Ħadd il-Palm: “Jien min jien quddiem Ġesu’ li jbati?”

 Silta mill-Omelija ta’ Papa Franġisku f’Ħadd il-Palm tal-2014

“ (…) Smajna r-rakkont tal-Passjoni tal-Mulej.  Jagħmlilna tajjeb jekk nistaqsu:  Jien min jien quddiem il-Mulej tiegħi? Jien min jien quddiem Ġesu’ li jidħol Ġerusalemm f’festa?  Għandi l-qawwa nesprimi l-ferħ tiegħi u nfaħħru? Jien min jien, quddiem Ġesu’ li jbati?

Smajna ħafna ismijiet.  Il-grupp tal-mexxejja, xi saċerdoti, xi fariżej, xi mgħallmin tal-liġi li kienu ddeċidew li jridu joqtluH. Jien bħal xi wieħed minnhom?

Smajna wkoll isem ieħor: Ġuda. 30 biċċa tal-fidda. Jien bħal Ġuda?  Smajna ismijiet oħra: id-dixxipli li ma kienu qed jifhmu xejn; kienu reqdin waqt li l-Mulej kien qed ibati.  Il-ħajja tiegħi hija rieqda? Jew jien bħad-dixxipli li ma kienux qed jifhmu x’jiġifieri tittradixxi lil Ġesu’? Bħad-dixxiplu l-ieħor li ried isolvi kollox bis-sejf: Jien bħalhom?  Jien bħal Ġuda, li jagħmel ta’ bir-ruħu li jħobb u jbus l-Imgħallem biex jagħtih f’idejn l-għedewwa, biex jittradiH?  Jien traditur?  Jien bħal dawk il-mexxejja li bil-għaġġla waqqfu tribunal u fittxew xhieda foloz: jiena wieħed minnhom?

Jien bħal Pilatu? Meta nara li s-sitwazzjoni hi diffiċli, naħsel idejja u ma nerfax ir-responsabbilta’ tiegħi?

Jien bħal dik il-folla li ma kenitx taf jekk kenitx f’laqgħa reliġjuża, f’qorti jew f’xi spettaklu, u għażlet lil Barabba?

Jien bħas-suldati li sawtu lill-Mulej, beżqulu, insultawH u għaddew iż-żmien bih biex jumiljawH?

Jien bħaċ-Ċirinew li waqt li kien ġej lura mix-xogħol, għajjien, imma b’rieda tajba għin lill-Mulej jerfa’ s-salib?

Jien bħal dawk li kienu għaddejjin quddiem is-Salib u bdew jiddieħku b’Ġesu’: “Kien daqshekk kuraġġjuż!  Ħa jinżel mis-salib, u aħna nemmnu fiH!”? Inwaqqa’ lil Ġesu’ għaċ-ċajt (…)?

Jien bħal dawk in-nisa kuraġġjużi, jew bħal Omm Ġesu’, li kienu hemm, ibatu fis-skiet?

Jien bħal Ġużeppi, id-dixxiplu li bil-moħbi u b’imħabba mar iġib il-ġisem ta’ Ġesu’ biex jidfnu?

Jien bħaż-żewġ Marijiet li baqgħu quddiem il-qabar jibku, jitolbu?

Jien bħal dawk il-kapijiet li l-għada marru għand Pilatu biex jgħidulu: “Dan  qal li kien se jqum.  Ara  ma jseħħx xi ngann ieħor!” u jagħlqu l-qabar biex ikunu żguri li l-ħajja ma toħroġx ‘l barra?

Fejn hi qalbi? Lil min nixbah minn dawn kollha?

Jalla din il-mistoqsija takkumpanjana matul din il-ġimgħa kollha.”

Papa Franġisku

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.