Inkunu poplu tal-Għid

B’din is-silta minn messaġġ li Chiara Lubich wasslitilna għall-Għid 1994, nawguraw lil xulxin l-Għid Qaddis!

“Għeżież,

Il-festa tal-Għid, l-akbar festa tas-sena hi fil-qrib, u magħha l-Ġimgħa Mqaddsa, li hi mimlija bil-misteri l-aktar prezzjużi tal-ħajja ta’ Ġesù. Nagħmlu t-tifkira ta’ dawn il-misteri: l-Ħamis. Il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd tal-Qawmien, u għalina dawn jirrappreżentaw l-aspetti ċentrali tal-ispiritwalità tagħna. (…)

Niċċelebrawhom mal-Knisja permezz tal-liturġija mqaddsa, imma la triqtna hi “triq tal-ħajja”, aħna nagħmlu ħilitna biex nonorawhom ukoll b’ħajjitna.

Mela, allura x’ser ngħixu matul dawn il-jiem imbierka? Naħseb li jekk ngħixu l-Għid, jiġifieri jekk inħallu lil Ġesù li qam mill-mewt jgħix fina, dan ikun l-aħjar mod kif ngħixuhom kollha. Fil-fatt, jekk irridu li Kristu Rxoxt jiddi fina, jeħtieġ li nħobbu lil Ġesù Abbandunat u mmorru “lil ‘l hemm mill-pjaga”- kif ngħidu aħna – fejn l-imħabba hi reġina. Hi din l-imħabba li tqanqalna biex ngħixu l-Kmandament il-Ġdid, li tħeġġiġna biex nersqu lejn l-Ewkaristija li ssaħħaħ fina din l-imħabba divina. Hi din l-imħabba li twassalna biex ngħixu l-għaqda m’ Alla u ma’ ħutna l-bnedmin. Hu permezz ta’ din l-imħabba li b’xi mod nistgħu nkunu Marija oħra.

Iva, l-aħjar mod biex ngħixu l-aspetti differenti tal-ħajja ta’ Ġesù, li nagħmlu t-tifkira tagħhom matul il-Ġimgħa Mqaddsa, hu li nipproponu lilna nfusna li nħallu lil Kristu Rxoxt jgħix fina.

Għeżież, dan hu li nixtiequ nipproponu u dan hu li għandna nfittxu li ngħixu.

Jekk ngħixu dan ilkoll flimkien, inkunu tassew il-Poplu tal-Għid …. U hekk, inkunu nistgħu nifhmu aħjar il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù.”

Chiara Lubich

 


 




Happy Easter 2022




Il-Ġimgħa Mqaddsa: “Dak kollu li nfakkru f’dawn il-jiem huwa mħabba.”

Fil-Ġimgħa Mqaddsa tas-sena 2000, Chiara Lubich kitbet:

“Kull sena, fil-Ġimgħa Mqaddsa, inħossuna milquta minn atmosfera speċjali. Din is-sena, f’għeluq l-elfejn sena mit-twelid ta’ Ġesu’, dawn il-jiem jakkwistaw qawwa ġdida. Fihom naraw aktar minn qatt qabel, l-Imħabba ta’ Ġesu’ għalina. Dak kollu li nfakkru f’dawn il-jiem huwa mħabba.

ĦAMIS IX-XIRKA
Is-saċerdozju hu mħabba għax hu qadi u allura mħabba konkreta.
L-Ewkaristija hi mħabba għax fiha Ġesu’ jagħtina lilu nnifsu.
L-Unita’ hi mħabba. Kien bħal-lum meta Ġesu’ talab lill-Missier: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda ….”.
Hu mħabba l-kmand ta’ Ġesu’:“Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien”. Ġesu’ tana dan il-kmand ġurnata qabel ma miet.

Ma nistgħux inħallu dan il-jum jgħaddi bla ma ninġabru għal ftit tal-ħin u ngħidu lil Ġesu’ li aħna lesti li ngħixu dan il-kmand li hu sejjaħlu “tiegħu” u “ġdid”. Fih tidwi l-ħajja tat-Trinita’. Skoprejnieh waqt li t-tieni gwerra dinjija kienet fl-aqwa tagħha. U rajna lil Ġesu’ bħal emigrant divin: telaq is-Sema u ġie jgħammar fostna, u għex il-ħajja li ngħixu aħna. Kien tarbija, kiber u sar iben eżemplari, raġel u ħaddiem, iżda Hu ġab miegħu l-għajxien tas-Sema pajjiżu u ried li l-bnedmin u l-affarijiet jingħaqdu f’ordni ġdid, skont il-liġi tas-sema: il-liġi tal-imħabba.

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA
Bil-mewt tiegħu fuq is-Salib, Ġesu’ tana lezzjoni divina u erojka fuq l-imħabba. Hu kien ta kollox. Għex ħajja ta’ tbatija u ubbidjenza qrib ta’ Marija. Dam tliet snin jippriedka u jwassal il-Verita’, jixhed għall-Missier, iwiegħed l-Ispirtu s-Santu u jagħmel kull xorta ta’ mirakli ta’ mħabba. Dam tliet sigħat fuq is-salib mnejn ħafer lil dawk li qatluh, fetaħ il-bieb tal-ġenna għall-ħalliel it-tajjeb, tana lil Ommu u fl-aħħarnett tana Ġismu u Demmu, wara li kien ġa tahomlna b’mod mistiku fl-Ewkaristija. Kien għad fadallu biss id-divinita’ tiegħu.

L-għaqda tiegħu mal-Missier (…) tagħtu setgħa fuq din l-art u dinjita’ rjali fuq is-salib, imma dan is-sentiment tal-preżenza ta’ Alla kellu jinżel fil-fond tar-ruħ tiegħu u ma jibqax jħossu aktar. B’xi mod ħassu mifrud minn Dak li dwaru kien qal: “Jien u l-Missier ħaġa waħda” (Ġw. 10, 30). Fih l-imħabba xxejnet, id-dawl intefa, l-għerf siket.

Xejjen lilu nnifsu għalina biex aħna nieħdu sehem f’dak li hu Kollox: dudu tal-art (Salm 22, 7) biex jagħmel lilna wlied Alla.

Konna mifruda mill-Missier. Kien meħtieġ li l-Iben, li fih aħna lkoll konna rappreżentati, iġarrab il-firda mill-Missier; iħoss l-abbandun minn Alla biex aħna ma nkunu qatt aktar abbandunati.

Hu għallem li ħadd m’għandu mħabba akbar minn dik ta’ min jagħti ħajtu għal ħbiebu. Hu, li hu l-Ħajja, ta lilu nnifsu b’mod sħiħ. Kienet il-quċċata tal-imħabba, l-isbaħ espressjoni tagħha.

“Ħobbu lil xulxin bħal ma ħabbejtkom jien”. Nagħtu ħajjitna għal xulxin: dan għandu jkun il-kejl tal-imħabba tagħna; dan hu s-sigriet biex Ġesu’ Rxoxt ikun dejjem fostna.

Meta qrajna dan il-kliem ta’ Ġesu’ fix-xelters ta’ Trento, fihmna li huma l-qalba tal-Vanġelu, u flimkien mal-ewwel ħbieb tiegħi għamilna patt. Għidna lil xulxin:“Jien lesta li nagħti ħajti għalik”. Kull waħda minna kienet lesta li tagħti ħajjitha għall-oħrajn, u l-ġid spiritwali u materjali li kellna saru ta’ kulħadd. Ħajjitna għamlet qabża ta’ kwalita’, u għall-ewwel darba ħassejna paċi u dawl li qatt ma konna ħassejna bħalhom qabel (…), u ferħ ġdid, rari, li ma jispiċċa qatt. Kif wiegħed hu stess, Ġesu’ Rxoxt kien preżenti spiritwalment fostna magħqudin f’ismu (ara Mt. 18, 20).

Id-dinja hi għatxana għal Ġesu’. (…) Hemm bżonn li tiltaqa’ ma’ min mhux biss jemmen u jħobb b’xi mod, imma ma’ jagħti xhieda awtentika u jgħid: “Rajtu!” kif Marija Maddalena qalet lill-appostli wara li ratu ħdejn il-qabar. Iva, aħna skoprejnieh fid-dawl li bih dawwalna; missejnieh fil-paċi li nissel fina; smajna leħnu fil-fond qalbna; gawdejna l-ferħ veru tiegħu. (…)

Mela, ejjew inħobbu lil xulxin b’mod li aħna wkoll inkunu nistgħu nagħtu xhieda u ngħidu: “Rajtu, ħassejtu!”.


 




Awguri tal-Għid mingħand Margaret Karram, il-president tal-Fokolari

“(…) Dan l-Għid jista’ jkun wieħed ta’ tiġdid għalina lkoll; matul dan iż-żmien diffiċli  tal-pandemija, f’dan l-Għid aħna nistgħu ngħaddu mill-mewt għall-ħajja, mid-dlam għad-dawl.

Ħsibt li dan hu li nistgħu nagħtu lin-nies ta’ madwarna hemm kulfejn ninsabu fid-dinja: nistgħu nagħtuhom ftit dawl, ftit ferħ li jiġi mill-Mulej li qam mill-mewt u jinsab miexi magħna.

BiĦ fostna l-lejl ma jasalx u  dejjem ikollna d-dawl.

Mela, l-Għid it-tajjeb lil kulħadd, kemm lil dawk li qed jiċċelebrawh issa u anki lil dawk li  ser jiċċelebrawh aktar tard. Aħna magħqudin magħkom ikoll, u sellu għal kulħadd!.

Sakemm nerġgħu niltaqgħu tislijiet u xewqat sbieħ!”

Margaret Karram