Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru

Download pdf


“Agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom” (Lq 6, 38).

“Kien hemm jisimgħuh kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalem u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon …”:[1]. Din hi d-daħla li San Luqa jikteb għad-diskors twil ta’ Ġesù, fejn insibu l-beatitudnijiet, x’titlob minna s-Saltna t’Alla u x’iwiegħed il-Missier lil uliedu.

B’libertà kbira Ġesù ħabbar dak li ried jgħid lil nisa u rġiel ta’ ġnus u kulturi differenti, li marru hemm jisimgħuh. Dan hu messaġġ għad-dinja kollha, u aħna lkoll, maħluqa minn Alla Mħabba xbieha Tiegħu, nistgħu nilqgħuh biex niksbu l-milja tagħna bħala bnedmin.

“Agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom”.

Hawn Ġesù qed iħabbar il-messaġġ ġdid tal-Vanġelu tiegħu: il-Missier iħobb lil kull wieħed minn uliedu b’imħabba personali u “mill-aktar kbira” u jagħtih il-ħila li jkollu qalb kbira biex ikun ġeneruż ma’ ħutu. Dan il-kliem jitlob ħafna minna: jitlobna nagħtu minn dak li hu tagħna: mill-ġid tagħna, imma anki li nilqgħu lill-oħrajn, inħennu għalihom, naħfrulhom, biex inkunu nixbhu ’l Alla. Ix-xbieha tal-kejl imburġat  li jqegħdulna f’ħoġorna twassalna biex nifhmu li l-kejl tal-imħabba t’Alla għalina hu wieħed li ma jitkejjilx u l-wegħdiet tiegħu jitwettqu aktar milli aħna qatt nistgħu nimmaġinaw. Fl-istess ħin hu jgħinna biex ma nibqgħux ninkwetaw dwar ir-riżorsi limitati tagħna, u jeħlisna mid-delużjoni meta ma nirċevux dak li nkunu qed nistennew mingħand l-oħrajn.

“Agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom”.

Dwar din l-istedina ta’ Ġesù, Chiara Lubich kitbet hekk: “Qatt ġralek li wara li tkun qlajt xi rigal mingħand xi ħabib, tħossok obbligat lejh? […] Jekk jiġri hekk lilek, aħseb u ara lil Alla, li hu Mħabba. Għal kull rigal li aħna nagħtu lill-proxxmu tagħna f’ismu, Hu jħossu mitt darba aktar obbligat lejna […]. Alla ma jimxix hekk magħna biex aħna nsiru għonja. Jagħmel hekk (…) biex aktar ma jkollna, aktar inkunu nistgħu nagħtu; biex bħala nies li jħaddmu l-ġid t’Alla sew, naqsmu mal-komunità tagħna kull ma jkollna (…). M’hemmx dubbju, Ġesù kellu f’moħħu l-premju li għad nirċievu mingħandu: il-Ġenna, imma dak li jiġri fid-dinja hu eżempju u garanzija ta’ dak li għad nirċievu (…)[2].

“Agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom”.

Imma x’jista’ jiġri jekk ilkoll flimkien nimpenjaw ruħna biex ngħixu din l-imħabba? Żgur li jkun il-bidu ta’ bidla mill-qiegħ tas-soċjetà tagħna.

Raġel Spanjol għandu dan x’jirrakkonta: “Jiena u marti naħdmu f’ditta ta’ konsultazzjoni u formazzjoni. Bdejna nħaddmu l-prinċipji tal-Ekonomija tal-Qsim tal-Ġid[3] (E.Q.Ġ.) u ridna nitgħallmu nħarsu l-interessi tal-oħrajn. Qabel xejn dawk tal-ħaddiema tagħna, il-pagi u xogħol ieħor kemm-il darba jkollna nagħtu s-sensji. Imbagħad l-aġenti li nixtru minn għandom billi nirrispettaw il-prezzijiet, il-ħlasijiet u r-relazzjoni ta’ bejnietna. Inħarsu l-interessi tal-imprendituri fl-istess qasam tagħna billi nagħmlu korsijiet u noffru wkoll l-esperjenza tagħna. Fl-aħħarnett nieħdu ħsieb il-klijenti tagħna billi nagħtuhom pariri mogħtija b’kuxjenza, anki jekk kultant ma jkunx jaqblilna. Il-fiduċja fina li nibtet fl-oħrajn salvatna fil-kriżi ekonomika tal-2008.

Imbagħad wara, permezz tal-għaqda mhux governattiva “Qum u Imxi”, ġejna f’kuntatt ma’ għalliem tal-Ispanjol fil-Kosta t’Avorju. Dan ried itejjeb il-kundizzjonijiet tar-raħal tiegħu billi jibni sala fejn jitwieldu t-trabi. Studjajna dan il-proġett u offrejna s-somma meħtieġa. Bilkemm ried jemmen! Kelli nispjegalu li l-flus kien ġej mill-qliegħ tad-ditta. Din is-sala li ssemmiet “Fraternità”, mibnija minn Musulmani u Nsara flimkien, illum hi simbolu ta’ ħajja mgħixa flimkien. Dawn l-aħħar snin il-profitti tagħna żdiedu għaxar darbiet aktar. Flimkien ma’ ditti oħrajn tal-E.Q.Ġ. waqqafna l-Kummerċ Internazzjonali ta’ Komunjoni u flimkien ma’ imprendituri mill-Kongo, investejna f’ditta ġdida li ġġorr l-ikel bejn Kinshasa u rħula mbiegħda”.

Letizia Magri

[1] Ara Lq 6, 17-18.

[2]  C. Lubich, Parola di Vita Ġunju 1978, in eadem, Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Ruma 2017) pġ. 108-110.

[3] https://www.edc-online.org

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.