Il-ġawhra

Illum “il-qdusija trid toħroġ barra mill-kunventi, tkun preżenti fid-djar, fl-iskejjel, fit-toroq, fl-uffiċċji, fil-Parlamenti…”1, għax illum iktar minn qabel aħna konxji li anki l-lajċi huma msejħa biex isiru qaddisin.

Imma dawn kif jistgħu jgħixu fid-dinja u jsibu l-għaqda ma’ Alla meta ma jkunux imwarrba, mhumiex imħarsa bil-ħitan tal-kunvent, meta huma nieqsa mill-għajnuna li dari kienet titlob il-ħajja spiritwali?

Huma mhux biss m’għandhom xejn xi jħarishom, imma jgħixu dejjem imdawrin bin-nies, fejn qabel kienu jippreferu jżommu ’l bogħod minnhom.

Biex ngħid hekk il-ġawhra kważi tibda tiddi.

Imnebbħin minn kariżma, l-Ispirtu s-Santu ssuġġerielna li propju ħutna, li qabel kienu meqjusa bħala ostaklu, jistgħu saħansitra jsiru t-triq biex naslu għand Alla: il-bieb, it-triq, il-mogħdija biex naslu għandU.

Naturalment, b’kundizzjoni waħda: li ma jkunux huma li jinfluwenzawna b’imġibithom ħafna drabi umana, imma li ninfluwenzawhom aħna, bl-imġiba tagħna sopranaturali. Kif? Nafu: b’imħabbitna. Inħobbuhom wieħed wieħed matul il-ġurnata, il-ġurnata kollha. Inħobbuhom b’dik l-arti tal-imħabba li hi divina, ħaġa li hi possibbli biss bl-imħabba li l-Ispirtu s-Santu sawwab fi qlubna.

Aħna lkoll nafu dan x’jitlob minna. X’jiġri jekk nagħmlu hekk? Filgħaxija, aħna u nitolbu jew anki matul il-ġurnata, meta ninġabru għal xi mument waħedna m’Alla, aħna nintebħu bil-preżenza Tiegħu. Hu jkun ġie għandna għax aħna nkunu morna għandU f’ħutna.

Hekk isseħħ dik l-għaqda li ħafna minna għaddew minnha, imma ma jafux ifissruha bi kliemhom forsi għax hi ġdida, tinħass bis-sensi tar-ruħ u timla ’l qalbna bl-imħabba.

B’dan il-mod, bil-preżenza Tiegħu, nistgħu nirrevedu dak kollu li aħna nagħmlu.

Fost l-oħrajn jiġri li b’riżultat ta’ dan, jekk aħna ksibna dan kollu permezz ta’ ħuna maħbub minna, hu mhux biss ħa xi ħaġa tajba mingħandna, imma wkoll sar il-benefattur tagħna: kisbilna aktar minn dak li stajna nittamaw.

Mela jeħtieġ li nkunu grati lejh u dan iqegħedna f’atteġġament ta’ umiltà, virtù li hija meħtieġa biex tħobb.

Chiara Lubich

Meħud mill-ktieb: “L-Arti tal-Imħabba”, Chiara Lubich.


1    Dan il-kliem kien sikwit itennih Igino Giordani (1894-1980) fid-diskorsi u l-kotba tiegħu. Hu kien bniedem politiku, kittieb, ġurnalist, imma fuq kollox kien wieħed mill-persunaġġi l-aktar oriġinali tad-dinja Kattolika Taljana tas-seklu għoxrin. Hu kien nisrani matur, imxennaq għall-qdusija. Fl-1948 ltaqa’ ma’ Chiara Lubich, li kienet twassal il-kariżma tal-unità u f’dan il-Moviment tal-Focolare skopra triq ta’ konsagrazzjani u qdusija anki għalih, bniedem lajk u miżżewweġ. F’unità ma’ Chiara nfisha hu fetaħ din it-triq għal ħafna oħrajn li ġew warajh. Chiara tqisu bħala ko-fundatur tal-Moviment. Il-kawża ta’ beatifikazzjoni tiegħu nfetħet fl-2004.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.