Qdusija ta’ poplu

 

Silta mill-messaġġ ta’ Chiara Lubich għall-festa ta’ Santa Chiara fil-11 ta’ Awwissu 2004.

“(…) X’tgħallimna Santa Chiara t’Assisi? Tgħallimna l-ewwelnett li għalkemm nimxu fi triq differenti minn dik li mxiet fiha hi, jeħtieġ li bħalha ngħixu fit-triq tagħna b’mod sħiħ. (…) Chiara t’Assisi waqqfet ħafna kunventi: dan kien il-mod kif wieħed kien jgħix il-Kristjaneżmu fi żmienha, u dawn il-kunventi għadna nsibuhom sa llum u jibqgħu jeżistu. Imma f’dak iż-żmien il-lajċi ma kellhom ebda importanza fil-Knisja. Iż-żmien baqa’ miexi u anki l-Knisja, u hekk fis-seklu tagħna joħroġ b’mod partikulari l-protagoniżmu tal-lajkat fil-Knisja.

Il-Knisja tagħraf lilha nnifisha bħala poplu t’Alla. U Ġesù stess jurina l-ambjent li fih dan il-poplu jrid jgħammar: “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-ħażin” (Ġw 17,15). (…) U Ġesù li ma jridx li n-nisrani jwarrab mid-dinja, taħ il-proxxmu, lil ħuh, mhux biss bħala sieħeb fil-vjaġġ tal-ħajja imma bħala triq għall-għaqda ma’ Alla. U permezz tal-imħabba lejn ħutna, aħna nistgħu nagħtu s-sehem tagħna ħalli jseħħ il-pjan t’Alla fuq l-umanità, biex id-dinja ssir familja waħda u sseħħ il- fraternità universali. U dan nistgħu nagħmluh għax l-imħabba għandha l-qawwa li twassal biex Ħuna per eċċellenza jkun magħna. (…)

Nirringrazzjaw lil Chiara t’Assisi tal-eżempju mimli dawl li tagħtina: hi turina kif b’fedelta’ nimxu fit-triq li Alla jsejħilha biex nimxu fiha. U f’din il-festa tagħha nitolbuha tgħinna biex aħna wkoll naslu għall-perfezzjoni, għall-qdusija, possibbilment għall-qdusija kollettiva, qdusija ta’ poplu”.

Traduzzjoni ta’ Vivienne Attard


 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.