Il-Wirt: “Kunu Familja”

Li kieku llum kont ser inħalli din l-art u kellkom tistaqsuni kelma tal-aħħar dwar l-Ideal tagħna, kont ngħidilkom kelma li żgur tifhmuha fis-sens l-aktar preċiż tagħha: “Kunu familja”.

Hemm fostkom min qed ibati minħabba provi spiritwali jew morali? Ifhmuhom bħalma tifhimhom omm u aktar minn hekk; dawluhom bil-kelma u bl-eżempju. Araw li ma jkun jonqoshom xejn, anzi araw li  tikber aktar is-sħana tal-familja

Hemm fostkom min qed ibati fiżikament?  Dawn għandhom ikunu ħutna l-aktar ippreferuti. Batu magħhom. Fittxu li tifhmu sew it-tbatija tagħhom. Aqsmu magħhom il-frott tal-ħajja appostolika tagħkom, sabiex huma jkunu jafu li, aktar minn oħrajn,  qed jagħtu sehemhom għal dan il-frott.

Hemm dawk li qed imutu?  Immaġinaw li kontu intom minflokhom u agħmlu magħhom dak li tixtiequ jkun magħmul magħkom sal-aħħar nifs.

Hemm xi ħadd li qed jifraħ minħabba xi suċċess jew xi raġuni oħra? Ifirħu miegħu, biex il-faraġ tiegħu ma jispiċċax fix-xejn u qalbu tingħalaq, imma biex il-ferħ tiegħu jkun il-ferħ ta’ kulħadd.

Hemm xi ħadd li ser jitlaq? Tħalluhx imur qabel ma timlewlu qalbu b’wirt wieħed: is-sens ta’ familja biex jieħdu miegħu fejn ikun sejjer.

L-ebda attività, lanqas dik spititwali jew appostolika, m’għandha tiġi qabel l-ispirtu ta’ familja ma’ dawk li inti tgħix magħhom.

U kulfejn tmorru biex twasslu l-ideal ta’ Kristu u  tinfirex il-familja kbira tal-Opra ta’ Marija, l-aħjar ħaġa li tistgħu tagħmlu – u m’hemm xejn aħjar minnha – hi li b’mod diskret u bi prudenza, imma b’deċiżjoni tfittxu li toħolqu l-ispirtu ta’ familja. Dan hu spirtu umli,  jixtieq il-ġid lill-oħrajn, ma jiftaħarx….  hu l-imħabba vera u sħiħa

Insomma, li kelli niġi biex nitlaqkom, inħalli lil Ġesù fija jtennilkom:  “Ħobbu lil xulxin… sabiex ilkoll ikunu ħaġa waħda.”

Chiara Lubich

 

(Source: Essential Writings, New City Press, p.48, “A legacy: Be a family”)

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.