“Inniżlu għeruqna fil-preżent” –  Maria Voce

Diskors ta’ Maria Voce fl-Osservatore Romano.

Niċċelebraw biex niltaqgħu” hu l-motto li l-Moviment tal-Fokolari għażel għas-sena 2020 biex ifakkar it-twelid tal-fundatriċi tiegħu Chiara Lubich. Sa ftit tal-ġimgħat ilu, konna nħarsu lejn dan il-motto bħala wieħed tassew adattat biex niċċelebraw b’modi diversi l-fundatriċi tagħna u l-kariżma li Alla taha u li hi xerdet b’tant ġenerożità. Ma nixtiqux niċċelebraw il-memorja tagħha b’xi nostalġija, imma nixtiequ li n-nies jiltaqgħu magħha llum, ħajja fl-ispiritwalità tagħha, fix-xogħolijiet tagħha, imma fuq kollox fil-“poplu” tagħha li jgħix l-ispirtu ta’ fraternità, ta’ komunjoni u ta’ unità.

Fraħna meta rajna diversi grajjiet isiru f’postijiet differenti fid-dinja kollha; kienu bdew fis-7 ta’ Diċembru 2019. Xtaqna li din il-festa tkompli, imma fi ftit żmien ix-xena nbidlet; u hemm ir-riskju li l-motto “Niċċelebraw biex niltaqgħu” jidher li ma jgħoddx għaż-żmien li qegħdin fih. Aħna wkoll waqqafna ċ-ċelebrazzjonijiet jew ġrajjiet kollha li kellhom isiru.Il-pandemija tal-coronavirus qed iġġiegħel lill-pajjiżi kollha jieħdu miżuri drastiċi biex il-virus ma jinfirixx: l-iżolament u s-social distancing  jidhru li huma l-għodda l-aktar effettiva.(…)

Għal ħafna minna, l-esperjenza ta’ iżolament hi waħda ġdida għal kollox. Hi esperjenza li ġġib magħha mhux biss riperkussjonijiet ta’ natura soċjali u psikoloġika, imma anki dawk spiritwali. Dan jgħodd għal kulħadd, iżda b’mod partikulari għall-Insara. Hi sitwazzjoni li qed tolqot anki dak li ngħixu aħna bħala Moviment tal-Fokolari. Aħna magħmulin għall-komunjoni u għall-unità. U forsi l-karatteristika ta’ min jiltaqa’ mal-ispirtu ta’ Chiara u jħaddnu, hi li joħloq relazzjoni mal-oħrajn. Din issa saret xi ħaġa limitata għall-aħħar.

Imma l-imħabba ma tafx b’limitu; hekk qed turina l-esperjenza qawwija ta’ dawn il-ġranet drammatiċi u iebsa. Aktar minn qatt qabel, qed tasal xhieda ta’ nies minn kullimkien li qed jagħmlu ħilithom kollha biex bi kreattività u immaġinazzjoni jingħataw għall-oħrajn anki f’kundizzjonijiet diffiċli li mhumiex tas-soltu: tfal jirrakkuntaw dwar atti żgħar/kbar ta’ mħabba biex jegħlbu d-diffikultà li jibqgħu d-dar bilfors, tfal jorganizzaw katina ta’ talb online, nies tal-business li qed imorru kontra l-kurrent biex ma jipprofittawx ruħhom minn din l-emerġenza u minflok ipoġġu lilhom infushom għas-servizz tal-ġid komuni bla ma jaħsbu dwar qligħ personali.

Imbagħad tara wkoll kemm hemm modi li permezz tagħhom  wieħed qed joffri għajnuna u faraġ: l-ewwelnett t-talb, imbagħad telefonati, messaġġi WhatsApp jew email… Hekk, ħadd ma jħossu waħdu, mhux biss dawk li qegħdin id-dar, imma wkoll il-morda u dawk li qed jikkuraw, ifarrġu u jakkunpanjaw lil min qed ibati mill-konsegwenzi ta’ din is-sitwazzjoni. Imbagħad hemm ukoll il-messaġġi ta’ solidarjetà li jgħinuna niftħu qlubna anki għal dak li qed jiġri ‘l hemm mill-emerġenza tal-coronavirus, bħall-messaġġ miż-żgħażagħ tas-Sirja, li minkejja l-kundizzjonijiet drammatiċi li qed jgħixu fihom, ħasbu fina fl-Italja. Iż-żgħażagħ jgħallmuna kif dawn l-esperjenzi nistgħu naqsuhom fuq is-social media biex jitkattru, għax anki t-tajjeb jista’ jittieħed.

Din ix-xhieda mmaturat fija konvinzjoni: iċ-ċentinarju ta’ Chiara Lubich mhux sospiż u l-motto “Niċċelebraw biex niltaqgħu” għadu jgħodd aktar minn qatt qabel.

Żgur li l-Missier tagħna tas-Sema, u forsi anki Chiara stess, qed jistednuna biex ngħixu din is-Sena Ċentinarja b’mod aktar profond u awtentiku.’L hemm minn kull kondizzjonament, ukoll minħabba l-fatt li ma nistgħux inkunu flimkien biex niċċelebraw l-Ewkaristija, qed niskopru mill-ġdid il-preżenza qawwija ta’ Ġesù ħaj fl-għajxien tal-Kelma, fl-imħabba lejn ħutna l-oħrajn, u fostna miġbura f’ismu għalkemm ‘l bogħod minn xulxin.

Iżda b’mod partikulari, il-fundatriċi tagħna qed tgħinna niskopru mill-ġdid l-imħabba lejn “l-Għarus”: Ġesù Abbandunat – “Alla ta’ Chiara” – kif iħobb isejjaħlu Mons. Lauro Tisi, l-Arċisqof ta’ Trento. Hu Alla li mar ‘l hemm minn kull limitu, biex jieħu fuqu kull esperjenza ta’ limitu u jagħtiha valur. Hu Alla li għamel lilu nnifsu periferija, biex aħna nifhmu li nistgħu niltaqgħu miegħu anki fl-aktar periferija estrema. Hu Alla li ħa fuqu kull xorta ta’ tbatija, qtigħ il-qalb, disperazzjoni, dwejjaq biex jgħallimna li meta naċċettaw it-tbatija u nibdluha f’imħabba, din issir għajn dejjiema ta’ tama u ħajja.

Hekk hu l-isfida ta’ din l-emerġenza planitarja: mhux naħarbu, u lanqas nippruvaw biss nibqgħu qawwijin u sħaħ, imma nniżżlu għeruqna sew fil-preżent, filwaqt li nħarsu madwarna, naċċettaw u niffaċċaw kull sitwazzjoni ta’ tbatija – tagħna personali jew tal-oħrajn – biex permezz tagħha niltaqgħu ma’ Ġesù Abbandunat. U fl-imħabba tagħna lejh insibu l-qawwa u l-kreattività biex nibnu rabtiet ta’ aħwa u nibqgħu nħobbu anki f’din is-sitwazzjoni diffiċli.

Għal Chiara, kull laqgħa mal-“Għarus” , ma’ Ġesù Abbandunat kienet festa, kienet ċelebrazzjoni. Jiena konvinta li jekk niltaqgħu miegħu, niltaqgħu wkoll magħha, għax bħalha nitgħallmu nħarsu lejn kull sitwazzjoni bl-għajnejn ta’ Alla. Forsi aħna wkoll inkunu nistgħu ngħixu l-esperjenza li għexu hi u sħabha. Dawn tant kienu milquta minn Alla u l-imħabba tiegħu li kważi bil-kemm indunaw li spiċċat il-gwerra. Ħassew li l-imħabba li għexu bejniethom u ma’ bosta oħrajn fil-belt li kienu joqogħdu kienet aktar qawwija minn kollox.

Ma nafux din l-emerġenza kemm ser iddum: tista’ ddum ġimgħat jew xhur. Iżda d-dinja li ser insibu meta noħorġu mill-mina li għaddejjin minna qed nibnuha issa.

Maria Voce

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.