F’dan il-Milied nkunu qrib ħutna li qegħdin ibatu

Ħsieb ta’ Chiara Lubich: Kollegament CH, 25 ta’ Dicembru 1986

“(…) Is-sħana tal-imħabba li ġġib magħha l-festa tal-Milied twassal biex inħossuna aktar familja, aktar ħaġa waħda bejnietna, aktar aħwa, u għalhekk anki biex naqsmu kollox bejnietna: ferħ u tbatijiet.

Naqsmu t-tbatijiet l-aktar ma’ dawk li minħabba diversi ċirkustanzi ser jgħaddu dan il-Milied wiċċ imb wiċċ mat-tbatija. (…)

It-tbatija! Xi drabi din taħkem il-ħajja tagħna kollha kemm hi; drabi oħra nġarrbuha għax il-morr jitħallat mal-ħlewwa li ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum.

It-tbatija: mard, diżgrazzji, tiġrib, ċirkustanzi ta’ dulur.

It-tbatija! Jekk inħarsu lejha bl-għajnejn tagħna ta’ bnedmin, tiġina t-tentazzjoni li noqogħdu naraw mnejn tkun ġejja: jekk hijiex ġejja minn ġo fina jew ‘l barra minna, mill-ħażen tal-bniedem, jew min-natura, jew minn xi ħaġ’oħra. (…)

Dan kollu jista’ jkun veru, imma jekk naħsbu biss b’dan il-mod, inkunu qed ninsew xi ħaġa li hi ħafna aqwa minn dan kollu. Inkunu qed ninsew li wara dak li jiġri f’ħajjitna hemm Alla bl-imħabba tiegħu, li jrid jew jippermetti dak li jiġri għax irid il-ġid tagħna. (…)

Wara li jistedinna nerfgħu s-salib tagħna u nimxu warajh, Ġesù ma jisħaqx ukoll li: “’Min jitlef ħajtu (din hi l-akbar tbatija) jsibha’ (Mt 10, 39)?

Mela, fit-tbatija hemm it-tama tal-fidwa. (…)

Għalhekk, illum x’ngħidulhom lil dawk fostna li qed iġġarrbu t-tbatija?

Qabel kollox, jeħtieġ nersqu lejhom b’rispett, għax dan hu l-mument li fih Alla qed iżurhom, anki jekk forsi huma għadhom mhux qed jaħsbuha din il-ħaġa.

Imbagħad, irridu nagħmlu magħhom dak li nistgħu biex ngħixu magħhom is-salib tagħhom, u dan ifisser li nżommu lil Ġesù f’nofsna magħhom bl-aħjar mod li nistgħu. Niżgurawhom li huma dejjem fil-ħsieb u fit-talb tagħna, biex jagħrfu jieħdu direttament minn idejn Alla dak li jtaqqalhom u jġiegħelhom ibatu, u jkunu jistgħu jgħaqqdu t-tbatija tagħhom mal-passjoni ta’ Ġesù u b’hekk ikollha l-aqwa valur.

U nfakkruhom f’dak il-prinċipju nisrani tal-ispiritwalità tagħna li hu tassew meraviljuż u li permezz tiegħu kull tbatija tkun tista’ tinbidel f’ferħ jekk aħna naraw il-wiċċ ta’ Ġesù msallab u abbandunat u nħobbuĦ.

Mela, ejjew naraw li f’dan il-Milied aħna nkunu qrib ħutna li qegħdin ibatu biex naqsmu magħhom kull tbatija, u noffru t-tbatijiet tagħna lil Ġesù Bambin.”

Chiara Lubich

Traduzzjoni ta’ Vivienne Attard


Video in English

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.