Jesús Morán: “Qegħdin ngħixu fi żmien ta’ grazzja”

Omelija ta’ Jesús Morán, Ko-president tal-Moviment tal-Fokolari, waqt Quddiesa li hu ċċelebra b’mod privat fl-okkażjoni tal-14 ta’ Marzu, 2020.

“(…) F’dawn l-aħħar ġimgħat tar-Randan żammejt ħsieb partikulari f’ruħi: li kollox hu frugħa, li l-intelliġenza prekarja tagħna qajla tista’ tifhem profondament ir-realtà u l-ġrajjiet tal-istorja. Tant hu hekk li, daqsxejn ta’ virus, li hu organiżmu aċellulari mill-aktar ċkejken, kien biżżejjed biex ipoġġi fil-periklu r-raġunamenti kollha kbar u s-sigurtà tagħna, il-proġetti ekonomiċi, l-istrateġiji politiċi tagħna. Dal-virus xerred il-paniku mad-dinja kollha u wera l-miżerji tal-hekk imsejħa globalizzazzjoni. Kien hemm ġurnal li, ftit tal-ġranet ilu, b’lingwaġġ sportiv li jintuża fil-futbol, kiteb hekk: Coronavirus 1 – Globalizzazzjoni 0. Din hija verità li ssewdilna qalbna.

Jiena u naħseb fuq dawk l-affarijiet li fl-aħħar snin inkitbu fuq il-fenomenu tal-kultura fi żmienna, il-ħafna analiżi u kontro-analiżi fuq x’se jiġri fl-istorja, eċċ. eċċ., kien jaqbadni swied il-qalb mill-aktar kbir. Kien hawn li wasalt għal skoperta mill-aktar kbira u li biha “ħadt ir-ruħ”: li r-Rivelazzjoni, il-Kelma t’Alla tasal għand il-bniedem fil-kliem u fl-intelliġenza tiegħu; il-ħsieb t’Alla jasal għandna bi kliem uman fuq il-profondità tal-ħajja u tal-istorja. Infatti, naħseb li l-Kelma t’Alla biss tagħtina tweġibiet tajbin għal dan iż-żmien li qegħdin ngħixu fih, għax hi biss tħares dak l-għerf etern li jmur lil hinn miż-żmien bla ma titlef it-tifsira tagħha. Fid-dawl tar-Rivelazzjoni nindunaw b’fatt li jfixkilna u li hu paradossali: qegħdin ngħixu fi żmien ta’ grazzja.

L-Għerf! Din hi ċ-ċavetta l-ġusta. Dan hu tassew żmien il-għerf, żmien għall-għerf; viżjoni tar-realtà li tivvjaġġa fuq reġistri oħra, li llum hija mill-aktar obbligatorja u indispensabbli. (…) Għerf li jwassalna għal intelliġenza tar-realtà mdawla mill-imħabba u li, propju għalhekk, tagħti bidu għal moviment mill-aktar sabiħ ta’ fraternità, jiġifieri li nħossuna lkoll aħwa ta’ xulxin. Tassew li Alla jista’ jwettaq ħwejjeġ tal-għaġeb, minkejja l-ħażen. Hu jegħleb il-ħażen bil-pjan tiegħu ta’ mħabba.

Chiara għexet kważi seklu ta’ ħajja li fiha kienet bħal xmara ta’ għerf li saqqiet l-art. Kienet attenta għall-ġrajjiet tal-istorja u ma waqfitx fil-wiċċ tal-ġrajjiet, imma niżlet fil-fond u telgħet fl-għoli biex tixrob mill-ħsieb u mill-viżjoni t’Alla u minn Alla. Minħabba f’hekk ma tat każ ta’ xejn ħlief tal-Kelma Tiegħu.

Wara kollox, l-għaqda hi l-proġett li Alla għandu għall-bnedmin, hi t-testment li ħallielna Ġesù, li hu l-Verb magħmul bniedem. Illum nistgħu nindunaw kemm din il-kelma, l-għaqda, billi hi marbuta mar-Rivelazzjoni, tmur lil hinn mill-ġrajjiet li jgħaddu, miż-żminijiet u mill-epoki storiċi. L-għaqda tirrappreżenta dehra ta’ sens li tiġbor fiha l-imgħoddi, iż-żmien ta’ issa u l-ġejjieni. Hi prospettiva profetika li għandha l-ħila toħroġ l-aħjar enerġiji tal-irġiel u tan-nisa ta’ kull post, kultura, razza u kundizzjoni soċjali. Imseħbin flimkien mill-għaqda nistgħu nibdlu l-“globalizzazzjoni tal-indifferenza” fi “globalizzazzjoni tal-fraternità”.

Il-logħba għadha għaddejja. Minn ħaġa waħda ninsabu ċerti: ir-rebħa se tkun tal-ħniena t’Alla.”

Jesús Morán

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.