Il-Messaġġ ta’ Margaret Karram għall-Milied 2024

Nixtieq li  nwassal ix-xewqat tiegħi, l-isbaħ xewqat tiegħi għall-Milied, lilkom ilkoll  fid-dinja kollha;
imma qabel kollox, nixtieq li flimkien magħkom ngħid grazzi lil Ġesù,
l-ewwelnett talli għoġbu jiċċekken daqshekk  u jkun hu li  jħobbna l-ewwel,
u talli għallimna xi jfisser inkunu qrib l-oħrajn u nħobbuhom b’dik l-mħabba li ma tafx b’kejl.
Ejjew, mela, nitolbuh jiftaħ qlubna  biex aktar minn qatt qabel  inkunu lesti li nilqgħu lil kulħadd u nibnu relazzjonijiet sinċieri  ħalli hekk inwasslu l-paċi u t-tama lil kull persuna.

Il-Milied it-tajjeb lil kull wieħed u waħda minnkom!

Margaret Karram


 




Il-laqgħa tar-responsabbli tal-Moviment tal-Fokolari tiftaħ bil-messaġġ tal-Papa

Ferħ mhux tas-soltu għal dawk responsabbli tal-Moviment tal-Fokolari miġbura flimkien fiċ-Ċentru, Ruma, għal-laqgħa annwali tagħhom, li ser issir mill-10 sat-23 ta’ Settembru, mhux biss għax reġgħu sabu ruħhom flimkien wara l-pandemija, imma wkoll għax wasal il-messaġġ mhux mistenni ta’ Papa Franġisku.

“Grazzi ħafna ta’ tant aħbarijiet sbieħ. Jien qrib tiegħek u tagħkom ilkoll. Nitlob għalikom u jekk jogħġobkom, intom itolbu għalija”. Papa Franġisku hekk wieġeb lil Margaret Karram, President tal-Moviment tal-Fokolari, kliem li bihom hi għażlet li tagħti bidu għall-laqgħa li qed jieħdu sehem fiha dawk responsabbli tal-Moviment tal-Fokolari fid-dinja kollha u l-Kunsill Ġenerali tiegħu.

Margaret irrakkuntat, lill-104 li qed jieħdu sehem f’din il-laqgħa, li f’dawn l-aħħar ġranet hi ħasset li għandha tikteb lill-Papa biex tirringrazzjah talli hu dejjem qrib tagħha u tal-Moviment kollu, bit-tama li tagħmlu kuntent.

Fl-ittra li kitbitlu fis-6 ta’ Settembru, fost affarijiet oħra qaltlu: “Għaddew sena u seba’ xhur minn meta ġejt eletta President u nistqarr miegħek li dan kien żmien impenjattiv, b’bosta sfidi u deċiżjonijiet. Fhimt aktar dak li tgħid int, li biex nikbru hemm bżonn li ‘ninżabru’. Tit-tiġdid tal-għażla tiegħi ta’ Ġesu Msallab u Abbandunat meta nħaddnu f’dawn l-isfidi, insib li tissaħħaħ l-umilta’ u tikber it-tama, u nħossni aktar f’għaqda miegħek, Santita, u ċerta li Alla qed iwettaq il-ħidma tiegħu.

Fl-istess waqt stajt nara wkoll jinbet ħafna frott; isiru passi spiritwali individwali u komunitarji, tingħata attenzjoni lill-imwarrbin u ssir ħidma konkreta favur min qed ibati”.

Hi temmet din l-ittra billi żgurat lill-Papa mit-talb tal-membri tal-Moviment. Tassew kienet sorpriża kbira meta l-għada rċeviet it-tweġiba tal-Papa miktuba minnu stess:

7.9.22

Lis-Sinjorina Margaret Karram,

Għażiża oħti,
Grazzi ħafna tal-ittra tiegħek. Grazzi ħafna ta’ tant aħbarijiet sbieħ.

Jien qrib tiegħek u tagħkom ilkoll. Nitlob għalikom, u jekk jogħġobkom, intom itolbu għalija.

Il-Mulej ibierkek u l-Madonna tħarsek.

Fraternament,

Franġisku

 




Happy Easter 2022




Margaret Karram: Inħallu r-rikonċiljazzjoni u t-talb ikunu fil-qalba ta’ ħajjitna

Fil-waqt li qed tkompli tiżdied dejjem aktar il-vjolenza fl-Art Mqaddsa, fil-Kolumbja, f’Myanmar u f’diversi pajjiżi tal-Afrika, il-President tal-Fokolari tappella lill-komunità tal-Moviment fid-dinja kollha sabiex mill-ġdid ipoġġu d-djalogu u t-talb, toroq li jwasslu għall-paċi vera, fil-qalba tal-ħajja u ta’ kull ħidma.

Ma nistgħux ma nisimgħux l-għajta ta’ tbatija li f’dawn il-ġranet qed tasal minn bosta postijiet fid-dinja, għax mill-ġdid il-paċi hi mhedda.

Qed nirreferi għall-protesti  ta’ vjolenza li ilhom isiru għal bosta ġranet f’diversi bliet tal-Kolumbja, għall-poplu ta’ Myanmar li ilu jbati xhur sħaħ u s’issa  għadu mhux qed jara  ebda xaqq ta’ dawl dwar paċi u libertà, għal diversi postijiet fl-Afrika li minħabba motivi differenti huma mifnija bi vjolenzi li qishom ma jispiċċaw qatt.

U x’ingħidu għas-sitwazzjoni li reġgħet faqqgħet f’dawn il-ġranet f’Ġerusalemm, f’Haifa, fl-istrixxa ta’ Gaza u f’ħafna bliet oħra tal-Art?

Hi sitwazzjoni li nħossha fuq ġildi; l-aħbarijiet dwar bumbardamenti u mwiet li qed jiżdiedu kuljum, qed jerġgħu jkebbsu f’qalbi  tbatija kbira, anki għax din hi l-art fejn twelidt u kbirt.

Lil dawk kollha li qed jgħixu f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ vjolenza u li spiss jirriskjaw ħajjithom, nixtieq ngħidilhom li jien magħquda  magħhom aktar minn qatt qabel! Noffri u nitlob kuljum biex il-bumbardamenti u l-vjolenza bejn gruppi differenti jiefqu, ħalli ma jintilfux aktar ħajjiet, u biex  il-paċi terġa’ tkun il-ġid suprem għal kull persuna, għal kull poplu u gvern.

Din l-art b’feriti fondi, iżda wkoll b’ħafna rikkezza frott tal-popli differenti  li jgħammru fiha, naqqxet f’ruħi ċ-ċertezza li d-djalogu biss, xi drabi mgħix anki b’mod erojku,  jista’ jibni l-paċi vera f’dawk il-postijiet fid-dinja fejn hi nieqsa.  Illum qed inħoss li għandi nistieden lil kulħadd biex  niskopru mill-ġdid li aħna lkoll aħwa, ulied tal-istess Missier, bla  ma nħallu  l-mibegħda taħkimna jew  naqgħu fit-tentazzjoni li naraw biss il-parti tagħna.

Ejjew  flimkien nieħdu l-impenn li npoġġu r-rikonċiljazzjoni u d-djalogu fiċ-ċentru tal-ħsieb tagħna u tal-ħajja tagħna, tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna, tal-popli tagħna:  djalogu ma’ kulħadd, bla ma nħallu barra lil ħadd, djalogu li jissarraf f’politika ġusta li tilqa’ u tirrispetta d-diversità.

Jibqa’ l-fatt li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet estremi u ta’ disperazzjoni fejn jidher impossibbli li ssib soluzzjoni, iżda ħafna drabi sperimentajna li l-imħabba dejjem issib il-mezz kif tasal fil-qalb tal-ieħor. Hemm kitba ta’ Chiara Lubich dwar dan li dejjem timlieni bit-tama u bil-kuraġġ, u nixtieq naqsamha magħkom:

“Jekk aktar bnedmin jaċċettaw it-tbatija għall-imħabba, it-tbatija għall-imħabba tista’ ssir l-arma l-aktar qawwija li tagħti lill-umanità d-dinjità l-aktar għolja tagħha:  li mhijiex wisq li tħossha ġabra ta’ popli, wieħed ħdejn l-ieħor, iżda li tkun poplu wieħed, familja waħda”.

Ejjew inżommu t-tama ħajja! Fil-waqt li nġeddu l-imħabba tagħna lejn xulxin, ejjew nitolbu aktar  għal min qed ibati, għal dawk li tilfu ħajjithom, għal min m’għandux ċertezza dwar il-ġejjieni. Imma fuq kollox ejjew nitolbu lil Alla li jagħtina l-ġid l-aktar kbir għall-bnedmin kollha: id-don ta’ paċi ġusta u dejjiema.

Margaret Karram
President tal-Moviment tal-Fokolari




It-tmexxija l-ġdida tal-Moviment tal-Fokolari

 

It-tmexxija l-ġdida tal-Moviment tal-Fokolari tikkonsisti fil-president Margaret Karram (mill-Art Mqaddsa), il-ko-president Jesús Morán (minn Spanja), 22 kunsilliera ġenerali u Noreen Lockhart (mir-Renju Unit) u Flavio Roveré (mill-Brażil), li ġew eletti rispettivament mis-sezzjoni tal-fokolarini nisa u dik tal-fokolarini rġiel biex ikunu responsabbli ta’ dawn iż-żewġ sezzjonijiet tal-Opra.

It-22 kunsilliera ġenerali, li kienu eletti mill-Assemblea Ġenerali 2021, jiġu minn 17-il pajjiż f’4 kontinenti. Huma ta’ età bejn it-52 u s-70 sena, u jirrappreżentaw il-multikulturalità li minnha jingħaraf il-Moviment. Ħafna minnhom għexu mhux biss f’pajjiżhom imma wkoll għamlu esperjenza f’diversi pajjiżi oħra. Dan hu importanti biex jifhmu aktar il-karatteristiċi, il-bżonnijiet u l-isfidi tal-pajjiżi li fihom jgħixu dawk li jħaddnu l-messaġġ tal-unità tal-Moviment tal-Fokolari.

Skont l-Istatut Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari, din it-tmexxija trid taħdem “biex tiggarantixxi u ssaħħaħ l-unita’ fil-Moviment kollu, fil-waqt li twasslu biex iwettaq l-iskopijiet tiegħu u tieħu ħsieb il-kordinament bejn id-diversi partijiet tiegħu.”

Nhar it-Tlieta 2 ta’ Marzu, il-president Margaret Karram tat lill-kunsilliera eletti r-responsabbiltajiet ġodda tagħhom li jinkludu kemm aspetti differenti fil-ħajja tal-Moviment kif ukoll id-diversi oqsma ġeografiċi fejn jinsab.

F’din l-okkażjoni, il-President saħqet dwar ix-xewqa tagħha li fiċ-“Ċentru tal-Moviment”, bħal f’kull tmexxija oħra li hemm fih, isaltan spirtu profond ta’ servizz bejn aħwa li jitwieled mill-imħabba tal-Vanġelu.




Margaret Karram – il-president il-ġdida

Margaret Karram – il-president il-ġdida

Il-Presidenza għall-Moviment tal-Fokolari fis-6 snin li ġejjien

Bħalissa l-Moviment tal-Fokolari qed jiltaqa’ għall-Assembea ġenerali li ssir kull sitt snin. Din hi t-tielet assemblea wara l-mewt tal-fundatriċi tiegħu Chiara Lubich. Wara tlett ijiem ta’ rtir u preżentazzjoni ta’ rapport minn Maria Voce, li mexxiet il-Moviment għal dawn l-aħħar tnax-il sena, bdew il-votazzjonijiet għat-tmexxija fis-sitt snin li ġejjien.

F’komunikat stampa maħruġ mill-Uffiċċju Informazzjoni tal-Fokolari fl-1 ta’ Frar tħabbar li:“Margaret Karram,  ġejja mill-Art Mqaddsa, kienet eletta President tal-Moviment tal-Fokolari fil-31 ta’ Jannar 2021 b’aktar minn żewġ terzi tat-359 parteċipant mid-dinja kollha li qed jieħdu sehem fl-Assemblea Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari”.

Karram twieldet Haifa, f’Izrael, fl-1962, minn familja Palestinjana. Ggradwat fil-Ġudaiżmu mill-Università Ebrajka ta’ Los Angeles. Wettqet diversi ħidmiet ta’ responsabbilità fil-Moviment u tat is-sehem tagħha f’diversi kummissjonijiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu għad-djalogu bejn it-tliet reliġjonijiet monoteisti. Ilha mill-2014 tagħti sehemha fiċ-Ċentru Internazzjonali tal-Moviment bħala kunsilliera.

Fl-2013 rebħet il-Mount Zion Award għall-impenn tagħha biex ikun żviluppat id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet u l-kulturi differenti u fl-2016 ġiet mogħtija l-Premju Internazzjonali S. Rita għall-ħidma tagħha biex jikber id-djalogu fost l-Insara, il-Lhud, il-Musulmani, l-Iżraeljani u l-Palestinjani permezz ta’ dak li wieħed jista’ jibda jgħix fil-ħajja ta’ kuljum.

In-nomina tagħha tħabbret wara li d-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja kkonferma l-elezzjoni tagħha, skont kif jitlob l-Istatut Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari, li jgħid li l-President il-ġdida għandha twettaq il-ħidma tagħha “b’fedeltà, spirtu ta’ servizz u sens ta’ knisja għall-ġid tal-membri tal-Opra u tal-Knisja universali” u li għandha tkun “sinjal ta unità” f’Moviment li jħaddan u jagħmel ħiltu biex iwassal il-messaġġ ta’ fraternità li Chiara Lubich, il-fundariċi tiegħu siltet mill-Vanġelu: “Missier, ħa jkun ilkoll ħaġa waħda” (Ġw 17, 20-26).

Maragaret Karram għandha bosta impenji u sfidi li qed jistennewha fis-snin li ġejjien; hi ġiet fdata b’ħidma ta’ tmexxija u direzzjoni f’Moviment li għandu dimensjoni globali u li jidħol b’mod profond fir-realtajiet u l-isfidi lokali u globali tal-umanità. L-Istatut ġenerali jindika wkoll “l-istil” li bih trid tiddistingwi ruħha l-ħidma tal-President; jgħid: “Il-presidenza tagħha trid tkun qabel kollox waħda ta’ mħabba għax hi trid tkun l-ewwel waħda li tħobb u taqdi lil ħutha fil-waqt li tiftakar fil-kliem ta’ Ġesu: “Min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun ilsir ta’ kulħadd” (Mk 10:44).

Jesús Morán jerġa’ jkun elett ko-president

Wara l-votazzjoni għall-President, l-Assemblea vvutat ukoll għall-ko-president,u Jesús Morán ġie elett għat-tieni darba biex ikun il-Ko-president tal-Moviment tal-Fokolari. Id-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja kkonferma din in-nomina tiegħu fit-2 ta’ Frar.

Jesús Morán għandu 64 sena; twieled f’Navalperales de Pinares, Avila, Spanja. Iltaqa’ mal-messaġġ evanġeliku li jipproponi l-Moviment tal-Fokolari meta kien student universitarju permezz tax-xhieda ta’ xi wħud minn sħabu. Illawrja fil-Filosofija fl-Università Awtonoma ta’ Madrid, u mbagħad fit-Teoloġija Dommatika fl-Università Pontifiċja Kattolika f’Santiago, il-Ċile. Għandu dottorat fit-Teoloġija mill-Università Pontifiċja tal-Lateran, f’Ruma.

Mill-1996 sal-2004 hu kien id-delegat tal-Moviment tal-Fokolari għaċ-Ċile u l-Bolivja, fejn kien ordnat saċerdot fil-21 ta’ Diċembru 2002. Mill-2004 sal-2008 kien ko-responsabbli tal-Moviment fil-Messiku u Kuba.Fl-Assemblea Ġenerali tal-Fokolari li saret fl-2008, hu kien elett kunsillier ġenerali, u fl-2009 beda jagħmel parti mill-Iskola Abba, ċentru interdixxiplinari ta’ studju tal-Moviment, bis-sehem tiegħu fl-antropoloġija  teoloġika u t-teoloġija morali. Mill-2014 sal-lum hu kien ko-president tal-Moviment.

L-ewwel dmir tiegħu hu li jgħin u jikkollabora mal-president. L-Istatut tal-Moviment tal-Fokolari jitkellem dwar “unità profonda mal-president” biex tkun tista’ tiżen ideat u deċiżjonijiet, fi smigħ u tiftix komuni tar-rieda t’Alla. Hu responsabbli tas-saċerdoti li jaderixxu għall-Moviment, u jara l-ħajja interna u l-attivitajiet tal-Moviment ikunu konformi mat-twemmin u l-morali tal-Knisja.

Fil-jiem li ġejjien ikomplu jsiru l-votazzjonijiet biex jiġu eletti l-kunsillieri ġenerali u titkompla l-ħidma  dwar l-orjentamenti  u l-linji li l-Moviment irid jimxi fuqhom fis-sitt snin li ġejjien.

Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Moviment tal-Fokolari

Traduzzjoni bil-Malti: Vivienne Attard