L-għaxar laqgħa dinjija tal-familji tħabbret f’Ġunju tal-2021. Din il-laqgħa kellha ġġib fi tmiemha s-sena ddedikata għall-Eżortazzjoni Appostolika Amoris Laetitia, u kellha tieħu forma differenti minn dik tas-soltu. Fil-messaġġ tiegħu meta nieda l-forma ġdida għal din il-laqgħa dinjija, Papa Franġisku wera x-xewqa li “kulħadd ikun jista’ jieħu sehem, anki dawk li ma jistgħux jiġu Ruma”, u l-komunitajiet djoċesani kienu mħeġġa jippjanaw inizjattivi bbażati fuq it-tema li hu għażel għal din il-laqgħa: “L-imħabba tal-familja: sejħa u triq għall-qdusja”.
Għalkemm il-belt ta’ Ruma kienet iċ-ċentru ta’ din il-ġrajja dinjija, li saret mit-22 sas-26 ta’ Ġunju 2022, iżda kull djoċesi ġiet imħeġġa tippromwovi u tgħix din il-laqgħa fil-lokal. Il-Knisja f’Malta fdat din il-ħidma f’idejn il-Moviment ta’ Kana, li stieden għaqdiet u movimenti oħra biex flimkien jikkollaboraw f’din il-ġrajja. Twieldet l-idea ġdida li jittella’ stand iddedikat għall-familja waqt il-ġranet tad-Trade Fair. Il-Moviment Familji Ġodda f’Malta kien mistieden u wieġeb b’impenn u ħerqa.
Ruth u Brian Spiteri, li tkellmu f’isem il-Moviment Familji Ġodda, qalu: “Għexna esperjenza tassew sabiħa! Ħdimna mill-qrib mal-Moviment ta’ Kana, okkażjoni biex jissaħħu r-relazzjonijiet u tkompli tixxettel il-kollaborazzjoni. Kiber fina l-entużjażmu u stajna nħossu b’mod konkret ir-realta’ ta’ familja anki bejnietna. Kulħadd għen mill-aħjar li seta’, kemm fit-tħejjija kif ukoll waqt il-fiera. Stajna anki nuru video-clip dwar il-familja li sar għal din l-okkażjoni bl-għajnuna professjonali ta’ wieħed minna. Naturalment, id-diffikultajiet ma naqsux imma l-imħabba u l-impenn sinċier għenuna negħlbuhom”.
Komplew jgħidu: “Meta konna fl-istand tat-Trade Fair il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju ltqajna ma’ ħafna li ġew iżuruh. Għamilna l-esperjenza ta’ Moviment li joħroġ biex jiltaqa’ ma’ kulħadd. Kien hemm waqtiet fejn stajna biss insellmu jew nagħtu tbissima, kien hemm oħrajn fejn stajna niefqu nisimgħu u anki nagħtu kelma ta’ kuraġġ. Kellna ċ-ċans li nippreżentaw id-dada tal-imħabba (…). Imma fuq kollox f’qalbna kien hemm ix-xewqa li nkunu xhieda ta’ dik l-Imħabba li anki d-dinja tal-familja tant għandha bżonn.”.
Grazzi għall-mezzi tax-xandir, familji mid-dinja kollha setgħu jsegwu anki dak li kien qed jiġri Ruma fejn kien hemm miġbura rappreżentanti tal-familji mid-dinja kollha, fosthom anki żewġ familji Maltin.
Fil-laqgħa li saret f’Sala Pawlu VI, fil-Vatikan, diversi familji qasmu l-esperjenza tagħhom, u meta l-Papa tahom il-messaġġ tiegħu hu qalilhom: “Kull waħda mill-familji tagħkom għandha missjoni fid-dinja, għandha xhieda x’tagħti” u talabhom biex iħallu lil Kristu jibdilhom ħalli huma wkoll jibdlu d-dinja u jagħmluha “dar għal dawk li għandhom bżonn min jilqagħhom, għal dawk li għandhom bżonn jiltaqgħu ma’ Kristu u jħossuhom maħbubin”.
Is-Sibt 25 ta’ Ġunju fil-għaxija, familji mid-dinja kollha nġabru fi Pjazza San Pietru għall-Quddiesa. Għalkemm kien Kardinal Farrell, il-prefett tad-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja li ppresida din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, imma kien Papa Franġisku li għamel l-omelja. Kliem il-Papa nisslu entużjażmu u wrew kif il-familja tista’ twassal l-Aħbar it-Tajba bix-xhieda tagħha tal-imħabba u bil-qawwa u l-perseveranza tagħha fil-waqtiet diffiċli.
Tħabbar li l-XI il-Laqgħa Dinjija tal-Familji għandha ssir fl-2028, fil-waqt li fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ġublew 2025 isir “Il-Ġublew tal-Familji”.
Vivienne Attard, Ruth & Brian Spiteri
Upcoming event
New Families BBQ on Friday 5th August at Selmun (behind the chapel). BYO food and drinks.
For more information contact: focolare.malta@outlook.com
Be the first to comment