Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“Mulej, kemm hu sew li aħna hawn!” (Mt 17, 4).
Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu fi triqthom lejn Ġerusalemm. Kif ħabbrilhom li hemmhekk hu kien se jbati, imut u jirxoxta, Pietru ma qabilx miegħu għax skont hu, in-nies żgur ma kenitx se tifhem ħaġa bħal din. Għalhekk l-imgħallem ħa lilu, ʹil Ġakbu u ʹl Ġwanni, tela’ fuq “muntanja għolja”, u hemmhekk dehrilhom kollu dawl: wiċċu “sar jiddi bħax-xemx” u dehru wkoll Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Il-Missier samma’ leħnu minn ġo sħaba mdawla u stedinhom jisimgħu lil Ġesù, Ibnu l-għażiż. Kif ra dan kollu, Pietru ma riedx jitlaq minn hemm u qal:
“Mulej, kemm hu sew li aħna hawn!”
Ġesù stieden lill-ħbieb l-aktar intimi tiegħu biex jgħixu esperjenza li kienu se jibqgħu jiftakru fiha u jgħożżuha f’qalbhom ħajjithom kollha.
Forsi aħna wkoll f’ħajjitna xi darba ħassejna b’mod qawwi l-preżenza t’Alla u tal-ħidma tiegħu kollha ferħ, paċi u dawl, u xtaqna li dawn il-mumenti ma jintemmu qatt. Dawn huma mumenti li nħossuhom meta nkunu miġbura ma’ oħrajn, jew permezz ta’ oħrajn. Infatti, l-imħabba lejn xulxin tiġbed lejha l-preżenza t’Alla, kif wegħedna Ġesù nnifsu: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom” (1). Xi drabi, f’waqtiet intimi bħal dawn, Hu jurina lilna nfusna u jwassalna biex inħarsu lejn il-ġrajjiet bl-istess ħarsa tiegħu.
Dawn l-esperjenzi jsaħħuna biex nifilħu ngħaddu minn inkwiet u xogħol iebes fil-mixja tal-ħajja. B’hekk inkunu ċerti li Alla jieħu ħsiebna u jsejħilna biex nissieħbu miegħu fl-istorja tiegħu ta’ salvazzjoni.
Tant hu hekk li, kif it-tliet appostli flimkien ma’ Ġesú niżlu minn fuq il-muntanja, id-dixxipli baqgħu sejrin ilkoll flimkien lejn Ġerusalemm, fejn kien hemm tistennihom folla kbira mimlija tama. Imma fosthom kien hemm ukoll min ried jonsbu, min kien kontrih; kien hemm ukoll nuqqas ta’ qbil dwar min kien Ġesù, filwaqt li kien hemm oħrajn li saħansitra kienu jobogħduh. Hemmhekk “kienu se jinfirxu u jintbagħtu sa truf l-art biex jagħtu xhieda tas-Saltna t’Alla”, li hi d-dar tagħna fis-smewwiet imħejjija għalina l-bnedmin (2).
Minn din id-dinja stess, id-dixxipli setgħu jibnu din d-dar fost il-bnedmin, għax huma ġa kienu għexu fiha meta kienu ma’ Ġesù hemm fuq il-muntanja.
“Mulej, kemm hu sew li aħna hawn!”
“Qumu, tibżgħux” (3). Din kienet l-istedina li Ġesù għamlilhom fi tmiem din l-esperjenza straordinarja. Hi stedina li qed jagħmel lilna wkoll; u bħad-dixxipli u l-ħbieb tiegħu, aħna nistgħu niffaċċaw bil-kuraġġ dak kollu li hemm jistennina fil-ħajja.
Chiara Lubich għamlet esperjenza simili f’Awwissu tal-1949, meta hi u sħabha marru għal btala fuq id-Dolomiti. Waqt dawn il-ġranet ta’ mistieħ u kontemplazzjoni profonda dwar il-misterji tal-fidi tagħna, huma għamlu esperjenza qawwija tal-preżenza t’Alla fosthom. Għexu żmien ta’ dawl straordinarju, li għadu magħruf sallum bħala “l-Ġenna tal-1949”. Chiara ma xtaqitx kieku tinżel minn fejn kienu u tmur lura għall-ħajja ta’ kuljum.
Imma mbagħad dan għamlitu b’ħeġġa ġdida għax fehmet li kien eżattament minħabba dik l-esperjenza li hi kellha “tinżel minn fuq il-muntanja” sabiex tkompli ħidmietha bħala għodda f’idejn Ġesù, fit-twettiq tas-Saltna tiegħu. Għalhekk, f’ħajjitha ħadmet ħafna biex twassal l-imħabba u d-dawl tiegħu eżattament hemm fejn dawn kienu nieqsa.
“Mulej, kemm hu sew li aħna hawn!”
Meta nħossuna fid-dlam, aħna rridu niftakru fiż-żminijiet li fihom il-Mulej kien dawwalna. U jekk
għadna m’għamilniex l-esperjenza tiegħu li Hu jinsab il-ħin kollu qrib tagħna, irridu naraw kif nagħmluha. Bil-ħila kollha tagħna rridu “nitilgħu fuq il-muntanja”, ħalli hemm niltaqgħu miegħU f’ħutna l-bnedmin, nadurawH fil-Knejjes tagħna, u nammiraw sbuħitu fin-natura.
Hu jinsab dejjem hemm għalina: biżżejjed nimxu miegħU filwaqt li nżommu s-skiet ġewwa fina biex hekk inkunu nistgħu nisimgħuH, kif għamlu Pietru, Ġwanni u Ġakbu4.
Silvano Malini u t-team tal-Kelma tal-Ħajja
1: Mt 18, 20.
2: T. Radcliffe, OP, it-tieni meditazzjoni lill-parteċipanti fl-Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Sacrofano, l-1 ta’ Ottubru, 2023: https://www.vaticannews.va/it/vaticano/news/2023-10/testi-meditazioni-padre-radclifferitiro-sacrofano-sinodo.html
3: Mt 17, 7.
4: Cf. Mt 17, 6.
Be the first to comment