Assemblea Ġenerali – Djarju 1 – 24/01/2021

Atmosfera solenni ta’ familja

Bdiet! L-Assemblea Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari bdiet f’ 12.30 (UTC+1). Kienet ilha mistennija, u membri u aderenti tal-Moviment fid-dinja kollha taw is-sehem tagħhom fit-tħejjija tagħha. Kellha tibda fil-bidu ta’ Settembru 2020, iżda minħabba l-pandemija d-data kellha tinbidel u issa qed issir b’mod virtwali.

L-għażla tad-data hi tassew sinifikanti. Jumejn ilu, fit-22 ta’ Jannar – il-birthday ta’ Chiara – il-Moviment iċċelebra l-għeluq is-sena ċentinarja tal-fundatriċi tiegħu. Illum 24 ta’ Jannar, il-Moviment ifakkar il-ġurnata tal-24 ta’ Jannar 1944 meta Chiara “skopriet” ir-realtà ta’ Ġesù msallab u abbandunat, li sar “l-għarus tar-ruħ” tagħha u qanqalha biex tfittxu fit-tbatija u n-niket tal-umanità u tibni mill-ġdid  relazzjonijiet u pontijiet ta’ unità.

Skont dak li jgħidu r-regolamenti, l-Assemblea hi “l-ewwel u l-aktar organu importanti ta’ tmexxija tal-Moviment tal-Fokolari”. Hemm 360 membru li qed jieħdu sehem fiha; 139 huma hemm bi dritt, 181 ġew eletti u 40 ġew mistiedna mill-President.

Għalkemm dawn il-parteċipanti jinsabu f’diversi postijiet fid-dinja kollha, huma lkoll daħlu fis-sala vitwali konxji mis-solennità u l-importanza ta’ dan il-mument, kollha bennejja ta’ dik l-atmosfera ħajja ta’ familja dinjija, li ma tonqosx lanqas fuq il-pjattaform virtwali.

Maria Voce, li waslet biex ittemm ir-rwol tagħha ta’ President wara t-tieni term tagħha, fetħet l-Assemblea b’appell solenni. Stiednet lill-parteċipanti biex ikollhom dik l-attitudni li kellu Ġesù fl-Aħħar Ċena u jaħslu riġlejn xulxin. Qaltilhom li dan ifisser ikunu lesti “biex jisimgħu lil xulxin, jifhmu lil xulxin, imorru ‘ll hemm mid-differenzi ta’ bejniethom, ikun tassew aħwa, li tfisser indaqs, tassew bl-ogħla dinjità, li hi d-dinjità li jagħti Ġesù għax Hu jagħmilna lkoll ulied Alla u aħwa ta’ xulxin”.

Skont kif jitolbu r-regoli, fil-laqgħa tal-lum saru diversi votazzjonijiet. Fl-ewwel votazzjoni ġew magħżula ż-żewġ moderaturi, li għandhom jikkordinaw u jmexxu x-xogħol tal-Assemblea, Dawn huma Uschi Schmitt, tabiba mill-Ġermanja u Andrea Ponta, enġinier Taljan. Imbagħad kien hemm l-approvazzjoni tal-kummissjoni elettorali, li l-membri tagħha huma: Danilo Virdis, Flavia Cerino, Waldery Hilgeman, Laura Bozzi u Sr Tiziana Merletti, li kollha joqogħdu l-Italja, u li minħabba raġunijiet legali bħalissa kollha jinsabu fil-post uffiċjali tal-Assemblea, iċ-Ċentru Internazzjonali tal-Moviment tal-Fokolari f’Rocca di Papa.

F’votazzjonijiet oħra, l-Assemblea approvat il-programm ta’ dawn il-ġranet u emenda fl-Istatut Ġenerali tal-Moviment, biex in-numru ta’ kunsilliera li għandhom ikun eletti minn 30 isir 20.

Minn għada jibdew it-tliet ijiem ta’ rtir għall-partiċipanti. 

                                                                 Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Moviment tal-Fokolari

Source: https://www.focolare.org/en/news/2021/01/24/solemn-family-atmosphere/

2 Comments

  1. Dun Frans Bonnici
    Inhossni tassew fl-Opera kull darba li naqra dawn ir-rapporti dwar l-Assemblea gurnata b’gurnata. Grazzi kbira lil min qieghed jaghti dan is-servizz li jigborhom u jaghmilhom bil-Malti b’mod semplici li jifhmu kulhadd. Lanqas nixtieq li nkun hemm ghax ga qieghed hemm mal-Opera kollha.

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.