq il-passi ta’ Ġesù, aħna wkoll kull ġurnata nistgħu nibdluha “f’ġurnata ta’ paċi”, billi ntemmu kull ġlied żgħir jew kbir li kuljum jinbet madwarna. Biex inwettqu din il-ħolma l-importanti hu li nibnu ħbiberiji u solidarjetà, nagħtu daqqa t’id lil dawk fil-bżonn, u aħna wkoll min-naħa tagħna rridu nilqgħu l-għajnuna li tingħatalna.

Hekk jirrakkuntaw Denise u Alessandro: “Meta sirna nafu ʹl xulxin, konna mmorru sew flimkien. Iżżewwiġna u fil-bidu kien żmien sabiħ ħafna, anki għax tweldulna t-tfal. Ftit ftit bdew jinbtu d-diffikultajiet (1); ma bqajniex inkellmu ʹl xulxin fis-sliem għax konna nargumentaw fuq kollox. Iddeċidejna li nibqgħu ngħixu flimkien, imma konna naqgħu fl-istess żbalji, konna nżommu f’qalbna u niġġieldu.

Darba, koppja ħbieb tagħna, tawna l-parir nieħdu sehem f’kors ta’ għajnuna lill-koppji li jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet. Ma sibniex biss nies kompetenti u mħejjija sew, imma “familja ta’ familji”, li magħhom stajna niftħu qalbna fuq il-problemi tagħna: ma bqajniex inħossuna aktar waħedna! Reġa’ xegħel dawl quddiemna, iżda dan kien biss l-ewwel pass: meta konna mmorru lura d-dar ma kienx ikun faċli għalina u kultant konna nerġgħu naqgħu. Dak li għenna kien li bdejna nieħdu ħsieb xulxin, konna nerġgħu nibdew mill-ġdid u nibqgħu f’kuntatt ma’ dawk il-ħbieb ġodda tagħna, biex hekk nimxu ʹl quddiem flimkien”.

Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma  jissejħu wlied Alla”.

Kif tgħid Chiara Lubich, il-paċi ta’ Ġesù “titlob minna qalb u għajnejn ġodda biex inħobbu ʹl kulħadd u f’kulħadd naraw persuni li jistgħu jagħtu sehemhom biex il-bnedmin ikunu lkoll aħwa ta’ xulxin”.

U żżid tgħid: “Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Anki f’dawk il-persuni fl-appartamenti fejn ikollhom xi jgħidu bejniethom? Anki ma’ sħabi tax-xogħol li jtellfuni fil-karriera tiegħi? Anki ma’ min mhux tal-partit tiegħi jew iżommu ma’ tim tal-futbol ieħor? Anki ma’ nies ta’ reliġjon jew pajjiż differenti minn tiegħi?’ Iva, kull bniedem hu ħija jew oħti. Il-paċi tibda proprju minn hawn, mir-rabta li nibnu ma’ kull proxxmu tagħna. ‘Il-ħażen jitwieled fil-qalb tal-bniedem’, kiteb Igino Giordani, u ‘biex inneħħu l-periklu tal-gwerra, irridu nwarrbu dak l-ispirtu ta’ aggressjoni, sfruttament u egoiżmu li minħabba fihom jinbtu l-gwerer: irridu nibnu kuxjenza ġdida’(2). Id-dinja tinbidel jekk ninbidlu aħna, […] l-aktar billi nagħtu importanza ʹl dak li jgħaqqadna, u b’hekk nistgħu nagħtu sehemna biex titwieled mentalità ta’ paċi u  naħdmu flimkien għall-ġid tal-bnedmin kollha. […]

Fl-aħħar mill-aħħar, hi l-imħabba li tirbaħ għax hi aqwa minn kollox. Dan ix-xahar ejjew nippruvaw ngħixu hekk, biex inkunu ħmira għal kultura ġdida ta’ paċi u ġustizzja. B’hekk terġa’ titwieled fina u madwarna umanità ġdida” 3.

Letizia Magri

  1. cfr. 10 anni di “Percorsi di luce” in https://www.focolare.org/famiglienuove
  2. I. Giordani, L’inutilità della guerra, Roma 2003 , pġ. 111
  3. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja Jannar 2004, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017) pġ. 709-712

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.