Il-President tal-Fokolari kienet waħda mill-mistednin speċjali li ħadu sehem fil-ħidma tas-Sinodu matul ix-xahar ta’ Ottubru 2024.
Għeżież, insellmilkom!
Kif qed taraw, ninsab propju hawn, fi Pjazza San Pietru. Għadha kif ġiet fi tmiemha l-Quddiesa fil-konklużjoni tas-Sinodu. Kif tafu din l-esperjenza, din il-mixja sinodali ilha sejra tlett snin. Din kienet grazzja kbira, don t’Alla, mhux biss għalija personali, imma hi grazzja għall-Moviment tal-Fokolari kollu.
Fl-omelija, il Papa għadu kif qalilna li “m’aħniex Knisja muta, imma Knisja li tisma’ l-għajta tal-umanità”. “Mhux Knisja bilqiegħda, imma Knisja miexja”. U din kienet l-esperjenza tiegħi matul dan ix-xahar; irriflettejna fuq ħafna argumenti u sfidi li l-Knisja qed tgħix illum, u anki fuq dawk li d-dinja tal-lum għaddejja minnhom, il-gwerer, l-immigrazzjoni. Iddiskutejna ħafna affarijiet oħra, u għamilna dan b’mod tassew sinodali.
Dan kien l-eżerċizzju tagħna kuljum. Kien hemm laqgħat madwar mejda ma’ xi wħud u laqgħat oħra fejn konna lkoll flimkien. Jien kont ma’ grupp li ġew mill-ħames kontinenti: mill-Awstralja, mill-Amerika, mill-Ewropa, mill-Asja u mil-Lvant Nofsani. Kien hemm isqfijiet, kardinali, lajċi, miżżewġin, nisa, rġiel u anki delegati minn diversi Knejjes Insara oħra: kulħadd ta is-sehem tiegħu biex ir-riflessjoni tkun aktar rikka u biex tikber il-komunjoni ta’ bejnietna, kemm bħala Knisja Kattolika kif ukoll ma’ Knejjes oħra.
Ħassejt tant ferħ meta bdejt nara dak li Chiara kienet toħlom: Knisja li hi aktar komunjoni, Knisja li tista’ tkun espressjoni tal-armonja, kif qalilna l-Papa: il-keyword ta’ dan is-Sinodu, ta’ dak li għexna, kienet l-unità bħala armonija. Għax rajna li minkejja d-differenzi ta’ bejnietna fil-kultura, fl-età, fil-pożizzjoni, fir-responsabbiltà, qabel kollox konna aħwa u stajna naqsmu bejnietna l-affarijiet l-aktar profondi li hemm f’qalbna.
Qsamna wkoll il-ħafna tbatijiet li għaddejja minnhom il-Knisja, u għamilna dan bla mistħija (li ngħidu x’inhuma). Din kienet xi ħaġa li tant laqtitni: il-Knisja ma stħatx titkellem dwar dak li sar ħażin; għamlet dan b’umiltà u talbet maħfra: l-ewwelnett lil Alla, imma wkoll lil dawk ħutna li ġegħilniehom ibatu.
Issa importanti li l-affarijiet ma jifqux hawn; dan irid ikun il-punt tat-tluq għalina lkoll, biex nimxu flimkien, għax it-titlu tas-Sinodu kien: “għal Knisja missjunarja”: missjunarja fil-parteċipazzjoni, fil-komunjoni, fil-missjoni.
Nixtieq ngħid xi ħaġa fil-qosor għal dawk li għal issa mhux ser jirnexxilhom jaqraw id-Dokument kollu. Ser naqsam magħkom dak li laqtani wara li qrajtu bil-ħeffa. Hu maqsum f’ħames partijiet:
L-ewwel: L-Ispirtu s-Santu jsejħilna għall-konverżjoni; inħossha ħafna din il-ħaġa, din is-sejħa għall-konverżjoni għax is-sinodalità hi bħal profezija b’aspett soċjali li biex ngħixuha hemm bżonn ta’ spiritwalità. Mhijiex sinodalità li tfisser biss mixja flimkien, imma hi sinodalità li teħtieġ spiritwalità. U biex tgħix spiritwalità trid axxeżi, umiltà, u trid il-paċenzja ħalli żgur nimxu flimkien, u titlob li nkunu lesti li naħfru u nkunu maħfura.
It-tieni hi l-konverżjoni fir-relazzjonijiet; dan ifisser li l-bażi li fuqha nibnu kollox trid tkun ir-relazzjoni mal-persuni li magħhom niddjalogaw. Il-mod kif nieħdu ħsieb ir-relazzjonijiet mhijiex strateġija jew strument biex ikun hemm organizzazzjoni li tkun aktar effikaċi, imma hi l-mod li bih Alla l-Missier juri lilu nnifsu f’Ġesù, fl-Ispirtu.
It-tielet hi l-konverżjoni fil-proċess,; din kienet xi ħaġa li dħalna sew fil-fond tagħha: id-dixxerniment fuq kif ngħixu r-responsabbiltajiet tagħna, it-tmexxija tagħna, ir-responsabbiltajiet tagħna fil-Knisja, fil-komunitajiet li nagħmlu parti minnhom. Għalhekk important li ngħixu t-trasparenza, li nagħtu rendikont, kif ukoll li nevalwaw dak kollu li nagħmlu u l-ħidma tagħna sabiex inkunu kredibbli, anki quddiem is-soċjetà.
Ir-raba’ punt hi l-konverżjoni fir-rabtiet. Il-konverżjoni sinodali tistieden lil kull persuna biex tkabbar l-ispazju ta’ qalbha, il-post ewlieni fejn jidwu r-relazzjonijiet tagħna li għandhom l-għeruq tagħhom fir-rabta personali tagħna ma’ Ġesù u mal-Knisja.
Il-ħames punt jitkellem fuq il-formazzjoni, fuq l-importanza li jkun hemm il-formazzjoni għalina lkoll, formazzjoni sħiħa u kontinwa, li tkun kondiviża fil-livelli kollha fil-Knisja u li tkun għal kulħadd.
Dan hu li rridu nkomplu nagħmlu. Issa wasalna għall-fażi li fiha rridu nwettqu dak kollu li tgħallimna matul dawn it-tlett snin. Għalhekk inħoss responsabbiltà kbira li l-Moviment kollu jisma’ dan l-appell, din is-sejħa ġdida biex ngħixu l-messaġġ ta’ dan is-Sinodu.
Inħoss li għandi nitlaq minn din il-pjazza, fejn fis-Sala Pawlu VI għexna għal xahar sħiħ mad-dinja kollha, inħoss li għandna nitilqu minn hawn biex inkunu missjunarji tas-sinodalità.
Insellmilkom ilkoll u nirringrazzjakom ħafna tat-talb tagħkom li akkumpanjani matul dan ix-xahar, li kien impenjattiv, imma mhux tqil; kien grazzja immensa. Insellmilkom!
Be the first to comment