Dan Huwa Żmien Il-Milied

Ħsieb ta’ Chiara Lubich, Milied 2005

Il-vetrini tal-ħwienet huma kollha mżejna għall-festa, bi blalen kulur id-deheb, b’siġar tal-Milied żgħar u b’offerti ta’ rigali prezzjużi. Mal-lejl, it-toroq jiddu bi dwal iteptpu ta’ kwiekeb ċkejkna jew ta’ stilel kometi; is-siġar ta’ fuq il-bankini li huma mżejna bi dwal ta’ bozoz żgħar ħomor jew blu jew bojod joħolqu atmosfera mill-isbaħ.

Hawn arja ta’ stennija, li tqanqal lil kulħadd…

Il-Milied mhuwiex biss tifkira tradizzjonali: hu t-twieled ta’ Ġesu’ t-tarbija (…). Il-Milied hu ħaj! U mhux biss fil-Knejjes bil-presepji, imma wkoll fost in-nies b’arja ta’ ferħ, ta’ ħbiberija, ta’ tjubija li kull sena l-Milied iġib miegħu.

B’danakollu, anki llum id-dinja hi maħkuma minn problemi kbar: faqar li jwassal għall-ġuħ, (…), gwerer, terroriżmu, mibegħda fost etniji, fost gruppi u individwi.

Għandna bżonn tal-imħabba. Għandna bżonn li Ġesù jerġa’ jiġi bil-qawwa tiegħu. Ġesù Bambin hu dejjem rigal kbir li l-Missier jagħti lilna l-bnedmin, ukoll jekk mhux kulħadd jagħraf dan. (…).

Jeħtieġ nagħmlu l-festa tal-Milied u nġeddu l-fidi tagħna fit-Tarbija-Alla li ġie biex isalvana, biex joħloq familja ġdida ta’ aħwa magħqudin fl-imħabba li tinsab fuq l-Art kollha.

Ejjew inħarsu madwarna. U naraw li din l-imħabba tasal għand kulħadd, imma l-aktar għand min qed ibati, min hu fil-bżonn, min hu waħdu, għand il-foqra, iċ-ċkejknin u l-morda. Ejjew naraw li fl-għożża u l-ġid li naqsmu magħhom tiddi tassew ir-realta’ ta’ familja, ta’ aħwa li jiċċelebraw il-Milied flimkien. (…)

Min jista’ jirreżisti l-qawwa tal-imħabba?

Ejjew inħallu l-Milied idawwalna biex nagħmlu ġesti u nqanqlu azzjonijiet konkreti. Dawn ir- rimedji kontra l-ħażen jistgħu jidhru ċkejknin, imma jekk isiru fuq skala kbira jistgħu jkunu dawl u soluzzjoni għall-problemi gravi li hawn fid-dinja.

Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd!

Chiara Lubich

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.